1 ta’ April: San Nonju Alvarez Pereira

Verżjoni Vidjo: San Nonju Alvarez Pereira

“Min iridni nitlef xi battalja, jbegħdni minn dan is-sagrament tal-imħabba. Fl-Ewkaristija jien nirċievi ‘l Alla, ikel tal-qawwija, li jagħti saħħa u għajnuna biex bil-kuraġġ nissielet għal pajjiżi”. ~ San Nonju Alvarez Pereira

downloadNONJU ALVAREZ PEREIRA
Reliġjuż Karmelitan
1360 – 1431

Tagħrif: Nonju (jew Nuño) twieled minn familja nobbli Portugiża fl-24 ta’ Lulju, 1360. Ta’ tlettax-il sena kien diġà qabad il-ħajja militari, u ma damx ma wera l-kuraġġ kbir tiegħu, u li kien kapaċi jkun mexxej tajjeb tal-armata. Ta’ sbatax-il sena żżewweġ lil Leonora de Alvim. Minnha kellu tliet ulied, li minnhom għexet waħda biss, Beatrice, li fl-1401 iżżewġet lil Alfonso, iben ir-re Ġwanni I.

Meta fl-1383 miet ir-re Fernando I tal-Portugall, u l-indipendenza tal-pajjiż kienet fraġli ħafna, Nonju kien minn ta’ quddiem li jkun favur li ħu Fernando, Ġwanni ta’ Aviz, ikun ir-re. Kien f’April 1385 li Ġwanni ta’ Aviz kien rikonoxxut u aċċettat bħala r-Re Ġwanni I.

Wara l-ewwel rebħa tiegħu fuq il-Kastilljani f’April 1384, Nonju kien maħtur dak li fil-prattika kien il-kmandant tal-armati tal-Portugall. Kien għad kellu biss 25 sena. Fil-karriera militari tiegħu, Nonju kien ukoll il-moħħ wara r-rebħa fil-Battalja ta’ Aljubarrota fl-1385. Qabel il-battalji, huwa kien iħeġġeġ lis-suldati tiegħu biex jafdaw f’Alla u jippreparahom biex jirċievu s-sagramenti.

Wara l-mewt ta’ martu, fost l-għaġeb ta’ kulħadd, fl-1423 Nonju ċaħad għal dak kollu li kellu, u ħaddan l-Ordni Karmelitan fil-kunvent ta’ Lisbona, imwaqqaf minnu stess minn butu, u ħa l-isem ta’ Fra Nonju ta’ Santa Marija.

Nonju għex sa mewtu, li ġrat fl-1 t’April tas-sena 1431, bħala sempliċi fra f’dan il-kunvent. Bħala Karmelitan kompla kiber fil-ħajja ta’ talb, ta’ penitenza, u ta’ devozzjoni lejn il-Verġni Marija li għalihom kien ġa magħruf.

Fis-sena ta’ qabel ma Fra Nonju miet, mar iżuru r-Re Ġwanni I u għannqu għall-aħħar darba. Hu kien jara fih ħabib kbir, li għenu biex jieħu s-saltna, u jsalva l-indipendenza tal-pajjiż.

Fit-23 ta’ April, 1918, il-Papa Benedittu XV iddikjarah Beatu. Il-Papa Benedittu XVI iddikjarah qaddis fis-26 ta’ April, 2009 fil-belt tal-Vatikan.

Ħsieb: Il-Kavallieri ta’ San Ġwann, magħrufin anke bħala l-kavallieri ta’ Malta kienu nies nobbli mill-Ewropa kollha li kienu jagħtu ruħhom lil Alla bil-wegħda tas-safa, iduru bil-morda u jiġġieldu għall-art Imqaddsa. Il-Kavallier Don Alvares Gonsales Pereira kien Portugiż kollu ħeġġa biex jaħdem għall-Ordni Ġerosolmitan. Ta’ 18-il sena kien diġà wiegħed ħajtu li jingħata kollu kemm hu għal Alla u għall-għan tal-Ordni ta’ San Ġwann.

Darba waqt battalja, bdew ifittxu lill-Ġeneral Nonju biex jagħtihom ordnijiet ġodda imma ħadd ma seta’ jsibu. Fittxewh. Fl-aħħar sabuh għarkupptejh wara blata jitlob. Meta spiċċa mit-talb, qam bil-kalma kollha. Qal lis-suldati x’għandhom jagħmlu u l-Portugall rebaħ battalja oħra. B’tifkira ta’ din il-battalja Nonju bena knisja lill-Madonna tar-Rużarju. Kien amar ukoll li fuq l-istandard tiegħu ikun hemm dejjem ix-xbieha tal-Madonna.

Il-Ġeneral Nonju li issa beda jiġi meqjus bħala eroj ta’ pajjiżu, qatt ma ried jieħu sehem fil-lussu u l-ħajja ta’ divertiment li kienu jgħaddu n-nobbli Portugiżi. Kellu qima kbira lejn Ġesù Ewkaristija u kien iħobb jgħid, “Min iridni nitlef xi battalja, jbegħdni minn dan is-sagrament tal-imħabba. Fl-Ewkaristija jien nirċievi ‘l Alla, ikel tal-qawwija, li jagħti saħħa u għajnuna biex bil-kuraġġ nissielet għal pajjiżi.”

Battalja oħra msemmija li rebaħ Nonju Alvarez saret fil-pjanura tal-Aljubarrota. Dakinhar kollox kien kontra tiegħu. Imma l-Madonna għenitu. Rebaħ bħas-soltu u b’ringrazzjament bena knisja lill-Madonna tal-Karmnu. Talab u qala’ min għand ir-Reġina tal-Portugall li l-Patrijiet Karmelitani jkollhom il-knisja u Kunvent f’Lisbona, għax kien iqis dawn il-Patrijiet bħala l-aħwa speċjali tal-Madonna.

B’kollox bena seba’ knejjes fil-Portugall lill-Madonna, b’sinjal tal-qima li kellu lejn din l-omm tas-sema. Meta wasal fil-quċċata tal-unuri meqjum minn kulħadd, San Nonju Alvarez Pereira billi ra lil pajjiżu ħieles minn kull biża’ tal-għedewwa tiegħu, ried jaħrab mid-dinja. Il-Portugall kien isejjaħlu l-Ġeneral il-Kbir, u Nonju ried jinħeba fil-kunvent tal-Karmelitani ta’ Lisbona. Kulħadd baqa’ mgħaġġeb bih. Il-Patrijiet laqgħuh bil-ferħ. Rieduh isir saċerdot, imma Nonju għażel u ried li jkun l-inqas fost kulħadd. Ried isir fra, u kif jgħid hu qatt ma ħass ruħu ferħan daqskemm meta libbsuh il-libsa tal-Karmnu fil-kunvent ta’ Lisbona.

Xtaq imur f’kunvent fejn ħadd ma jafu imma ma ħallewhx. Kien lest li jagħmel kulma jgħidulu għax kien jgħid, “Jien dħalt reliġjuż biex naqdi u nservi mhux biex jaqduni. Min iservi ‘l Alla jkun isaltan fuq l-art.” Kieku kien għalih kien joħroġ jiġbor iċ-ċirka liebes il-qorq u tonka fqira, bla ma jistħi mid-daħk u ż-żufjett ta’ ħadd. Meta beda jikber fiż-żmien u l-mard kien jgħakksu dejjem aktar, qatt ma nstema’ jilmenta. Kollox kien jieħu minn idejn Alla. Jaqra bla heda l-Iskrittura. Meta rċieva għall-aħħar darba l-Ewkaristija talab lill-Patri li kien maġenbu biex jaqralu l-Evanġelu ta’ San Ġwann. X’ħin wasal fil-kliem “Hawn hi Ommok” San Nonju Alvarez Pereira fetaħ għajnejh, ta tbissima tas-sema u mar jingħaqad ma’ dik l-omm li tant kien iħobb. Kien l-1 ta’April, 1431.

Il-Portugall għadu jagħti qima lil San Nonju Alvarez Pereira bħala l-eroj li ħeles lil pajjiżu mill-ħakma tal-għadu u bħala fundatur tal-qima lejn il-Madonna f’dan il-pajjiż. Għalhekk forsi f’Fatima – il-belt tar-Rużarju u tal-qima lejn il-Madonna tal-Karmnu – dan il-Qaddis għandu post kif jixraqlu.

  • U int, kemm ddur lejn il-Madonna, b’mod speċjali bit-talba tar-Rużarju li hi tant tħobb, biex hi tgħinek tirbaħ fuq l-għadu, b’mod speċjali dak ta’ ruħek li jipprova jbiegħdek milli tagħmel dak li jrid Alla minnek?

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Fjur tal-Karmelu, dielja bil-frott mgħobbija, dija tas-sema, xebba li waħdanija, b’ġieħ t’omm tiftaħar. Omm l-aktar ħelwa, li ġmielek qatt ma ttabba’, lill-Karmelitani ħniena uri u mħabba, kewkba tal-baħar. Ammen. (Talba lill-Madonna bl-isem Latin ‘Flos Carmeli’)

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/st-nuno-alvares-pereira-religious-m

Alternative Reading: http://www.tfp.org/saint-nuno-alvares-pereira-a-warrior-and-a-man-of-faith/#respond

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nuno_%C3%81lvares_Pereira

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/2009/ns_lit_doc_20090426_nuno_en.html

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb huwa pprovdut mill-Parroċċa ta’ Fleur-de-lys.

Advertisements