7 ta’ April: San Ġwann Battista De La Salle

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Battista De La Salle

“Il-bniedem li jħenn, jgħallem u jħarreġ kif jagħmel ragħaj mal-merħla tiegħu.   Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi: għax ta’ min hu bħalhom hija s-saltna tas-smewwiet.” ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwann Battista De La Salle.

juan_bautista_de_la_salleSAN ĠWANN BATTISTA DE LA SALLE
Saċerdot
1651 – 1719

Tagħrif: Il-Fundatur tal-“Freres” twieled f’Rheims, Franza, fit-30 ta’ April, 1651, f’familja nobbli u sinjura ħafna. Fl-1670, daħal is-Seminarju ta’ Pariġi, u ġie ordnat saċerdot fl-1678, meta kellu 28 sena.

Sentejn wara ltaqa’ ma Adrian Nyel, u miegħu beda jaħdem għall-edukazzjoni tat-tfal foqra. Baqa’ sakemm intefa’ b’ruħu u b’ġismu f’dan ix-xogħol. Ħalla d-dar u l-kanonikat, flusu beda jonfoqhom fit-tfal, u beda jgħix fl-istess livell tal-foqra li għalihom iddedika l-kumplament ta’ ħajtu.

Beda jiftaħ skola waħda wara l-oħra, u minn żmien għal żmien kien iżurhom. Kien jinkoraġġixxi l-għalliema, jagħtihom pariri, u jissuġġerilhom metodi ġodda biex jgħallmu aħjar. Ġieli stedinhom id-dar tiegħu biex jieklu, u joqogħdu miegħu. B’hekk bdiet ir-rabta ma’ wħud minnhom, li wara, permezz tagħhom waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Aħwa (Freres), fit-28 ta’ Mejju, 1684.

Fl-1684, l-ewwel tnax-il dixxiplu għamlu l-professjoni temporanja u poġġew il-kongregazzjoni taħt il-ħarsien speċjali tal-Madonna. Iżda fl-1700, qamu l-ewwel diffikultajiet minħabba l-metodi ġodda fit-tagħlim introdotti mill-fundatur. Hekk, pereżempju dawk li kienu jiċċarġjaw għat-tagħlim fl-iskejjel kienu kontra t-tagħlim b’xejn kif kien jingħata fl-iskejjel ta’ San Ġwann Battista de la Salle. Barra minn dan, anki s-Sulpizjani rreaġixxew kontra tiegħu għax il-qaddis warrab il-metodi tradizzjonali li kien spiċċa żmienhom u kien jinsisti għall-użu tal-Franċiż aktar milli tal-Latin. Għalkemm għall-ewwel l-intenzjoni tiegħu kienet li jmexxi biss skejjel b’xejn għall-foqra, fl-1698, fuq talba tas-Sultan James (Ġakbu) II tal-Ingilterra, hu fetaħ l-ewwel skola għat-tfal subien tal-klassi aristokratika.

Il-metodi pedagoġiċi tiegħu wasslu għat-twaqqif ta’ stituti ta’ studju għall-gradwati, l-organizzazzjoni tal-klassijiet ta’ nhar ta’ Ħadd, kif ukoll skejjel tas-snajja għal studenti bejn is-7 u l-20 sena. San Ġwann Battista de la Salle sab ruħu umiljat minn xi dixxipli tiegħu li kienu jikkritikawh għax kien iddedikat iżżejjed għall-istudenti mill-klassijiet tal-baxxi, u wkoll ikkritikat mill-aristokrazija, li kienu jakkużawh għax kien qed jiddiżunura l-istatus tiegħu tal-klassi nobbli li kien.

Barra mill-iskejjel primarji u sekondarji li waqqaf, ħa ħsieb ukoll jiftaħ Kulleġġi tal-Għalliema (Colleges of Education). L-ewwel wieħed li fetaħ kien f’Rheims, fl-1687, imbagħad f’Pariġi, fl-1699, u ieħor f’Saint Denis fl-1709. L-iskejjel tiegħu xterdu ma’ Franza kollha, u mad-dinja. Il-metodi tiegħu biddlu s-sistema edukattiva ta’ żmienu. Dan swielu ħafna diżappuntamenti, ostakli u oppożizzjoni minn niesu, mill-awtoritajiet, u speċjalment mill-Ġensinisti li kienu qawwija ħafna.

Fl-1695, ifformula sett ta’ Regoli għall-Komunita’ tiegħu. Kiteb ukoll ttrattat fuq l-edukazzjoni, “It-Tmexxija tal-Iskejjel Insara”. San Ġwann Battista de la Salle rriżenja minn superjur fl-1717, sentejn qabel ma miet, u ddedika lilu nnifsu għall-istruzzjoni tan-novizzi u l-pubblikazzjoni ta’ xi kotba, fosthom ‘Metodu ta’ Talb Mentali’ (meditazzjonijet).

Mifluġ mill-ażma u r-rewmatiżmu, miet nhar il-Ġimgħa l-Kbira, fis-7 t’April 1719, meta kellu 68 sena, f’Rouen, Franza. Minkejja l-ħafna provi li għadda minnhom, kliem dan il-qaddis edukatur fuq is-sodda tal-mewt kienu: “jien nadura l-mod kif Alla mexa miegħi fil-ħwejjeġ kollha li jirrigwardaw lili.” Kien iddikjarat qaddis flimkien ma’ Santa Rita fl-1900 minn Ljun XIII. Il-papa Piju XII fl-1950 iddikjarah qaddis patrun tal-għalliema.

Ħsieb: Kemm xogħol! Kemm dedikazzjoni! Kemm enerġija kkunsmata għall-avvanz tat-tfal u ż-żgħażagħ! Kemm importanza mogħtija lill-edukazzjoni u l-aħjar metodi kif din tiġi mwasslha! San Ġwann Battista De La Salle, il-qaddis patrun tal-għalliema. Imma l-istudenti tagħna llum, b’mod speċjali dawk li huma prodott tal-iskejjel tal-Knisja, u tal-iskola li ġġib isem ta’ dan il-qaddis dedikat, qed jirriflettu valuri nsara għall-kumplament ta’ ħajjithom? Fuq kollox mhux din l-aktar ħaġa importanti?

Dan hu parti mid-diskors li għamel (fl-4 ta’ Lulju 2016) l-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-quddiesa tal‑gradwazzjoni tal‑istudenti tas‑6th Form tal‑Kulleġġ De La Salle, il‑Birgu:

“Jiena d-domanda li nixtieq nagħmel lilkom iż-żgħażagħ hija domanda sempliċi. Għaddejtu minn esperjenza fi skola Kattolika. Intom illum se tħallu l-fidi tagħkom hawn u titilqu minn hawn atei prattiċi? Din l-aħħar quddiesa li se tisma’ qabel tiżżewweġ, jekk tiżżewweġ bil-Knisja? Din l-aħħar Ewkaristija li ddeċidejt li tattendi għaliha għax hija parti minn serata, għax inti, bħal meta tmur cruise u kollox ikun ipprogrammat? Id-domanda nagħmilhielek mhux għax nixtieq nimponi xi stil ta’ ħajja fuqek, nagħmilhielek għaliex tinteressani r-risposta libera tiegħek u qed nagħmilhielek quddiem il-ġenituri, għax il-ġenituri ormaj nispera li għajjew jippruvaw jipperswadukom.

Intom adulti biżżejjed biex tieħdu d-deċiżjonijiet tagħkom, imma xi kwalita’ ta’ deċiżjoni se tieħu wara li għamilt snin jew almenu fl-istess grupp ta’ esperjenza ta’ edukazzjoni fi skola tal-Knisja? Sirtu iżjed anti-klerikali milli kontu qabel għax kieku ngħid allura li hija falliment. Bil-fidi tiegħek fejn qiegħed? Tgħid li ma jinterassanix, allura nifhem li l-istilla tal-fidi ta’ De la Salle għalik ormaj ma tfisser xejn ħlief badge tal-iskola u li se tkun fuq iċ-ċertifikat li se jagħtuk illum. Tista’ tgħidli: ‘imma ifhimni, Father, il-kwistjoni li jiena għaddejt minn skola tal-Knisja ma jfisser xejn ħlief li nispera li jiena persuna aħjar’. Jiena nawgura li inti persuna aħjar għax kien hemm fl-aħħar tal-Evanġelju: “għalik intqal mhumiex kategorija ta’ nies li tiddisprezzahom imma li tgħinhom”.

Intom tistgħu tqisukom bħala grupp ta’ nies pivileġġati u din il-kelma tweġġagħni għax l-iskejjel tal-Knisja m’għandhomx ikunu għall-privileġġjati. Huwa privileġġ tal-komunità li toffri l-edukazzjoni, imma aħna m’aħniex hawn biex noħolqu elite li jkasbar il-fqir. Allura kieku jiena nagħlaq l-iskejjel, għax minflok ma nkun qed neduka l-qalb, jkun biss li kkrejajt mostri bla qalb. Dan il-kliem qed ngħidu biex ngħabbikom bir-responsabbiltà. L-edukazzjoni Kattolika trid tkun edukazzjoni mhux biss biex titgħallem tisma’ l-quddiesa u tapprezzaha, imma qabel xejn tirrispetta lilek inifsek u l-proxxmu. Jekk student li għadda minn De la Salle huwa razzist u jiddisprezza lil min mhux bħalu, De La Salle ma sewa xejn għalih. Jekk inti m’intix kapaċi tgħid li l-vokazzjoni tiegħek trid tkun ta’ servizz, De la Salle kien ħela ta’ ħin u flus li taw il-ġenituri tiegħek li sostnew din l-iskola, ma kienx investiment tajjeb.

Qed ngħid hekk mhux biex inkun negattiv, imma biex ngħabbikom bir-responsabbiltà. Fl-istess ħin jiena nifraħ magħkom ta’ dak kollu li qegħdin toħolmu bih u tippjanaw għall-futur. Nimmaġina li diġa’ qed tistennew b’ħerqa r-riżultati tal-eżamijiet, nawguralkom li tiddevertu ftit u tistrieħu sakemm jaslu r-riżultati, u li ma taqgħux f’depression meta tiftħu r-riżultati li tirċievu, nittamaw li kollox imur sew. Inutli tixgħel ix-xemgħat lil Sant Antnin ta’ Padova u li San Giovanni Battista De La Salle għax issa li hemm hemm. Imma nawguralkom li, ir-riżultati jkunu tajbin u d-deċiżjonijiet li tagħmlu għall-futur tagħkom tagħmluhom b’responsabbiltà kbira, mhux biss li tuża t-talenti tiegħek tajjeb, imma li tagħżel li tkun ta’ servizz għas-soċjetà. Huwa dan il-privileġġ li tkun Nisrani: li tkun ta’ servizz għas-soċjetà, imbagħad il-Mulej ibierkek bl-għana, bil-ġid ħa tgawdi int u l-familja tiegħek u għamel minn kollox biex tgħin lil min hu inqas privileġġat.

Jien nixtieq nirringrazzja lill-Brothers ta’ De La Salle tad-dedikazzjoni tagħkom, intom ormaj an endangered species, anke għaliex vokazzjonijiet għal De La Salle ma tantx qed nara jien fuq ix-xefaq, biex ma ngħidtx fuq l-orizzont, imma fuq ix-xefaq. Imma jiena nawgura li jkollkom gruppi ta’ lajċi bħall-Brothers mill-Colombia li hawn magħna. Jiena nawgura li gruppi ta’ lajċi jiġu entużjażmati bl-eżempju u anke bix-xogħol li qegħdin tagħmlu, nawgura biex din l-opra tkompli”.

Ejjew nitolbu għall-istudenti kollha, għall-Brothers u l-għalliema kollha, biex jibqgħu jimxu fuq il-passi ta’ San Ġwann Battista de La Salle bla tidwir ‘l hawn jew ‘l hemm.

Talba: O wisq qaddisa u safja xebba Marija, omm tal-ħniena, sultana tiegħi, protetriċi tiegħi, ħajti, l-għaxqa u t-tama tiegħi, fit-tjieba tiegħek agħmel li jkolli qalb ta’ Iben veru tiegħek; qalb li malajr tobdi u twieġeb lill-iben divin tiegħek, is-Salvatur tiegħek u tiegħi; ikolli fiduċja ta’ iben fit-tjubija tiegħek ta’ omm u fil-kwalitajiet kollha li għandu jkollu kull iben tiegħek.

Indenja ruħek ukoll li jkollok l-aktar għal qalbek il-ħidma kbira tas-salvazzjoni tiegħi u kull ma jgħin biex din tinkiseb matul ħajti u fil-waqt ta’ mewti; u meta jasal dak il-mument tal-aħħar, omm fidila u ħanina, nitolbok b’ħerqa li ma tabbandunanix.

Għinni inti, biex negħleb l-għedewwa kollha tas-salvazzjoni tiegħi u ħu f’idejk qaddisa lil ruħi, biex hekk tikseb ġudizzju tajjeb bl-interċessjoni tiegħek u nkun nista’ nidħol fis-Saltna tas-Sema u hemm nitgħaxxaq b’hena li ma titfissirx, li nara u nħobb lil Alla u lilek l-iżjed imbierka għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

(Talba ta’ San Ġwann Battista de La Salle li kien jgħid ta’ spiss lill-Imqaddsa Verġni Marija)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-john-baptist-de-la-salle.html

Alternative Reading: https://www.lasallian.info/about/history/saint-john-baptist-de-la-salle/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jean-Baptiste_de_La_Salle

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.