30 ta’ Marzu: Beatu Amedew tas-Savoja

Verżjoni Vidjo: Beatu Amedew tas-Savoja

“Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom”. ~ L-aħħar kliem tal-Beatu Amedew tas-Savoja lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru fl-aħħar mumenti tal-ħajja tiegħu.

220px-Antoine_de_Lohny_Amedeo_IXBEATU AMEDEW TAS-SAVOJA
Re u Raġel Miżżewweġ
1435 – 1472

Tagħrif: Amadew IX twieled f’Thonon (Franza) fl-1 ta’ Frar 1435; nannuh kien Amadew VIII li kien elett antipapa fl-1438, imma li abdika b’mod virtuż ftit snin wara. Kien jibda l-ġurnata b’meditazzjoni personali u bis-smigħ tal-quddies. Kien jersaq għas-sagramenti ħafna aktar spiss milli kienet id-drawwa dak iż-żmien.

Minn twelidu għarrsuh lil Jolanda, oħt ir-re Lwiġi XI re ta’ Franza, li żżewwiġha fl-1451 meta kellu 17-il sena u minnha kellu seba’ ulied. Martu, bħalu, kienet mara reliġjuża ħafna, u għenitu anki fit-tmexxija ta’ pajjiżu.

Ta’ 30 sena (fl-1465) hu laħaq minflok missieru, Lwiġi I, fuq it-tron tal-Pjemonte u s-Savoja; imma, matul is-seba’ snin tas-saltna tiegħu, billi kien marid b’epilepsija, hu qasam it-tmexxija mad-dukessa martu. L-għaqda tagħhom kienet bla miksura, u huma ma kienu jaħsbu f’xejn ħlief il-ġid temporali u spiritwali tas-suditti tagħhom.

Għalkemm il-mod ta’ ħajja li għex kienet waħda li taqbel mal-grad tiegħu, u hu nnifsu kien lest li jmut f’kull mument, Amedew ma xtaq qatt li s-sudditi tiegħu jxerrdu demmhom għalxejn.

Kien aħrax biss mal-libertini, ma’ dawk li jaħqru lin-nies (‘extortioners’), u d-dgħajja. Fuq l-eżempju tiegħu d-duka ta’ Milan Francesco Sforza kien jimmulta lil dawk fost il-kortiġġjani tiegħu li jinstemgħu jidgħu, u bis-somma li ġabar minn għandhom bena kappella li hu wkoll żejjen ħafna. Meta l-istess prinċep ra t-tjieba kbira u l-imħabba li Amedew kien juri lill-fqar, qal fuqu: “Fil-pajjiżi tiegħek wieħed jistħajlu jinsab n-naħa l-oħra tad-dinja! Kullimkien tista’ tgħid li aħjar tkun għani milli fqir, imma miegħek huma l-fqar li huma mweġġħin u l-għonja li huma mmaqdrin.”

Id-duka kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Lil dawk li ppruvaw jipperswaduh ma jsumx daqshekk, hu kien iweġibhom li ebda ħaġa ma kienet daqstant tajba għal saħħtu. L-aħħar snin ta’ ħajtu l-marda qabritu ħafna. Martu u ħbiebu kienu jitnikktu ħafna jarawh hekk batut. “Għalfejn tinkwetaw,” qalilhom meta ġie f’tiegħu, “bl-umiljazzjonijiet niksbu s-saltna ta’ Alla’. L-aħħar kliem tiegħu lil uliedu u n-nobbli li nġabru madwaru kienu: “Kunu ġusti; ħobbu lill-fqar, u l-Mulej jagħtikom is-sliem fil-pajjiż tagħkom.”

Il-Beatu Amedew miet f’Vercelli (fil-Pjemonte) nhar it-Tnejn tal-Għid, 30 ta’ Marzu 1472, ftit ġimgħat wara li għalaq it-38 sena. Kien ibbeatifikat fl-1677, bit-tħabrik ta’ San Franġisk de Sales u l-Kardinal Bona. Ħajtu nkitbet mill-kardinal ġiżwita San Robertu Bellarmino.

Ħsieb: Interessanti ninutaw il-parteċipazzjoni ta’ martu Jolanda fit-tmexxija tiegħu. Bħal donnu bejnu u bejn martu, kien hemm armonija u għaqda tant soda, li r-raġuni tagħha bla dubju, kienet l-għaqda tagħhom it-tnejn ma’ Kristu. Infatti, ma setax ma jkunx żwieġ b’saħħtu, ladarba nafu li martu kienet mara reliġjuża ħafna u hu kien dejjem jitħarreġ fil-penitenza u fit-talb. Alla kien jiġi l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja ta’ din il-koppja rjali. U kien għalhekk li leħqu grad ta’ għaqda u unjoni li mhux kulħadd jasal għaliha. Imma x’qed jiġri mill-koppji nsara tal-lum? Għaliex daqshekk nuqqas ta’ qbil, infedeltajiet, qasmiet u firdiet? X’għandhom jagħtu każ biex jibqa’ jkollhom żwieġ b’saħħtu, dawk il-koppji li qed jitħajru jiżżewwġu bil-Knisja?

Dan hu d-diskors tat-8 ta’ Diċembru 2015, li l-Arċisqof Charles J. Scicluna qal waqt l-omelija tiegħu f’quddiesa għal dawk li kien għadhom kemm iżżewġu matul dik is-sena:

Għeżież koppji li żżewwiġtu din is-sena, l-ewwel awgurju tiegħi għalikom hu li intom tibqgħu ta’ kuljum tieħdu grazzja ma’ xulxin, u li jkollkom dik l-imħabba lejn xulxin li għandu Alla għalina.  

Il-Mulej għażilkom għal missjoni speċjali. L-ewwelnett li tħobbu lil xulxin u li bl-imħabba tagħkom lejn xulxin tkunu sinjal qawwi tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja, għal kull bniedem. Intom u ssibu grazzja ma’ xulxin, tixhdu għall-grazzja li Alla ħa bina. Aħna nistgħu ngħidu: Alla ħa grazzja magħna, uriena mħabba speċjali, ħabbna mhux għax konna gustużi, jew konna twajbin, jew konna qaddisin.

It-talba tiegħi llum hija li intom bħala miżżewġin tkunu, skont ir-rieda t’Alla u bil-koperazzjoni tagħkom, għajn ta’ ħajja għal xulxin, anke billi tnisslu wlied ġodda għall-familja tagħkom u għas-soċjetà.

Neżortakom, inħeġġiġkom, biex tikbru fil-qdusija fl-imħabba. Kemm hi sabiħa l-espressjoni li nsibu fl-Ittra lil Efesin 1:4: “għażilna Fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba”. Intom hekk se tkunu qaddisin, hekk se tkunu, bla tebgħa. Tgħiduli: ‘kultant niżloq fin-niexef taf!’ Kulħadd jgħaddi minn din l-esperjenza, ħafna drabi kuljum, imma nibqgħu xorta msejħin inkunu qaddisin billi kuljum inġeddu l-proponiment, l-impenn għall-imħabba. Intom din il-vokazzjoni tgħixuha billi tħobbu ħafna lil xulxin.

Infakkarkom fil-parir li San Ġorġ Preca ta lil Dr Spiteri. Meta qallu: ‘Sinjur, se niżżewweġ’, Dun Ġorġ qallu: ‘tajjeb, issa mur lura fid-dar fejn se tgħixu u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tlett kelmiet: paċenzja, paċenzja, paċenzja’. Bil-paċenzja li tieħdu b’xulxin, bis-saram ta’ din il-ħajja, biċ-ċirkustanzi li ssibu ruħkom fihom, intom tgħixu ħajja iżjed trankwilla, basta titgħallmu tieħdu paċenzja u ssiru tassew qaddisin.

Qabel xejn, uru ħniena bejnietkom. Meta tonqsu lil xulxin tqattgħux il-karti malajr, bl-għaġġla, għax dik faċli tagħmilha. Qisu li meta jberraq u jagħmel ir-ragħad, tagħmlu impenn bejnietkom – dan parir li jħobb jirrepeti l-Papa Franġisku – li tippruvaw tagħmlu paċi qabel torqdu. Tħallux ir-rankur, il-weġgħat, jibqgħu jikkankraw fikom. Kunu umli biżżejjed biex titkellmu fuq xi ħaġa li qed iddejaqkom. Ibżgħu għall-flus ta’ xulxin biex tgħixu fil-paċi. Timxix jew tmiddx il-pass ikbar milli l-Mulej tak, ħalli ma taqax fl-inkwiet u fid-dejn żejjed. Imma fuq kollox tittraskurawx dik is-siegħa fil-ġimgħa li tagħmlu fil-Knisja. Jiena nitlob li aħna l-qassisin ma ndejqukomx b’omeliji twal, imma li dik l-esperjenza ta’ darba fil-ġimgħa fit-tempju tal-Mulej tkun ħolqien ġdid, fejn terġgħu tibdew tieħdu r-ruħ mill-ġdid.

Ħaġa tajba ħafna wkoll hi li titolbu flimkien ta’ kuljum, imqar Sliema u Qaddisa, jew inkella talba spontanja b’idejkom f’xulxin bħalma għamiltu fil-mument qaddis tal-kunsens tagħkom meta ħadtu id il-leminija ta’ xulxin u wegħdtu fedeltà dejjiema lil xulxin”.

Tajjeb li nimxu fuq dawn il-pariri siewja u li NITOLBU ĦAFNA GĦALL-KOPPJI FIL-KNISJA. 

Talba: Mulej, il-Beatu Amedew tas-Savoja qdiek tajjeb kemm bħala raġel miżżewweġ kif ukoll bħala re qalbieni li, flimkien ma’ martu, ta kas tal-bżonnijiet tal-foqra fis-saltna tiegħu, agħti lilna lkoll, nitolbuk, il-grazzja li ngħixu bil-qdusija l-istat tal-ħajja tagħna u li naqdu d-doveri tagħna fuq il-post tax-xogħol u kull fejn nistgħu, ngħinu lill-foqra ta’ żmienna, bħala nsara tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/blessed-amadeus-ix-of-savoy.html

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-amadeus-of-savoy/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Amadeus_IX,_Duke_of_Savoy

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements