2 ta’ April: San Franġisku ta’ Paola

Verżjoni Vidjo: San Franġisku ta’ Paola

“Jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jismagħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Franġisku ta’ Paola.

24444701.jpgSAN FRANĠISKU TA’ PAOLA
Eremit
1416 – 1507

Tagħrif:  Il-ġenituri ta’ San Franġisku li kienu joqogħdu f’Paola, f’Kalabrija, l-Italja, baqgħu bla tfal għal ħmistax-il sena. Imbagħad kellhom tlieta wara xulxin. Il-kbir fosthom, Robertu, twieled fl-1416.

Meta Robertu kien għadu żgħir, intefħitlu għajnu x-xellugija hekk li kien hemm periklu li kien ser jagħma minnha. Il-ġenituri tiegħu għamlu wegħda ma’ San Franġisk t’Assisi li jekk ifiq ilibbsuh il-libsa tal-Patrijiet Franġiskani u jibagħtuh għal sena jgħix f’kunvent tal-Ordni u fieq.

Din il-wegħda ħelisha meta kellu tlettax-il sena. Wara, flimkien mal-ġenituri tiegħu mar pellegrinaġġ, u żar Ruma, Assisi u Loretu.

Meta kellu ħmistax, bidel ismu f’Franġisku, u mar jgħix għalih waħdu fuq biċċa art ta’ missieru, sakemm sab għar u beda jgħix fih. Żewġ żgħażagħ saru jafu bih u marru jgħixu miegħu. Fl-1435, bnew kappella u tliet ċelel. Qassis mill-parroċċa kien imur iqaddsilhom.

In-numru ta’ żgħażagħ li bdew imorru jissieħbu miegħu baqa’ dejjem jikber, u fl-1454, bl-għajnuna tal-poplu bena kunvent u knisja, u l-membri bdew jgħixu f’Regola ta’ faqar, umiltà u sawm kuljum. San Franġisk semma din il-Komunità tiegħu, “L-Ordni tal-Minimi” (L-iċken fost l-iżgħar).

Fuq ix-xewqa tal-Papa Sistu IV, mar jassisti lir-Re Lwiġi XI ta’ Franza, li kien qed imut. Il-Papa offra li jordnah saċerdot biex jaqdi aħjar il-missjoni tiegħu, iżda Franġisku talbu minn qalbu jħallih lajk. Wara l-mewt tar-Re Lwiġi, Karlu VIII, u warajh Lwiġi XII, żammewh fi Franza, li bis-saħħa t’hekk, San Franġisk kiseb ħafna għajnuna min għandhom biex jibni kunventi ta’ l-Ordni tiegħu fi Franza u f’pajjiżi oħra fl-Ewropa.

Tliet xhur qabel miet, ħalla l-impenn li kellu mar-Re u mar jgħix fis-solitudni tal-monasteru fejn miet fil-Ġimgħa l-Kbira tal-1507, fl-età ta’ 91 sena, fTours, Franza. Il-Papa Ljun X għamlu Beatu fis-sena 1513 u sitt snin wara ddikjarah qaddis.

Ħsieb: Il-ħajja ta’ San Franġisku ta’ Paola kienet straordinarja sa mill-mument ta’ twelidu, infatti hu twieled fis-27 ta’ Marzu, 1416 minn Giacomo Alessio msejjaħ il-“Martolilla” u Vienna da Fuscaldo, koppja ta’ ġenituri diġà avvanzati fiż-żmien.

Fiż-żmien li għamel il-kunvent biex iżomm il-wegħda, huwa wera li kellu doti eċċezjonali, kien jgħaġġeb lill-patrijiet meta kienu jarawh rieqed mal-art, jagħmel sawn kontinwu u jitlob ħafna. Kienu jitkellmu fuqu bħala dak il-bniedem li jagħmel ħwejjeġ straordinarji bħal meta mitluf fit-talb ġewwa il-kappella, nesa jixgħel in-nar biex isir l-ikel għall-patrijiet, allura meta nduna ġera ġirja waħda għall-kċina, fejn meta għamel is-sinjal tas-salib, xegħel in-nar u ftit mumenti wara l-ikel kien sar.

Wara 5 snin jgħix ta’ eremita’ fis-solitudni ngħaqdu miegħu żewġ żgħażagħ li riedu jgħixu bħalu, u fis-sena 1436 b’kappella u tlett ċellel bdiet l-ewwel żerriegħa tal-futur Ordni tal-Minimi bil-permess tal-isqof ta’ Cosenza Mons Bernardino Caracciolo. L-għaqda tiegħu kompliet tikber tant li nħasset il-ħtieġa li jkabbar il-post fejn kienu jgħixu. Huwa kien jagħmel ħafna prodiġi bħal meta b’daqqa ta’ bastun ħareġ l-ilma mill-blat biex jaqta’ l-għatx tal-ħaddiema. L-istemma tal-Ordni tiegħu hija tarka bil-kliem “Imħabba”.

Il-fama ta’ dan il-patri ta’ statura ħoxna, bil-leħja u xagħar li huwa ma kien jaqta qatt, xterdet man-naħa t’isfel u minħabba f’hekk kellu jitlaq minn Paola biex iwaqqaf aktar kunventi f’diversi lokalitajiet tal-Kalabrija. Kien mitlub biex iwaqqaf komunità f’Milazzo ġewwa Sqallija u ma’ żewġ fratelli wasal biex jaqsam Messina. Talab lil Kaptan ta’ dgħajsa tas-sajd biex jieħdu fuq id-dgħajsa u jwasslu n-naħa l-oħra, iżda meta ra li ma kellux biex iħallas, irrifjuta. Imbagħad Franġisku rabat tarf tal-mantell tiegħu mal-bastun u tela’ flimkien maż-żewġ ħutu u qasam l-baħar b’dik id-dgħajsa tal-qlugħ magħmulha tal-mument. Dan il-miraklu kien konfermat minn żewġ xhud okulari, fosthom il-kaptan Pietro Colosa ta’ Cotona, port żgħir fuq il-kosta ta’ Kalabrija, li sobgħih ħafna u qatt ma seta’ jsib konfort għar-rifjut tiegħu. Mirakli oħra għamel bil-bosta, fosthom li fejjaq il-morda, u qajjem il-mejtin.

Kien jaqbeż għall-fqar u jitkellem kontra min kien jaħqarhom. Ir-re ta’ Napli ra fih persuna perikoluża u bagħat xi suldati biex jalqgħulu ħalqu iżda huma ma setgħux jarawh għax għamel lilu nnifsu inviżibbli.

Huwa miet fit-2 ta’ April tas-sena 1507 ġewwa Franza meta kellu 91 sena. Il-qabar tiegħu sar lok ta’ pellegrinaġġi iżda ma ħelisiex mill-profanazzjoni meta l-Ugonotti ħarqu l-ġisem tiegħu u ma ħallewx ħlief irmied u ftit għadam. Il-ftit relikwi li fadal ġew ukoll profanati waqt ir-rivoluzzjoni Franċiża. Iżda fl-aħħar il-fdalijiet tiegħu sabu ruħhom ġewwa is-santwarju ta’ Paola fejn huwa meqjus bħala il-patrun tal-belt.

  • U int, kemm tara valur f’ħajja ta’ talb, penitenza u servizz lil ħutek il-bnedmin?
  • Kemm tipprova taħbi l-għemil tajjeb tiegħek biex bih tagħti glorja ‘l Alla biss u tibqa’ umli?
  • Qed tipprova tgħix ħajja ta’ qdusija skont l-istat tal-ħajja tiegħek?

Talba: O Alla, li tkabbar lil min jiċċekken, int tellajt lil San Franġisku ta’ Paola fil-glorja tal-qaddisin tiegħek; agħtina li, bil-merti u l-eżempji tiegħu, niksbu b’wiċċ il-ġid il-premju li int wegħidt lil min iċekken lilu nnifsu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/03/st-francis-of-paola.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-francis-of-paola/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_of_Paola

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud mis-sit jesusandmary.yolasite.com.