3 ta’ April: San Rikardu

Verżjoni Vidjo: San Rikardu

“Bin il-​bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu”. ~ Ġesù  f’Mattew 20:28

strichardwebSAN RIKARDU
Isqof ta’ Chichister
1197 – 1253

Tagħrif: Rikardu tilef lil missieru meta kien għadu żgħir u l-proprjetà tal-familja marret lura. Meta ħuh il-kbir offrielu l-wirt, Rikardu ma aċċettax għad li għen kemm seta’ biex jerġa’ jwaqqafha.

Studja Oxford u Pariġi u anki għamel kors fid-Dirittu Kanoniku f’Bolonja. Hu reġa’ lura pajjiżu b’fama kbira tant li ħatruh rettur tal-Università ta’ Oxford. Hawn tant spikka fl-għerf u fil-qdusija li l-arċisqof ta’ Canterbury, San Edmond, riedu miegħu bħala kanċillier tad-djoċesi. Hekk sar kumpann intimu ta’ San Edmond, akkumpanjah Franza fl-eżilju, assistieh f’mewtu u ħadu bħala mudell ta’ ħajtu.

Wara l-mewt tal-Arċisqof San Edmond, Rikardu mar jistudja t-Teoloġija mad-Dumnikani f’Orléans, fejn kien ordnat saċerdot u mbagħad mar lura pajjiżu. Hemm l-arċisqof il-ġdid ta’ Canterbury, Bonifaċju, talbu biex jaċċetta jsir kanċillier tiegħu.

Meta fl-1244 miet l-isqof ta’ Chichester, il-kapitlu fuq ir-rakomandazzjoni ta’ Bonifaċju ħatar lil Rikardu bħala suċċessur. Iżda din in-nomina ma għoġbot xejn lir-Re Enriku III għax Rikardu kien iżomm ma’ Edmond, li kien ħadha kontra l-intrigi tar-re. Għalhekk Enriku ma riedx jagħti lil Rikardu d-drittijiet tal-mensa (tad-dħul). Bla dar fid-djoċesi tiegħu u bla mezzi, Rikardu sab ruħu dipendenti tal-karità tal-kleru u tal-fidili. Iżda sentejn wara (1246) Enriku kellu jċedi wara li l-Papa qabeż għalih.

Rikardu baqa’ jgħix bħala isqof fil-faqar u fil-penitenza, għax kien jagħti kważi kollox lill-foqra. Għamel ħafna digrieti biex jirregola l-ħajja tal-kleru, l-amministrazzjoni tas-sagramenti, is-servizz u l-privileġġi tal-knejjes. Meta d-dispensier kien josservalu li qed jagħti karità aktar mir-renti tal-mensa: “ma jimpurtax,” kien iwieġbu, “biegħ l-oġġetti tal-fidda u ż-żiemel.”

Huwa u sejjer Dover biex jikkonsagra knisja ġdida f’ġieħ San Edmond, ħassu ħażin fil-vjaġġ. Malli wasal Dover kemm kemm laħaq ikkonsagra l-knisja. Miet l-għada, fit-3 ta’ April, 1253 fl-età ta’ 56 sena. Ħaduh lura Chichester u difnuh fil-katidral. Kien iddikjarat qaddis disa’ snin wara mewtu mill-Papa Urbanu IV.

Ħsieb: F’kull stadju ta’ ħajtu, San Rikardu qeda d-doveri tiegħu sewwa u b’ġenerożità, bla ebda interess personali. Kemm hu importanti l-altruiżmu fil-ħajja tan-nisrani. Kemm għandha tispikka fina dik il-ħajja dedikata għall-oħrajn. Fuq kollox, din hija l-ħajja li għażel Sidna Ġesù Kristu “li ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu.” Għalhekk, in-nisrani ma jista’ qatt ikun egoist!

F’diskors waqt omelija minn tiegħu, il-Papa Franġisku (14 ta’ Mejju 2013) jgħid hekk:

“L-egoiżmu ma jwassalna mkien. L-imħabba mill-banda l-oħra tillibera. Minħabba dan min hu kapaċi jgħix il-ħajja propja bħala “rigal biex jingħata lill-oħrajn” ma jibqa’ qatt waħdu u ma jisperimentax “id-dramm tal-kuxjenza iżolata,” priża faċli ta’ Satana li dejjem lest biex iqarraq” b’min jagħżel triqtu. 

Ġesù jgħidilna kelma qawwija: ‘Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek.’ L-ikbar imħabba: li tagħti ħajtek. L-imħabba dejjem timxi minn din it-triq: li tagħti ħajtek. Tgħix ħajtek bħala rigal, rigal biex jingħata. Mhux teżor biex jinżamm. U Ġesù hekk għixha, bħala rigal. U jekk tgħix ħajtek bħala rigal, inti tagħmel dak li jrid Ġesù: “Waqqaftkom sabiex tmorru u ġġorru l-frott.” Mela m’hemmx għalfejn naħarqu ħajjitna bl-egoiżmu.

Ġuda, mill-banda l-oħra, kellu atteġġjament kuntrarju ta’ min iħobb, għaliex “qatt ma fehem, miskin, xi jkun rigal.” Ġuda kien wieħed minn dawk il-bnedmin li qatt ma jaslu li jagħmlu ġest ta’ altruwiżmu u li dejjem jgħixu fl-isfera tal-propju jien, bla ma qatt “iħallu jinħatfu mis-sitwazzjonijiet sbieħ.” Atteġġjament li, minflok, huwa tal-“Maddalena, meta taħsel riġlejn Ġesù bl-ingwent, tant iqum flus… dan huwa mument, reliġjuż, mument ta’ gratitudni, mument ta’ mħabba.” Ġuda, mill-banda l-oħra jgħix maqtugħ, fis-solitudni tiegħu, u jibqa’ javvanza f’dik it-triq. Din hija “l-qrusa tal-qalb” u hekk “bħal ma l-imħabba tikber fir-rigal,” ukoll fl-atteġġjament l-ieħor, dak “tal-egoiżmu, jikber. U kiber, f’Ġuda, sat-tradiment ta’ Ġesù.” Min iħobb, jagħti l-ħajja bħala rigal: min hu egoista, jittradixxi, jibqa’ dejjem waħdu u “jiżola l-kuxjenza tiegħu fl-egoiżmu, f’dik il-kura tal-propja ħajja; imma fl-aħħar jitlifha.”

Mela hemm żewġ toroq x’nagħżlu: ngħixu l-ħajja għaliha nfisha jew ngħixuha bħala rigal, iġifieri bħalma għamel Ġesù: “Bħal ma ħabbni l-Missier, hekk jibgħatni għall-imħabba u jien nirregala ruħi għall-imħabba.” Ejjew nitolbu: ‘Ejja Mulej, u tini qalb wiesgħa, li tkun kapaċi tħobb b’umiltà, b’manswetudni’.” U “Nitolbuh ukoll li jeħlisna dejjem mit-triq l-oħra, dik tal-egoiżmu, li fl-aħħar tispiċċa ħażin.”

  • U int, f’liema triq tinsab?
  • Qiegħed/qiegħda tixbah lill-Imgħallem Divin?
  • Qed timxi, bħal San Rikardu fit-triq li ser twasslek għall-glorja tal-qaddisin fis-Sema?

Talba: Grazzi lilek, Mulej tiegħi Ġesù Kristu, għall-benefiċċji kollha li tajtni, għall-uġigħ u l-insulti kollha li Inti sofrejt għalija. O Salvatur tant ħanin, ħabib u ħuna, agħmel li nsir nafek b’mod aktar ċar, li nħobbok b’għożża akbar, u li nsegwiek aktar mill-viċin, jum wara jum. Ammen. (Talba ta’ San Rikardu)

English Version: https://catholicexchange.com/saint-richard-of-wyche

Alternative Reading: https://www.ewtn.com/library/MARY/RICHARD.HTM

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Richard_of_Chichester

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements