6 ta’ April: Santa Ġiljana minn Cornillon

“Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: “Ħudu, kulu, dan hu ġismi.” Mbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: “Ixorbu lkoll minnu, għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet”. ~ Ġesu’ f’Mattew 26:26-28

The Vision of Saint Juliana of Mont CornillonSANTA ĠILJANA MINN CORNILLON
Verġni
1193 – 1258

Tagħrif: Santa Ġiljana minn Cornillon, verġni, twieldet Retinne, ħdejn Liege (il-Belġju), u wara li ta’ ħames snin tilfet ’l ommha u ’l missierha poġġewha fil-kunvent ta’ Mont-Cornillon, ħdejn Liege. Hawn mhux biss għamlet progressi kbar fil-qdusija, iżda wkoll qrat bil-pjaċir l-opri ta’ Santu Wistin u ta’ San Bernard.

Uriet sa minn ċkunitha mħabba kbira lejn il-Madonna, lejn il-passjoni, u fuq kollox lejn is-Sagramenti tal-Altar. Fl-1206 libset il-velu ta’ soru u pprofessat r-regola ta’ Santu Wistin, li kienet miżmuma f’dak il-kunvent.

Tawha f’idejha l-morda tal-isptar li kien immexxi mis-sorijiet. Kienet tiġbed fuqha l-qima ta’ kulħadd bl-umiltà, bil-karità, bl-ubbidjenza u bil-penitenza tagħha, hekk li fl-1230 is-sorijiet kollha tal-kunvent ħatruha bħala superjura tagħhom.

Għamlet li setgħet biex iddaħħal il-festa ta’ Corpus. Meta kienet tersaq titqarben kienet tħoss devozzjoni kbira u tirċievi ħafna grazzji. Ta’ sikwit kienet tmur tagħmel żjara lil Ġesù Sagramentat, tinxteħet għarkopptejha; u bl-eżempju tiġbed lill-oħrajn. Għalhekk Alla għażilha bħala strument umli tiegħu biex ixxandar id-devozzjoni lejn is-Sagrament, u biex tiġi magħżula ġurnata għas-solennità ta’ Corpus.

Robert, isqof ta’ Liege, bit-talb u l-parir ta’ Santa Ġiljana, daħħal din il-festa fid-djoċesi tiegħu, u mbagħad il-Papa Urbanu IV kabbar u xerred din is-solennità mad-dinja kollha. Wara l-mewt tal-Isqof Robert, Ġiljana kellha ssofri bosta persekuzzjonijiet. Ċertu Roger irnexxielu jxewwex lill-poplu kontriha u keċċiha mill-kunvent flimkien mas-sorijiet (1247). Flimkien mal-komunità l-qaddisa sabet kenn wara bosta sofferenzi, l-ewwel Namur u mbagħad fil-Belt ta’ Fosse, fejn għaddiet l-aħħar snin ta’ ħajjitha fil-ġabra u fit-talb.

Wara li rċeviet bid-devozzjoni kollha l-aħħar sagramenti mietet fiċ-ċella tagħha, għajnejha fissi fuq l-Ostja Mqaddsa (fil-5 ta’ April 1258). Difnuha, kif talbet, fil-monasteru taċ-Ċisterċensi tal-Belt ta’ Villiers. Qabarha sar post ta’ pellegrinaġġi għal għadd kbir ta’ mirakli li saru bl-interċessjoni tagħha. Il-Qdusija Tiegħu, il-Papa Piju IX, approva l-uffizzju u l-quddiesa tagħha (1869).

Ħsieb: Santa Ġiljana minn Cornillon qatt ma waqfet tittama fl-għajnuna ta’ Alla fost l-iktar persekuzzjonijiet krudili. Ejjew nitgħallmu mill-paċenzja tagħha u mill-mod kif hija pprattikat il-virtu’ qawwija tat-tama, u filfatt li straħet fuq l-għajnuna divina b’aċċettazjoni ta’ dak kollu li għoġob lir-rieda tiegħU.

Imma Ġiljana baqgħet magħrufa wkoll għal kemm irsistiet biex iddaħħal il-festa ta’ Corpus (Il-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu). Dan jixhed id-devozzjoni kbira li kellha lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Kien għalhekk li l-Mulej inqeda biha biex ixxandar din id-devozzjoni, u biex tiġi magħżula ġurnata għas-solennità ta’ Corpus.

Fis-Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu (3 ta’ Ġunju 2018), il-Papa Franġisku tenna dan il-kliem:

“L-Ewkaristija hi l-qalb li tħabbat tal-Knisja, tnissilha u terġa’ tnissilha mill-ġdid, ixxerikha u tqawwiha. Imma l-Ewkaristija tħejjilna wkoll post hemm fuq, fl-eternità, għax hi l-Ħobż tas-Sema. Tiġi minn hemm, hi l-unika materja fuq din l-art li għandha tassew togħma ta’ eternità. Hi l-ħobż tal-futur, li diġà minn issa ddewwaqna ġejjieni bil-wisq ikbar minn kull ħaġa aqwa li nistgħu nistennew. Hi l-ħobż li jaqta’ l-ġuħ tal-ikbar xenqat tagħna u jitma’ l-isbaħ ħolmiet tagħna. F’kelma waħda, hi r-rahan tal-ħajja ta’ dejjem: mhux biss wegħda, imma rahan, jiġifieri garanzija minn qabel, tantiċipa konkretement dak li se jiġi mogħti lilna. L-Ewkaristija hi l-“prenotazzjoni” tal-Ġenna; hu Ġesù, ikel li jrejjaqna fil-mixja tagħna lejn dik il-ħajja hienja li ma tintemm qatt.

Fl-Ostja kkonsagrata, barra mill-post, Ġesù jħejjilna l-ikel, li jrejjaqna. Fil-ħajja għandna bżonn kontinwament li nitrejqu, u mhux biss bl-ikel, imma wkoll bi proġetti u mħabbiet, b’xewqat u tamiet. Aħna mġewħin biex niġu maħbuba. Imma l-aqwa kumplimenti, l-isbaħ rigali u l-aktar teknoloġiji avvanzati mhumiex biżżejjed, qatt mhuma se jaqtgħulna l-ġuħ għal kollox. L-Ewkaristija hi ikel sempliċi, bħall-ħobż, imma hi l-uniku wieħed li jaqta’ l-ġuħ, għax m’hemmx imħabba ikbar minn din. Hemm niltaqgħu ma’ Ġesù tassew, naqsmu fil-ħajja tiegħu, inħossu l-imħabba tiegħu; hemm tista’ tħoss kif il-mewt u l-qawmien tiegħu huma għalik.

U meta tadura lil Ġesù fl-Ewkaristija, tirċievi mingħandu l-Ispirtu s-Santu u ssib paċi u ferħ. Għeżież ħuti, ejjew nagħżlu dan il-ħobż tal-ħajja: inqiegħdu fl-ewwel post il-Quddiesa, niskopru mill-ġdid l-adorazzjoni fil-komunitajiet tagħna! Nitolbu l-grazzja li nkunu mġewħin għal Alla, li qatt ma jinqatgħalna għal kollox dak il-ġuħ biex nirċievu dak li hu jħejji għalina. Hu jixtieq jgħammar f’nofsna. Irid iżur is-sitwazzjonijiet, jidħol fid-djar, joffri l-ħniena tiegħu li teħles, ibierek, ifarraġ. Ġarrabtu sitwazzjonijiet ta’ tbatija; il-Mulej irid ikun qrib tagħkom”. 

  • U f’ħajtek, x’post għandu Ġesu’ Ewkaristija?
  • Kemm tmur iżżuru u toqgħod titkellem miegħu , taduraH u tirringrazzjaH?
  • TirċevieH ta’ spiss b’qalb u ruħ safja u mħejjija sew u kif jixraq lil Alla qaddis li jinżel mis-Sema għalik, biex jiġi fik u jgħix miegħek?
  • Inħeġġek tara dan il-vidjo: https://www.youtube.com/watch?v=vZOgWK6Z4DE

Talba: Ejja żurna, Mulej. Aħna nilqgħuk fil-qlub tagħna, fil-familji tagħna, fl-ibliet tagħna. Grazzi li tħejjilna l-ikel tal-ħajja u post fis-Saltna tiegħek. Agħmel li aħna nkunu attivi aħna u nħejjulek, inwasslu bil-ferħ lilek li int il-ħajja, biex inxerrdu l-fraternità, il-ġustizzja u l-paċi fit-toroq tagħna. Ammen. (Talba tal-Papa Franġisku f’Corpus 2018)

English Version: https://sanctoral.com/en/saints/saint_juliana_of_mont_cornillon.html

Alternative Reading: http://w2.vatican.va/content/benedict-xvi/en/audiences/2010/documents/hf_ben-xvi_aud_20101117.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Juliana_of_Li%C3%A8ge

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements