30 ta’ April: San Piju V

Verżjoni Vidjo: San Piju V

“Jekk inti twiddeb lill-ġust biex ma jidnibx u hu ma jidnibx, huwa jgħix għax inti tkun widdibtu u int tkun salvajt lil ħajtek. Għasses fuqek innifsek u fuq it-tagħlim tiegħek, biex issalva lilek innifsek u lil dawk li jisimgħuk.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Piju V.

430piusSAN PIJU V
Papa
1504 – 1572

Tagħrif: Anton Mikiel Ghislieri, kif kien jismu qabel sar Papa, twieled fl-1504, f’Bosco, fil-Lombardija, l-Italja, f’familja fqira.

Fl-1519, meta kellu ħmistax-il sena daħal mad-Dumnikani, u qaddes fl-1528. Għal sittax-il sena għallem it-teoloġija u l-filosofija, sakemm il-Papa Pawlu IV, fl-1556 ħatru Isqof ta’ Sutri, u fl-1557 Kardinal. Imbagħad il-Papa Piju IV li laħaq wara Pawlu IV, poġġieh Isqof ta’ Mondori.

Meta l-Papa Piju IV miet, f’Diċembru tal-1565, il-Kardinal Ghislieri ġie elett Papa fis-7 ta’ Jannar, 1566, u ħa l-isem ta’ Piju V.

Bil-ħajja qaddisa tiegħu ġab atmosfera ġdida f’Ruma. Wettaq ħafna mir-riformi fil-Knisja, mitluba mill-Konċilju ta’ Trentu (1545-1563). Ippubblika Katekiżmu, Missal u Brevjar ġodda. Irriforma l-mużika u l-liturġija tal-Knisja. Ħadem bla serħan biex jgħaqqad il-mexxejja nsara tal-Ewropa kontra t-theddida tat-Torok. Fl-1570 skomunika lir-Reġina Eliżabetta I tal-Ingilterra, u kiteb lil Mary Stuart fil-ħabs biex ifarraġha.

Malta għandha tassew biex tqisu bħala missier li ħaseb fiha ħafna bl-għajnuna kbira li ta lill-Kavallieri speċjalment biex sewwew il-ħerba li ħallew warajhom it-Torok taħt Suleiman II fl-Assedju l-Kbir u biex bnew il-belt Valletta.

Għen ħafna lil Don Juan tal-Awstrija bħala l-Kmandant tal-flotta Nisranija, u waqt li talbu biex ma jeħux miegħu nies ta’ ħajja ħażina, ordna talb pubbliku għas-suċċess tat-taqbida tiegħu kontra t-Torok li ntemmet f’rebħa kbira għall-Insara fil-battalja ta’ Lepanto fis-7 ta’ Ottubru, 1571. Fuq din ir-rebħa, il-Papa waqqaf il-festa tar-Rużarju Mqaddes (ara Festa tar-Rużarju Mqaddes), u żied it-titlu “Għajnuna tal-Insara” fil-Litanija tal-Madonna.

Kien iqatta’ ħafna ħin fit-talb, kien isum ħafna, u jgħaddi mingħajr il-kumditajiet u l-ħela, u kien josserva bir-reqqa ir-Regola bħala patri Dumnikan.

Huwa miet f’Ruma fl-1 ta’ Mejju, 1572. Il-Papa Klement X fl-1 ta’ Mejju 1672, ibbeatifikah, u l-Papa Klement XI fit-22 ta’ Mejju 1712, ikkanonizzah. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu għall-qima tal-fidili fil-bażilika ta’ Santa Maria Maggiore, Ruma b’monument mill-isbaħ.

ĦsiebDan il-Papa qaddis Piju V kellu rabta mill-qrib mal-ġżejjer Maltin. Huwa kien bagħat lill-Arkitett Francesco Laparelli ġewwa Malta sabiex jgħin fit-tfassil tal-bini tal-Belt Valletta. Huwa kien ukoll jgħin finanzjarjament fil-bini tal-Belt Kapitali tagħna. Bħala rikonoxximent ix-xbieha tiegħu kienet tidher fuq il-bieb prinċipali tal-Belt Valletta. Dan il-bust kien tneħħa meta fis-snin sittin inbidel bieb il-Belt. Il-Papa San Piju V huwa wkoll l-fundatur tal-Parroċċa ta’ Sidtna Marija tal-Portu Salvu u San Duminku fil-belt Valletta.

Il-Papa Piju V huwa wkoll marbut mal-festa tal-Madonna tar-Rużarju. Din ir-rabta twieldet fl-1571. It-Torok minkejja t-telfa li ġarrbu sitt snin qabel fl-Assedju ta’ Malta, xorta ma qatgħux qalbhom li jakkwistaw artijiet Insara. F’din is-sena il-Misilmin attakkaw Lepanto, fil-Greċja, Il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex jitolbu għall-ġellieda Nsara. It-talba speċjali kienet ir-Rużarju. Ir-rebħa seħħet nhar is-7 ta’ Ottubru u sena wara dan il-jum kien iddikjarat bħala l-festa tal-Madonna tal-Vitorja, imma aktar ’il quddiem bdiet tissejjaħ il-Madonna tar-Rużarju. Sal-lum għadna niċċelebraw din il-festa f’ dan il-jum.

Min jaf kemm ġid sar permezz tar-Rużarju! Kemm nies għamlu mewta tajba, kemm nies biddlu ħajjithom, kemm grazzi nqalgħu! Ejjew ma ninsewx li hu l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Bħala Papa kien mexxej spirtwali imma wkoll mexxej tal-istati Pontifiċji. Dan il-Papa huwa magħruf għall-bini ta’ Borgo Pio, Borgo Angelico u Borgo Vittorio, ġewwa Ruma, tliet toroq li sal-Patti Lateranensi li saru bejn il-Knisja Kattolika u l-Gvern Faxxista Taljan ta’ Mussolini fl-1929, kienu jagħmlu parti mit-territorju tal-Vatikan. Illum minkejja li jagħmlu parti mit-territorju tar-Repubblika Taljana, għadhom bl-istess ismijiet u bosta mill-bini fihom imur lura għas-snin tas-seklu XVI.

Hemm xniegħa li tgħid li dan il-Papa kien xi ftit sever. Minn dan il-ftit li rajna nistgħu nifhmu kemm kien Papa rett. It-tradizzjoni tgħid li dan il-Papa kellu d-drawwa li qabel jorqod ibus riġlejn il-kurċifiss li kellu fil-kamra tas-sodda tiegħu. Meta kien qiegħed jirfes il-kallijiet ta’ xi wħud jingħad li dawn poġġew il-velenu fuq il-kurċifiss. Meta l-Papa mar biex ibus riġlejn il-kurċifiss, dan warrab saqajh sabiex xufftejn il-Papa ma jmissux mal-velenu. Huwa għalhekk li bosta xbiehat iġibu lil dan il-Papa bil-kurċifiss f’idejh.

Il-Provinċja Dumnikana Maltija, meta fl-1838 inqatgħet minn mal-provinċja Dumnikana ta’ Sqallija u saret provinċja awtonoma għażlitu bħala Patrun tagħha u sal-lum għadha magħrufa bħala l-Provinċja San Piju Ħamsa.

O Alla, int għażilt lil San Piju V biex ikun Ragħaj tal-Poplu kollu tiegħek ħalli jagħmillu l-ġid bil-kelma u bl-eżempju, ibqa’ ħares nitolbok, lir-rgħajja tal-Knisja u l-merħliet li tafda f’idejhom u mexxihom ilkoll sa ma jaslu fis-salvazzjoni ta’ dejjem.

Talba: O Alla, int qanqalt fil-Knisja tiegħek lill-Papa San Piju Ħamsa biex iħares il-fidi u biex jaħseb u jħabrek ħalli tingħata lilek qima aktar xierqa: bit-talb tiegħu, agħtina li nissieħbu fil-misteri tiegħek b’fidi mħeġġa u mħabba ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-pius-v.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-pius-v/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Pius_V

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut. Parti mill-Ħsieb huwa meħud minn kitba ta’ Fr. Reno Muscat OP.

Advertisements

29 ta’ April: Santa Katerina ta’ Siena

Verżjoni Vidjo: Santa Katerina ta’ Siena

“Iftaħli l-bieb, oħti: miegħi int werrieta tas-saltna tiegħi, u għax inti għaraft il-misteri tal-verità tiegħi, inti l-ħabiba tiegħi, imżejna bid-doni tal-Ispirtu tiegħi, u msaffija minn kull tebgħa bit-tixrid ta’ Demmi. Ħalli s-skiet u l-ġabra tal-kontemplazzjoni u oħroġ tqabad b’qawwa u ħeġġa biex tagħti xhieda tal-verità tiegħi.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Katerina ta’ Siena.

Catherine-de-sienneSANTA KATERINA TA’ SIENA
Verġni u Duttur tal-Knisja
1347 – 1380

Tagħrif: Katerina Benincasa, hija waħda mill-akbar nisa li qatt rat id-dinja. Hija twieldet fi Siena, fl-Italja, fl-1347. Kienet l-iżgħar fost il-25 ulied ta’ żebbiegħ minn Siena, fit-Toskana (l-Italja Ċentrali) u twieldet nhar l-Annunzjazzjoni, fil-25 ta’ Marzu, 1347.

Minkejja li ħajruha għaż-żwieġ, kienet għal kollox deċiża li ma tridx tiżżewweġ. Ta’ tmintax-il sena, ikkonsagrat lilha nnifisha ‘l Alla, u daħlet Terzjarja Dumnikana, u mal-ħajja kontemplattiva ta’ meditazzjoni u talb, bdiet ħajja l-aktar attiva, billi bdiet tmur fl-isptarijiet iddur bil-morda, u bix-xjuħ u tgħin lil kull min setgħet. Kienet tmur ukoll fil-ħabsijiet, u tkellem speċjalment lil dawk li kienu jkunu kkundannati għall-mewt.

Fl-epidemija tal-pesta, fl-1374, kienet tieħu ħsieb lil dawk li kienu jimirdu, iddur bihom u tgħinhom, u ġieli anke difnithom hi stess meta mietu.

Ħadmet u għenet ħafna l-Knisja meta kienet għaddejja minn wieħed miż-żminijiet tqal tagħha. Ġabret madwarha bosta dixxipli, il-“Katerinati” li kienu jgħinuha fil-ħidma kbira tagħha biex ikkonvertiet tant midinbin, u tat l-aqwa għajnuna lil dawk fil-bżonn.

Kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Bħal San Franġisk t’Assisi, irċeviet l-istigmati jew il-pjagi, imma mingħajr ma jidhru bil-għajnejn, fil-knisja ta’ Santa Kristina ta’ Pisa, fl-1375. Ħadmet biex tikseb il-paċi bejn belt u oħra, biex tħeġġeġ l-insara għall-Kruċjata fl-Art Imqaddsa mnidija mill-Papa Girgor XI, iddefendiet lill-Papa ġewwa Siena, Lucca u Pisa, u marret Avignon għand il-Papa Girgor fl-1376, biex turih li bħala Papa, is-sede tiegħu kienet Ruma.

Il-Papiet (li kienu Franċiżi) kienu ilhom Avignon 74 sena, imma għall-kelma ta’ Katerina, Girgor XI irritorna Ruma fis-17 ta’ Jannar, 1377. Imma Girgor miet fl-1378, u meta floku laħaq Urbanu VI, kien hemm xi kardinali li dehrilhom li dik il-għażla kienet illegali, u malajr inħatar “Papa” ieħor.

Dan ġab il-firda fost il-Kattoliċi, li tissejjaħ ix-“Xiżma tal-Punent”, u li ntemmet biss wara 39 sena bl-elezzjoni ta’ Martinu V fl-1417. Katerina ħadmet bis-sħiħ flimkien ma’ Santa Katerina tal-Isvezja (ara Santa Katerina tal-Isvezja), li ltaqgħet magħha Ruma, u ma’ oħrajn, biex tiddefendi l-veru Papa (Urbanu VI) u ssalva l-unjoni fil-Knisja.

Imma ma damitx ma mietet. Tliet xhur qabel mietet, mardet u sofriet ħafna. Ħalliet difatti din id-dinja ġewwa Ruma fid-29 ta’ April, 1380, ta’ 33 sena. Ħalliet, anki bl-approvazzjoni tal-konfessur tagħha, il-Beatu Rajmondu minn Capua, Ġeneral tad-Dumnikani, il-ktieb famuż: id-“Djalogu ta’ Santa Katerina,” kitba mistika mill-aqwa.

Il-Papa Piju II (li kien ukoll minn Siena) ikkanonizzaha fl-1461, il-Papa Piju XII ħatarha Patruna tal-Italja (flimkien ma’ San Franġisk t’Assisi) fl-1939, waqt li l-Papa San Pawlu VI ddikjaraha duttur tal-Knisja (flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Avila) fl-1970. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha ko-patruna tal-Ewropa.

Kontemplattiva f’ħajja ta’ attività kbira. Għalhekk hija rnexxielha tgħaqqad il-ħajja interjuri tat-talb mal-ħajja attiva ta’ għajnuna għall-oħrajn. Hekk kitbet, “Ftakar li kull wieħed għandu għalqa għalih magħquda ma’ dik tal-proxxmu bla ebda ħajt bejniethom li jifridhom minn xulxin; tant huma ħaġa waħda li ħadd ma jista’ jagħmel il-ġid jew id-deni lilu nnifsu bla ma fl-istess ħin jagħmlu wkoll lill-proxxmu” (Djalogu 24).

Lejn it-tmiem tad-Djalogu tagħha hija tesprimi l-għaqda mistika tagħha m’Alla, “Divinità eterna, int abiss, int baħar bla qiegħ! Int tajtni lilek innifsek: xi stajt tagħtini iżjed.” (n. 167) Santa Katerina kitbet ukoll madwar erba’ mitt ittra lill-Papiet, mexxejja ta’ pajjiżi u nies prominenti, li juru l-fond tal-ispiritwalità u tal-għerf tagħha; u kitbiet oħrajn.

Ħsieb: Ta’ min inkomplu nsemmu aktar dettalji dwar il-ħajja rikka ta’ din il-qaddisa tal-lum. Imsemmija għal Santa Katerina ta’ Lixandra (ara Santa Katerina ta’ Lixandra), kienet tifla ta’ intelliġenza u ta’ maturità ‘l fuq minn normal. Sa minn ċkunitha kienet tidher miġbuda ħafna lejn Alla u kienet tfittex il-ġabra għat-talb. Ħajjitha kollha kienet tagħmel penitenzi kbar speċjalment fl-ikel u fl-irqad. Tiekol u torqod mill-inqas u silenzju strett. Tifla ċkejkna kienet tiġbor it-tfal tamparha u tkellimhom fuq Ġesù.

Fl-età ċkejkna ta’ sitt snin kellha esperjenza mistika tixbah ħafna lil dik ta’ Santa Katerina ta’ Lixandra u li ħalliet il-marka tagħha fuq il-kumplament ta’ ħajjitha. Minn wara l-kampnar tal-knisja ta’ San Duminku fi Siena lemħet lil Ġesù fil-glorja li ħassitu jgħidilha tkun l-għarusa tiegħu, stedina li Katerina aċċettat bil-ferħa. Fis-skiet ta’ kamritha kienet tinġabar fit-talb, titkellem ma’ Ġesù. L-ikbar turment tagħha kien meta kienet tħoss lil Ġesù tant il-bogħod. Fil-fatt meta darba dehrilha lmentat miegħu u qaltlu:

‘Fejn kont Sinjur? Kemm fittixtek għalxejn!
Ġesù weġibha: ‘Kont f’qalbek nitgħaxxaq bik narak tiġri warajja!’

Ta’ 20 sena kellha dehra mistika oħra li tikkonferma dik id-dehra ta’ meta kellha sitt snin. Din id-darba dehrilha Ġesù Redentur, fil-kumpanija tal-Madonna, ta’ San Ġwann, ta’ San Pawl u ta’ San Duminku, ilibbisha simbolikament iċ-ċurkett tat-tieġ, sinjal taż-żwieġ mistiku tagħha miegħu. F’din id-dehra mistika Ġesù talab lil Katerina toħroġ mill-ġabra ta’ kamritha u taqsam mal-bnedmin l-imħabba kbira li kellha lejh.

Bil-ħeġġa kollha Katerina ngħatat għall-appostolat tal-Kelma. Mijiet kbar ta’ nies minn kullimkien kienu jfittxuha għall-Kelma u għall-parir tagħha, u grazzi lilha ħafna bnedmin reġgħu daru lejn Alla.

F’ħajjitha Katerina kellha diversi dehriet mistiċi. Spiss kienet tidħol f’estasi. Insemmu dik ta’ quddiem il-kurċifiss ġewwa l-Knisja ta’ Santa Kristina nhar l-1 t’April, 1375 meta rċeviet il-pjagi. Fuq talba tagħha stess ma kienux jidhru minn barra imma hi kienet tarahom u kienet tħoss weġgħat tassew kbar.

F’waħda mill-ittri tagħha ssemmi l-każ ta’ ċertu Niccolo di Toldo, aristokratiku peruġin, li kien arrestat u kkundannat għall-mewt għax kien tkellem kontra l-gvern ta’ Siena. Siena u Perugia dak iż-żmien kienu fi gwerra bejniethom. Katerina marret iżżuru fil-ħabs. Sabitu ddisprat u bl-ebda mod ma ried iħejji ruħu għall-mewt anzi b’dagħa offensiv kien jilqa’ lil kull qassis li kien jipprova jersaq lejh. Imżejna bid-doni tal-persważjoni u tal-ħlewwa, Katerina rnexxielha tikkalmah u tippreparah għall-mewt. Qaltlu: ‘Tfarraġ ħija għażiż, dalwaqt tasallek il-festa tat-tieġ. Int se tmur maħsul bid-demm tal-Iben t’Alla, fl-isem ħelu ta’ Ġesù, li ma nixtieqek qatt tinsa. Jiena nkun hemm fil-post tal-eżekuzzjoni, nistenniek.’ U hemm kienet tassew Katerina kif wegħditu u talbet għalih hi u tarah imut.

Minn dawn ir-rakkonti kollha nagħrfu li Santa Katerina hija mudell ta’ dedikazzjoni fil-kuraġġ u fl-umiltà. Il-kitbiet tagħha jolqtu l-Misteri fundamentali tal-Fidi tagħna: it-Trinità, l-Inkarnazzjoni u r-Redenzjoni. L-Imħabba tagħha għall-verità tgħinna biex nitgħallmu nagħżlu s-sewwa mill-gidba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Katerina kienet tfittex u ssib lil Alla dejjem u kullimkien, u kienet tingħaqad miegħu tassew minn qalbha b’rabta ta’ mħabba. (Ant. Tal-kant. Ta’ Marija prop.) U int?

Talba: O Alla, int ħeġġiġt bl-imħabba tas-sema lill-verġni Santa Katerina ta’ Siena fil-kontemplazzjoni tal-passjoni tal-Mulej u fis-servizz li tat lill-Knisja tiegħek: agħmel, bit-talb tagħha, li l-poplu tiegħek, miġbur xirka waħda fil-misteru tal-Ġisem mistiku jikseb ferħ għal dejjem fid-dehra tal-glorja ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-catherine-of-siena.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-catherine-of-siena/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Siena

Film on Saint Catherine of Siena in Itailian:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ April: Santa Gianna Beretta Molla

Verżjoni Vidjo: Santa Gianna Beretta Molla

U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu; fuq xbihet Alla ħalqu. Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi: kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek. Alleluja!” – Antifona tad-Dħul tal-Festa ta’ Santa Gianna Beretta Molla (Ġenesi 1:27; Salm 139:16)

GiannaSANTA GIANNA BERETTA MOLLA
Omm
1922 – 1962

Twieldet Bergamo, qrib Milan, u kienet l-10 wild fost 13. Studjat fl-Università ta’ Milan u ta’ Pavia, u fl-1949 iggradwat fil-mediċina u l-kirurġija. Fl-1952, speċjalizzat fil-pedjatrija u ħadmet bħala speċjalista tat-tfal f’diversi sptarijiet. Kienet membru attiv tal-Azzjoni Kattolika.

Iżżewġet lill-Inġinier Pietru Molla. Kellha 3 ulied. Meta kien ser ikollha tarbija oħra, mill-ewwel dehru sinjali li kien se jkun hemm periklu gravi f’saħħitha. Minħabba t-tqala, irrifjutat li tieħu trattament għall-kankru.

Lesta għal kull sagrifiċċju, issottomettiet ruħha għall-intervent kirurġiku, deċiża u titlob li jsalvaw lit-tarbija. Kienet tirrepeti: “lesta għal kollox biex it-tarbija tgħix.”

Fil-21 ta’ April tas-sena 1962 twieldet ir-raba’ tarbija, u ġimgħa wara (fit-28 tax-xahar) mietet l-omm erojka, konvinta li “hu dnub toqtol tarbija fil-ġuf.”

Il-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-24 ta’ April tas-sena 1994, iddikjaraha Beata fil-preżenza ta’ żewġha u l-erba’ wliedha.

Huma kienu wkoll preżenti meta fis-16 ta’ Mejju 2004, l-istess Papa, lil Gianna Beretta Molla ddikjaraha bħala qaddisa, l-ewwel waħda taż-żminijiet tagħna.

Ħsieb: Gianna Beretta Molla għexet il-ħajja ta’ tabiba u ta’ pedjatra eżemplari. Ħajja ta’ mara miżżewġa u omm u, wara li welldet tlett itfal, fir-raba’ tqala kellha problemi serji u riedet tagħżel. Għażlet minn jeddha li tagħti ħajja lit-tarbija tagħha u tissagrifika l-ħajja tagħha stess. Dan kollu, setgħet tagħmlu għax Gianna Beretta Molla għexet ħajja intensa ta’ talb, fi prattika tal-karità, f’parteċipazzjoni attiva u konvinta fil-ħajja tal-Knisja, fl-imħabba kbira lejn żewġha u f’dedikazzjoni bla tarf lejn uliedhom. B’rieda kbira u kuraġġ, Gianna Molla għamlet l-għażla li ppermettiet lil bintha titwieled. Nistgħu ħafna drabi nixtiequ li konna f’ċirkostanzi differenti, iżda l-qdusija spiss ġejja mill-għażla diffiċli f’sitwazzjonijiet ħżiena.

Din hija silta mill-omelija tal-Isqof Mario Grech waqt quddiesa għan-nisa fiċ-Ċentru tal-Azzjoni Kattolika, Victoria, fl-okkażjoni tal-World Unions of Catholic Women Organisation (14 ta’ Mejju, 2013):

“Nappella lin-nisa għaqlin tagħna biex ikunu minn ta’ quddiem li jitkellmu favur il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. Il-ġenituri huwa l-ewwel għalliema biex inisslu f’uliedhom l-għożża għall-ħajja tat-tarbija fil-ġuf. L-Azzjoni Kattolika qed tagħmel ħaġa sewwa li xxerred id-devozzjoni lejn Santa Gianna Berretta Molla, omm-tabiba li biex tħares lil bintha li kienet għadha fil-ġuf, għażlet li tirriskja u tagħti ħajjitha!

Imbagħad inġedded l-istedina biex nissieħbu fil-kampanja ta’ talb msejjħa “Adozzjoni Spiritwali” li qed tieħu ħsiebha d-Dar Ġużeppa Debono. F’din l-inizjattiva wieħed jimpenja ruħu li jitlob għal tarbija li qiegħda tiżviluppa f’ġuf ommha u li qiegħda f’riskju ta’ abort. Id-Dar Ġużeppa Debono hija barka għas-soċjetà tagħna għaliex tagħmel ħafna ħidma biex issalva l-ħajjiet tat-trabi! Din id-dar hija “santwarju tal-ħajja” fid-djoċesi tagħna ta’ Għawdex u jixirqilha li nagħtuha kull sapport!

Pajjiżna għandu tassew għaliex ikun kburi li għandu dan il-patrimonju favur il-ħajja! Importanti ħafna li nibqgħu nilqgħu kontra kull pressjoni biex pajjiżna jiċħad dan il-patrimonju bid-dħul tal-liġi favur l-abort. Jekk xi darba nbexqu l-bieb għall-abort, inkunu għamilna ħsara irreparabbli liċ-ċiviltà tagħna għaliex l-abort huwa miżura li tneżżagħna mill-istess umanità tagħna.”

Tajjeb li wieħed ikun jaf ukoll li l-Fondazzjoni Monsinjur Salv Bartoli Galea ppubblikat bil-Malti l-ktieb Santa Gianna Beretta Molla: l-istorja ta’ ħajjitha maqlub għall-Malti minn Caroline Buhagiar. Michael Caruana, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni, qal li permezz ta’ dan il-ktieb wieħed isir jaf il-ħajja qasira iżda mimlija bl-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu ta’ din il-qaddisa ta’ żmienna. Dan il-ktieb qed jinbiegħ mil-Libreriji Ewlenin Insara. Wieħed jista’ jirċevieh id-dar bil-posta billi jibgħat sitt ewro lil Michael Caruana, Istitut Kattoliku, Floriana FRN 1441.

Hu l-ħsieb tal-Fondazzjoni Monsinjur Salv Bartoli Galea li aktar tard din is-sena tippubblika t-tieni ktieb dwar din il-qaddisa ta’ żmienna. Fil-fatt Caroline Buhagiar għadha kemm qalbet għall-Malti l-ittri li għaddew bejn Gianna Beretta Molla u żewġha Pietro li huma l-qofol tat-tieni ktieb dwarha.

  • U int, kemm qed titlob, issemma’ leħnek u/jew tagħti s-sapport tiegħek favur il-ħajja li tana Alla sa mit-tnissil tagħha fil-ġuf?

Fost il-Fondazzjoni/Movimenti Ewlenin tal-Pro-Life f’Malta nsibu:

1. Life Network Foundation Malta:
http://lifenetwork.eu/about-us/our-work/
https://www.facebook.com/lifenetworkeu/?ref=br_rs

2. Gift of Life Foundation
https://prolifemalta.org/
https://www.facebook.com/lifemalta/?ref=br_rs

3. The Malta Unborn Child Movement
https://unbornchildmalta.org
https://www.facebook.com/mucmmalta

Talba: Alla Missierna, infaħħruk u nberkuk talli f’Gianna Beretta Molla tajtna u wrejtna mara li tat xhieda tal-Evanġelju bħala żagħżugħa, mara miżżewġa, omm u tabiba. Niżżukħajr talli bl-għotja qalbiena ta’ ħajjitha tgħallimna nilqgħu u nagħtu ġieħ lil kull tarbija, ħlejqa tiegħek. Ammen.

Agħmel, o Missier, li l-fidili tiegħek, fuq l-eżempju ta’ Santa Gianna, jgħixu b’fedeltà l-grazzja tal-konsagrazzjoni fl-imħabba taż-żwieġ u l-familja, u jilqgħu bi gratitudni l-ulied, li fihom tiddi l-istess xbieha ta’ Kristu, huma u jdawruhom bi mħabba attenta sa mill-ewwel waqtiet ta’ ħajjithom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Kolletta tal-Festa ta’ Santa Gianna Berretta Molla)

English Version: https://www.catholiccompany.com/getfed/the-feast-of-st-gianna-beretta-molla-a-modern-mothers-heroism/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-gianna-beretta-molla/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gianna_Beretta_Molla

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_20040516_beretta-molla_en.html

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ April: Beatu Nikol Roland

Verżjoni Vidjo: Beatu Nikol Roland

“Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” – Ġesù f’Mark 10:14-16

065-Nicolas-ROLANDBEATU NIKOL ROLAND
Reliġjuż
1642 – 1678

Tagħrif: Twieled f’Reims – l-istess belt li fiha twieled San Ġwann Battista de la Salle, fl-1642. Ordna saċerdot fl-1665.

Il-predikazzjoni, il-formazzjoni Nisranija taż-żgħażagħ, u b’mod speċjali tal-kleru, kienu wisq għal qalbu. Intebaħ bil-miżerja kemm temporali kif ukoll spiritwali taż-żgħażagħ u għalhekk waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Bambin Ġesù, iddedikati għall-edukazzjoni Nisranija tal-bniet fqar ta’ Reims.

Nikol kien kanonku, flimkien ma’ San Ġwann Battista de la Salle (ara San Ġwann Battista de la Salle), tal-Katedral ta’ Reims, u kien ukoll id-direttur spiritwali ta’ Ġwanni de la Salle. Kien hu li ggwidah u ħeġġu biex jirċievi d-djakonat u jkompli biex jilħaq saċerdot. Bejn Roland u Ġwanni kien hemm differenza ta’ 11-il sena.

Meta Roland beda jħoss l-għejja, talab lil Ġwanni de la Salle biex ikun l-eżekutur tat-testment tiegħu, u fdalu r-responsabbiltà li jieħu ħsieb u jiggwida l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet li kien waqqaf. Roland miet ta’ 35 sena fis-27 ta’ April, 1678.

Kien sena wara li Adrien Nyel, ma’ żagħżugħ ieħor Christof, mar jiltaqa’ ma’ San Ġwann Battista de la Salle biex jitolbu jgħinu ħalli jwaqqaf skola għas-subien. Kien hawn li Alla wrieh ix-xewqa li jieħu ħsieb l-edukazzjoni tas-subien fqar. Ġwann Battista De La Salle kellu allura 27 sena.

Ħsieb: Il-Malti jgħid: ‘Kappell ma jmejjilx lill-ieħor’ u nistgħu ngħidu li fl-istejjer tal-qaddisin, spiss ninnutaw li l-Mulej ilaqqa’ l-qaddisin flimkien tul il-vjaġġ tagħhom fid-dinja biex dawn ikunu ta’ għajnuna, sapport, gwida, kuraġġ u appoġġ lil xulxin fil-missjonijiet fdati lilhom mis-Sema. L-eżempju li għandna llum huwa tal-Beatu Nikol Roland u San Ġwann Battista de la Salle.

Il-Mulej dejjem jibagħtilna persuna jew persuni f’ħajjitna li xi kultant ipattu għan-nuqqasijiet ta’ persuni oħra li sippost kellhom ikunu ta’ għajnuna u għal xi raġuni jew oħra, ma kienux. U għal dawk li forsi ma kellhomx lanqas persuna waħda li setgħet tgħaddilhom kelma tajba, parir qaddis, tgħallimhom dwar l-imħabba t’Alla għalihom u ddewwaqhom xi ftit minn din l-imħabba, il-Mulej tana bosta tagħlim fil-kitbiet u l-ħajjiet tal-qaddisin. Għal min jinteressah u jfittex li jsir jaf dwar Alla u kif nistgħu ngħixu fil-prattika t-tagħlim tiegħu u tal-Knisja Kattolika li waqqaf Hu, jista’ jiddedika ħin apposta u jaqra dwar il-ħajjiet tal-qaddisin.

Infatti diversi qaddisin sabu l-ispirazzjoni tagħhom fil-qari tal-ħajjiet ta’ qaddisin oħra. Huma sabu fl-eżempju tagħhom mudell għal ħajjithom u tqanqlu bil-bosta biex jimitawhom. Nistgħu nibqgħu fi xtutna u nagħtu l-eżempju ta’ San Ġorg Preca li kellu mħabba speċjali lejn il-qaddisin li kien iħares lejhom bħala veri ħbieb ta’ Alla. Kien iħobb jirrakomanda l-qari tal-ħajja tagħhom għax minnhom wieħed jikseb ġid spiritwali kbir. Ħalla miktub: “Aqraw ħajjiet il-qaddisin, u f’qasir żmien jitnissel fikom l-ispirtu ta’ Kristu. Dal-qari jqawwikom fil-fidi, iħeġġiġkom għat-taħriġ tal-virtù u jqanqalkom biex f’kollox tirrikorru lejhom, tant huma setgħana quddiem Alla.” (Is-Sinagoga l-Ġdida, n. 9).

Lejn xi wħud minnhom Dun Ġorġ Preca wera wkoll imħabba speċjali, u ried li l-ħajja tagħhom tkun magħrufa sewwa mill-membri tal-għaqda tiegħu għall-imitazzjoni. Fost dawn hemm San Franġisk ta’ Assisi, li mhux biss daħħlu fil-Litanija tal-Qaddisin fil-ktieb ta’ l-Arloġġ Museumin, imma wkoll għażlu bħala l-Qaddis Protettur tal-virtù tal-Faqar.

  • U int, kemm tħalli l-ħajjiet u t-tagħlim tal-qaddisin ikunu ta’ ispirazzjoni u mudell għal ħajtek?
  • Liema hu/hi l-qaddis/a preferit/a tiegħek li tixtieq timita u żżomm bħala l-patrun/a tiegħek jew il-kumpann/a tal-vjaġġ ta’ ruħek?
  • Kemm titlob l-interċessjoni tal-qaddisin, b’mod speċjali meta tkun fi żmien tal-akbar bżonn?

Talba: O Alla, inti żejjint lis-saċerdot Beatu Nikol Roland, b’żelu pastorali għat-taħriġ tal-kleru u b’edukazzjoni taż-żgħażagħ fqar. Bl-eżempju u bl-interċessjoni tiegħu, agħtina l-istess spirtu ta’ karità, sabiex naqduk billi ngħinu lil dawk li inti tħobb. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nicolas-roland/

Alternative Reading: http://www.lasalle.org/wp-content/uploads/2011/07/27-April-B.-NICOLAS-ROLAND.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicolas_Roland

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ April: Il-Verġni Marija, Omm tal-Parir it-Tajjeb

Verżjoni Vidjo: Il-Verġni Marija, Omm tal-Parir it-Tajjeb

“Id-dinja ilha żmien li sfat meqruda, li kieku Marija ma daħlitx għaliha bl-interċessjoni qawwija tagħha.” – San Fulġenz (468-533)

mater-boni-consilii-2IL-VERĠNI MARIJA, OMM TAL-PARIR IT-TAJJEB
(magħrufa bħala l-Madonna tal-Bon Kunsill)

Tagħrif: Ix-xbieha tal-Madonna tal-Bon Kunsill, tinsab meqjuma fis-santwarju tagħha, dak tal-Patrijiet Agostinjani, f’Genazzano viċin il-belt ta’ Ruma, fejn ilha sa mill-1467. Skont it-tradizzjoni nġabet hawn minn Shkoder (Skutari) fl-Albanija.

Is-santwarju ta’ Genazzano żaruh papiet u nies kbar oħra, fosthom diversi qaddisin, bħall-Papa Urbanu VIII, San Ġwann Bosco u oħrajn.

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II żar mhux biss dan is-santwarju imma wkoll il-katidral ta’ Shkoder fl-Albanija, fejn jingħad li kien hemm il-Kwadru tal-Bon Kunsill qabel.

Devot mill-ikbar tal-Madonna tal-Bon Kunsill kien il-kappillan qaddis ta’ Genazzano, il-Beatu Stiefnu Bellesini Agostinjan, li miet martri tal-imħabba tal-proxxmu meta itieħed mill-marda tal-kolera u miet fit-3 ta’ Frar, 1840, u li l-fdal tiegħu jinsab meqjum f’dan is-santwarju.

Il-Papa Ljun XIII żied l-invokazzjoni “Mater Boni Consilii” fil-Litanija tal-Madonna. Il-Madonna tal-Bon Kunsill hi l-patruna prinċipali tal-Albanija u f’Malta l-knisja tal-Agostinjani f’Paceville hi ddedikata lilha. Santa Bernardetta qalet li x-xbieha tal-Madonna tal-Bon Kunsill kienet l-iktar waħda li tixbah lill-Madonna li dehritilha ġewwa Lourdes.

San Ġorġ Preca kien devot ħafna tal-Madonna taħt dan it-titlu. Kien spiss jitlob quddiem xbieha tagħha li kellu d-dar, biex iddawlu fid-diffikultajiet li kien jiltaqa’ magħhom. Huwa jgħid li waqt żmien ta’ tfixkil kbir kellmitu u qaltlu biex iżomm is-silenzju.

F’dawn l-aħħar mitejn sena l-ordni tal-Brothers, daħħlu l-festa tal-Madonna tal-Bon Kunsill fil-kalendarju tagħhom. Fil-‘Mother house’ tal-brothers, f’Ruma, hemm inkwadru kbir tal-Madonna tal-Bon Kunsill fis-sala fejn is-Superjur Ġenerali jlaqqa’ l-kunsilliera tiegħu.

Ħsieb: San Alwiġi Maria De Montfort jgħid hekk:

“Skont il-qaddisin San Bernard u San Bonaventura, hemm tliet stadji biex nersqu lejn Alla: l-ewwel wieħed li hu l-eqreb lejna u li l-aktar jaqbel mal-ħila tagħna, hu Marija; it-tieni hu Ġesù Kristu, u t-tielet hu Alla l-Missier. Biex nersqu lejn Ġesù, għandna mmorru għand Marija, għax hi l-Medjatriċi biex taqbeż għalina: biex nersqu lejn il-Missier Etern, għandna mmorru għand Ġesù għax hu l-medjatur tagħna tal-fidwa.

Għaldaqstant aħna nirrepetu bil-qawwa kollha ma’ San Bernard, li għandna bżonn ta’ medjatur mal-medjatur stess, u li Marija hi l-persuna l-aktar adattata biex tagħmel dan ix-xogħol ta’ karità. Kien permezz tagħha li Ġesù Kristu ġie fostna; u hu permezz tagħha li aħna mmorru għandu. Jekk – għax aħna nibżgħu mill-Maestà infinita tiegħu, inkella għax nafu biċ-ċokon u bid-dnubiet tagħna – aħna nibżgħu mmorru direttament għand Ġesù Kristu, Alla tagħna, mela, ejjew bil-kuraġġ infittxu l-għajnuna u l-interċessjoni ta’ Marija, Ommna.

Il-Madonna hi qalbha tajba u ħelwa. Fiha m’hemm xejn ta’ qilla u li jbiegħdek minnha, xejn li hu sublimi żżejjed, jew li jgħammex l-għajnejn tagħna ta’ bnedmin; meta taraha aħna naraw in-natura umana tagħna. Hi mhix ix-xemx li bir-raġġi qawwija tagħha tkun qawwija żżejjed għal għajnejn debboli ta’ bnedmin; imma hi sabiħa u tiddi bħal qamar li jieħu d-dawl tiegħu mix-xemx u li jmewwet il-qawwa tad-dija tiegħu, biex aħna nkunu nistgħu nirċevuha; hi hekk ta’ karità, li tilqa’ lil dawk kollha li jitolbu l-interċessjoni tagħha; ikunu midinbin kemm ikunu – għaliex jgħidu l-qaddisin, qatt ma nstama’, fl-ebda żmien li xi persuna talbet l-għajnuna tal-Verġni Mbierka bil-fiduċja u l-perseveranza, u baqgħet mingħajr għajnuna.

Hi hekk setgħana quddiem Alla li t-talb tagħha qatt ma ġie rrifjutat. Id-dehra tagħha biss quddiem binha divin, hi fiha nfisha talba ta’ qawwa kbira. Bil-kemm tkun għamlet it-talba tagħha, li ma tiġix maqlugħa – għaliex Alla l-Iben hu dejjem mirbuħ mill-ġentilezza ħelwa u t-talb tal-għażiża ommu.”

Dawn li ġejjin huma ħsibijiet tal-Qaddisin fuq Marija:

  • Il-midneb, dineb kemm dineb, jekk isir devot tal-Madonna, ma jintilifx. ~
    San Ilarju (M.368)
  • Hekk kif Marija tat l-“iva” tagħha biex tkun omm Alla, hija stħaqqilha b’dan il-kunsens li ssir reġina tad-dinja u tal-ħlejjaq kollha. ~ San Bernardinu ta’ Siena (1380-1444)
  • Id-dinja ilha żmien li sfat meqruda, li kieku Marija ma daħlitx għaliha bl-interċessjoni qawwija tagħha. ~ San Fulġenz (468-533)
  • Kieku ħajjitna ma kinitx taħt il-ħarsien ta’ Marija, konna nitwerwru u naqtgħu qalbna li nsalvaw. ~ San Pierre Julian Eymard (1811-68)

Imma jien:

  • Kemm jien devot tassew ta’ din l-Omm tiegħi tas-Sema?
  • Min jaf li kieku nikkonsagra lili nnifsi lilha u nħalliha ddawwalli t-triq li twassalni għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku nfittex nitgħallem dwar kif nista’ ngħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqli Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjows u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Ejjew ma ninsewx ukoll li l-aktar talba li tagħti unur lill-Madonna u dik li hi tkun qed tistenniena nitolbu bil-ħerqa, tibqa’ dejjem it-talba għażiża tar-Rużarju. Tassew li kulħadd jafu dan, imma kulħadd jitolbu? Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Marija, mara tas-smigħ,
agħmel li widnejna jkunu miftuħa;
agħmel li nitgħallmu nisimgħu l-kelma ta’ ibnek Ġesù
qalb il-ħafna kliem ta’ din id-dinja;
agħmel li nagħrfu nisimgħu r-realtajiet li fihom ngħixu,
lil kull persuna li magħha niltaqgħu,
speċjalment dik li hi fqira, fil-bżonn, f’diffikultà.
Marija, mara tad-deċiżjoni, dawwal il-moħħ tagħna
u l-qalb tagħna, biex nagħrfu nobdu
l-kelma ta’ ibnek Ġesù, bla tnikkir;
agħtina l-kuraġġ tad-deċiżjoni,
biex ma nitkaxkrux mill-kurrent ta’ oħrajn li jmexxulna ħajjitna huma.
Marija, mara tal-azzjoni, agħmel li jdejna u riġlejna
jmorru “jħaffu” lejn l-oħrajn,
biex iwasslu l-karità u l-imħabba ta’ ibnek Ġesù,
biex iwasslu, kif għamilt int,
id-dawl tal-Vanġelu fid-dinja.
Ammen. (Talba tal-Papa Franġisku)

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/our-lady-of-good-counsel-445

Alternative Reading: http://www.clavermissionarysisters.org/?page_id=289

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_Good_Counsel

Tista’ wkoll iżżur sit ieħor bil-Malti ddedikat lill-Madonna billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ April: San Mark

Verżjoni Vidjo: San Mark

“Kristu bagħatni nxandar il-bxara t-tajba, mhux bi kliem il-għerf, sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu. Il-predikazzjoni tas-salib hija bluha għal dawk li jintilfu; imma għal dawk li jsalvaw hi l-qawwa ta’ Alla. Billi, fl-għerf ta’ Alla, id-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, Alla għoġbu jsalva lil min jemmen bil-bluha tal-predikazzjoni.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Mark.

St.-Mark-Icon-WEB-327x420SAN MARK
Evanġelista
L-Ewwel Seklu

Tagħrif: San Mark aktarx li kien it-tifel ta’ Marija, dik il-mara armla prominenti fil-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet iżżomm laqgħat tal-Insara fid-dar tagħha: u li San Pietru meta ġie meħlus mill-ħabs mar dritt għandha (Atti 12:13).

Probabbilment San Mark ġie mgħammed minn San Pietru stess.

Meta San Pawl u San Barnaba, li kien kuġin ta’ Mark, ġew Ġerusalemm bil-karità li kienu ġabru minn Antjokja, Mark issieħeb magħhom u mar magħhom fl-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ San Pawl, iżda għal xi raġuni meta kienu f’Perge tal-Pamfilja telaqhom u rritorna Ġerusalemm (Atti 13:13). Minħabba f’hekk San Pawl ma riedx lil Mark jakkompanjah fit-tieni vjaġġ tiegħu, u floku ħa lil Silas. Fuq hekk San Barnaba ma marx ma’ San Pawl, iżda flimkien ma’ Mark mar Ċipru, art twelidu. Imma ftit żmien wara Mark u Pawlu rranġaw id-differenzi ta’ bejniethom u saru ħbieb. Għall-ħabta tas-sena 60, lil Mark insibuh Ruma ma’ dan l-appostlu kbir u kien qed jaħseb biex jirritorna fil-knejjes tal-Asja ż-Żgħira, fejn kien diġà sar magħruf ħafna għall-ħidmiet appostoliċi tiegħu.

Minn Ruma x’aktarx li mar Kolossi, fl-Asja ż-Żgħira. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin fejn talabhom jagħtuh merħba (Kolossin 4:10). Meta San Mark reġa’ mar Ruma, ħadem ma’ San Pietru. Jidher li San Mark xandar l-evanġelju wkoll f’Aquilea, fit-tarf tat-tramuntana tal-Adrijatiku. Minn hemm telaq lejn l-Eġittu u jingħad li hu kien l-ewwel isqof ta’ Lixandra. Mar Efesu. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lil San Timotju fejn talbu jġib lil Mark miegħu (2 Timotju 4:11). Fis-sena 61, San Pawl kiteb lil Timotju f’Efesu, u talbu li jieħu miegħu lil Marku f’Ruma.

F’Ruma, bejn is-snin 60 u 70 w.K., San Mark kiteb l-evanġelju tiegħu, li hu ġabar mit-tagħlim ta’ San Pietru, li tiegħu jidher li kien jagħmilha ta’ segretarju u interpretu – hi kitba għall-pagani konvertiti. San Pietru jsejjaħ lil Marku “ibni”. Dan it-titlu ma jfissirx bilfors li kien għammdu hu; jista’ jkun titlu ta’ mħabba lejn wieħed li għal bosta snin kien miegħu u bin ħabiba antika tiegħu. Il-vanġelju tiegħu hu l-eqdem mill-erba’ vanġelji li għandna. Hu l-iqsar vanġelu, u kitbu bil-Grieg, għax x’aktarx li kien għall-Ġentili kkonvertiti ta’ Ruma. L-iljun bil-ġwienaħ hu s-simbolu tal-Vanġelu tiegħu għax fih iddeskriva ’l San Ġwann Battista bħala “vuċi tgħajjat fid-deżert,” vuċi ta’ ljun; u l-ġwienaħ għax Eżekjel kien ra viżjoni ta’ erba’ annimali bil-ġwienaħ.

Tradizzjoni tgħid li x’aktarx San Mark miet martri f’Lixandra. San Mark hu l-patrun ta’ Venezja; hu l-qaddis protettur wkoll tan-nutara.

Illum hu kważi ċert li dak iż-żagħżugħ li ħarab għarwien mill-Ġetsemani meta arrestaw lil Ġesù , li hu jsemmi fil-Vanġelju tiegħu, kien hu nnifsu.

Ħsieb: San Mark kiteb l-Evanġelju tiegħu ġewwa Ruma, fi żmien il-persekuzzjoni li l-Imperatur Neruni għamel kontra l-Insara. Din il-persekuzzjoni bdiet fis-sena 64, u San Pietru kien wieħed minn tal-ewwel li ħa l-martirju. Wara l-mewt ta’ Pietru, Alla qanqal lil Marku biex jikteb l-Evanġelju, mhux biex sempliċiment jirrakkonta l-ħajja ta’ Ġesù fuq din l-art, imma biex jagħmel kuraġġ lill-Insara ħalli jkunu lesti jagħtu ħajjithom għalih jekk Alla jitlob minnhom dak is-sagrifiċċju.

Għalhekk Marku qagħad jaħseb biex jara x’se jagħżel minn dak kollu li kien tgħallem fuq Ġesù, u fehem li kellu jinsisti fuq żewġ veritajiet, jiġifieri li Ġesù huwa tassew Alla, u li Ġesù kien tassew il-Messija, Messija li bata għall-fidwa tagħna. Hekk in-Nisrani jkun aktar lest li jmut għal Ġesù meta jifhem li Ġesù nnifsu, l-istess Alla li sar bniedem, kien miet għalih.

Lill-ktieb tiegħu Marku sejjaħlu: “Bidu ta’ l-Vanġelju ta’ Ġesù, Messija, Bin Alla” (Mk 1: 1). Il-kelma “Vanġelju” tfisser ‘Aħbar Tajba’, u tassew, ma hemmx aħbar isbaħ minn dik li tgħidilna li Alla l-Missier tant ħabbna li bagħtilna lil Ibnu fostna biex ikun is-Salvatur tagħna. Imma qabel il-kelma “vanġelju”, Marku kiteb il-kelma “Bidu”, biex jgħidilna: “Mhux biżżejjed li taqraw u tistudjaw il-ktieb tiegħi. Il-qari ta’ dan il-ktieb hu biss il-bidu; wara li taqrawh, jeħtieġ li tgħixuh, biex tkunu tistgħu tgawdu l-frott tal-fidwa li ġabilna Ġesù.”

Mark wettaq f’ħajtu dak li kull Nisrani huwa msejjaħ li jagħmel: jipproklama lin-nies kollha l-Aħbar Tajba tal-Vanġelu li huwa s-sors tas-salvazzjoni. Dan Mark għamlu b’mod partikolari bil-kitba. Oħrajn jistgħu jipproklamaw l-Aħbar Tajba permezz tal-mużika, tad-drama, tal-poeżija, jew billi jgħallmu lit-tfal madwar il-mejda tal-familja.

  • U int, kemm tiddedika ħin biex tiskopri min hu Ġesù u kif iridna ngħixu billi taqra l-Vanġeli?
  • Qed tagħmel ħiltek kollha biex ixxandar lil Kristu bil-kliem u b’mod speċjali bil-mod kif tgħix it-tagħlim tiegħu u tal-Knisja mwaqqfa minnu?
  • Kemm int lest/a li tieħu riskji biex tgħix ta’ xhud vera ta’ Kristu anki meta jkollok tħabbat wiċċek ma’ kull xorta ta’ kuntrarju?

Għall-Vanġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo wmur: http://www.laikos.org/San_Mark_AV1.htm

Talba: O Alla, int imlejt b’ġieħ kbir lill-evanġelista tiegħek San Mark billi tajtu l-grazzja li jxandar l-Evanġelju: agħmel li nfittxu t-triq li hu għallimna, biex nimxu bil-fedeltà wara Ibnek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-mark.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-mark/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mark_the_Evangelist

Playlist tal-Vaġelju ta’ San Mark moqri bil-Malti f’forma ta’ vidjo:

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ April: Santa Marija Ewfrasja Pelletier

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Ewfrasja Pelletier

“Ħobbu s-salib u s-salvazzjoni tal-erwieħ.” – Santa Marija Ewfrasja Pelletier

250px-Marie-Euphrasie_PelletierSANTA MARIJA EWFRASJA PELLETIER
Fundatriċi
1797 – 1868

Tagħrif: Din il-qaddisa hija l-fundatriċi tas-sorijiet tal-Bon Pastur. Roża Virġinja twieldet fuq il-gżira ta’ Noirmontier fuq il-kosta tal-Brittanja (Franza) fejn il-ġenituri kienu marru biex jeħilsu mill-ġlied tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

Bagħtuha tistudja f’Tours, fejn Roża saret taf bil-kunvent Santa Marija tal-Karità tar-Refuġju. Dan kien ta’ kongregazzjoni reliġjuża mwaqqfa minn San Ġwann Eudes (ara San Ġwann Eudes) biex jgħinu nisa li żbaljaw u biex iħarsu oħrajn li jkunu fil-periklu. Roża bdiet in-novizzjat hawnhekk fl-1814, meta kellha 18-il sena, u ħadet l-isem ta’ Marija Ewfrasja.

Madwar 11-il sena wara, meta kien għad kellha biss 29 sena, hi ġiet magħżula superjura. Hi waqqfet kunventi ġodda f’Angers, u marret hi nnifisha biex tmexxi dar tar-rifuġju li kienet teżisti hemm bl-isem tal-Bon Pastur (Ir-Ragħaj it-Tajjeb). Kellha suċċess meraviljuż, imma kellha titlaq minn hemm u marret lura fil-kunvent tagħha ta’ Tours.

Sa issa dawn id-djar tar-rifuġju kienu kull waħda minnhom indipendenti mill-oħra. Ewfrasja ħabirket li ġġibhom taħt amministrazzjoni waħda, taħt superjura ġenerali waħda u jkun hemm novizzjat wieħed, u hekk tkun tista’ tqassam is-sorijiet minn kunvent għall-ieħor skont il-bżonnijiet.

Sabet ħafna diffikultajiet, imma Ewfrasja baqgħet soda għax rat li b’hekk il-ħidma tagħhom tkun aktar koordinata u aktar effettiva.

Minkejja li kienet bniedma umli u tirrispetta l-awtorità, is-superjura żagħżugħa, li xi ħadd dwarha qal li “kellha kapaċità anki tmexxi renju,” irnexxielha, bil-għajnuna tal-providenza li toħloq f’Angers dak li jista’ jissejjaħ istitut ġdid, u d-djar kollha li bdew jinfetħu bdew jissejħu tal-Bon Pastur.

L-approvazzjoni tal-Papa waslet fl-1835. F’din il-kongregazzjoni ġdida saru ħafna żviluppi fi żmien qasir, u l-ġid immens li kien qed isir kien qed jidher f’kull dar ġdida li bdiet tintefaħ.

Fil-ħafna provi u diffikultajiet tagħha, fosthom akkużi li kienet tagħmel tibdil bla ħsieb ta’ xejn, ta’ ambizzjoni personali, u ta’ nuqqas ta’ paċenzja fl-awtorità, Santa Marija Ewfrasja Pelletier uriet qawwa erojka, baqgħet sal-aħħar iżżomm il-karattru ferrieħi tagħha, u tama kbira f’Alla.

Mietet fl-24 ta’ April tas-sena 1868 fl-età ta’ 71 sena. L-aħħar kelmiet lil sħabha kienu – “Ħobbu s-salib u s-salvazzjoni tal-erwieħ.” Ġiet ikkanonizzata minn Piju XII fl-1940. Meta mietet Santa Ewfrasja Pelletier, is-sorijiet tal-Bon Pastur kienu ġa jlaħħqu l-2,760, u d-djar tagħha wasslu għal 110 mad-dinja kollha, fosthom dik ta’ Malta f’Ħal Balzan fl-1858, jiġifieri din twaqqfet 10 snin qabel ma mietet il-qaddisa.

Ħsieb: Tajjeb li wieħed ikun jaf li s-sorijiet tal-Bon Pastur ġew Malta meta kienet għadha ħajja l-fundatriċi tagħhom Santa Ewfrasja Pelletier fl-1858. Għall-ewwel kellhom skola f’Ħal Lija, iżda meta mbagħad marru f’Ħal Balzan, fl-1868, ma żammewx l-iskola imma ntefgħu kollhom kemm huma f’ħidma ta’ ħniena u għajnuna ma’ xebbiet u ommijiet imġarrbin, ħidma li diġà kienu bdew jagħmlu Ħal Lija. Is-Sorijiet bdew jirrealizzaw li l-problema tal-vjolenza domestika kienet problema soċjali li kellha bżonn issir ħidma fuqha immedjatament u b’attenzjoni kbira.

Illum għandhom żewġt idjar u l-kunvent f’Ħal Balzan u dar fil-Mosta. Fid-djar f’Ħal Balzan isibu kenn in-nisa msawta u wliedhom, kif ukoll refuġjati, uħud minnhom bil-familja. Saru rinnovazzjonijiet estensivi fid-dar u Dar Merħba Bik infetħet fl-1981. Dar li l-għan prinċipali tagħha huwa r-rikonċiljazzjoni.

Dar Merħba Bik toffri kenn temporanju lin-nisa vittmi tal-vjolenza. Tul iż-żmien f’din id-dar, il-programm jgħinnhom jistabbilixxu mod ta’ ħajja li l-aħjar jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom kif ukoll ikomplu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

  1. Tipprovdi kenn sikur u adegwat għan-nisa vittmi tal-vjolenza fuq bażi ta’ sess u vjolenza domestika flimkien mal-ulied tagħhom.
  2. Toffri servizzi psiko-soċjali bħal ‘counselling’, ta’ assistenti soċjali u terapija speċjalizzata skont il-ħtieġa tar-residenti.
  3. Tgħin fl-integrazzjoni mill-ġdid tar-residenti fil-komunità, prinċipalment permezz u skont il-ħiliet tagħhom.
  4. Tippromovi r-rikonċiljazzjoni mal-individwu innifsu, mal-familja (b’kull mod possibbli jew mixtieq), mas-soċjetà u ma’ Alla.
  5. Tgħin u tassisti lir-residenti jsibu akkomodazzjoni alternattiva meta jkun hemm bżonn.
  6. Tqajjem kuxjenza u għarfien mal-pubbliku dwar il-kwistjoni tal-vjolenza domestika u vjolenza fuq bażi ta’ sess.

Jekk forsi din l-informazzjoni ma tapplikax għalik, nitolbok tgħaddiha lil min forsi taf li jeħtieġha. Għal aktar informazzjoni ara: http://thechurchinmalta.org/mt/posts/1680/the-good-sheperd-sisters jew http://maltacvs.org/voluntary/good-shepherd-sisters-dar-merhba-bik-foundation/

Talba: O Santa Marija Ewfrasja Pelletier, li b’ħeġġa tal-għaġeb irsistejt biex toffri kenn lil nisa b’diffikultà, nitolbuk biex b’talbek tinterċedi għal dawk in-nisa fi żminijietna li qed isofru minn kull forma ta’ abbuż jew li huma fir-riskju li jiġu sfruttati; agħmel li jsibu l-kenn u l-għajnuna meħtieġa biex ikunu jistgħu jgħixu bid-dinjità ta’ wlied Alla. Ammen.

English Version: http://sistersofthegoodshepherd.com/our-history/saint-mary-euphrasia/

Alternative Reading: https://anastpaul.wordpress.com/2018/04/24/saint-of-the-day-24-april-st-mary-euphrasia-pelletier-1796-1868/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mary_Euphrasia_Pelletier

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.