9 ta’ April: Beata Katerina Ċelestina Faron

Verżjoni Vidjo: Beata Katerina Ċelestina Faron

“Wieħed għandu dejjem jintelaq għar-rieda ta’ Alla.” ~ Beata Katerina Ċelestina Faron

kat cel falBEATA KATERINA ĊELESTINA FARON –
Reliġjuża u Martri
1913 – 1944

Tagħrif: Katerina Ċelestina Faron twieldet ġewwa Zabrzez, il-Polonja. Ommha mietet meta kienet għadha żgħira ħafna u għalhekk familja ġeneruża u ta’ valuri reliġjużi, rabbitha hi.

Minn meta kienet ta’ età żgħira, Katerina wriet devozzjoni kbira lejn l-Imqaddsa Verġni Marija u bdiet tgħid li tixtieq tingħata kompletament lil Alla, u tkun ta’ servizz għalih biss.

Fiż-żgħożija tagħha, ingħaqdet mal-kongregazzjoni tas-sorijiet serviti tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Stara Wies, fil-Polonja ta’ Isfel. Hija ngħatat ix-xogħol li tgħallem lit-tfal tal-Kindergarten u fl-1938 saret id-direttriċi tal-iskola ta’ Brzozow.

Kellha natural ħelu u ġentili ħafna u kienet tmur tajjeb ħafna mat-tfal. Dejjem bi tbissima u ferrieħija tant li kienu jgħidu li kienet timla qalb kull wieħed bit-tama.

Fis-19 ta’ Frar tal-1942, ġiet arrestata mill-Gestapo u mitfugħa fil-ħabs ta’ Jaslo u ta’ Tarnow. Fis-6 ta’ Jannar, 1943, ġiet trasferita għall-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwich-Birkenau. Hawnhekk sofriet il-ġuħ u torturi ħorox, iżda ntelqet kompletament fir-rieda t’Alla u bdiet tqawwi l-qalb ta’ oħrajn

Mardet bit-tifojde u bit-tuberkolożi tas-sider. Kien ikollha ħafna episodji meta kienet tneħħi ħafna demm. Din it-tbatija kienet qed toffriha għall-bżonnijiet ta’ saċerdot li kien ħalla r-reliġjon. Il-Mulej taha risposta għaliex dan is-saċerdot ikkonverta.

Kellha l-fama ta’ qaddisa, kienet taqsam mal-oħrajn ir-razzjon tal-ikel tagħha, inkuraġġiment, ċajtiet ħelwin u anke talb. Fi 15-il xahar qatt ma rċeviet l-Ewkaristija, iżda ftit taż-żmien qabel ħalliet din id-dinja, saċerdot irnexxielu jdaħħal ftit ostji moħbija fil-keffa tal-kapott u b’hekk Swor Katerina Ċelestina rnexxielha titqarben u tmut ferħana.

Hija mietet Auschwich-Birkenau, fl-ewwel siegħa tal-Għid il-Kbir, tad-9 ta’ April, 1944. Kellha biss 31 sena. Ġiet ibbeatifikata mill-Beatu Papa Ġwann Pawlu II, fit-13 ta’ Ġunju 1999, ġewwa Warsaw il-Polonja, flimkien ma’ martri oħra tal-Polonja. Katerina Ċelestina Faron kienet dejjem tirrepeti: “Wieħed għandu dejjem jintelaq għar-rieda ta’ Alla.”

Ħsieb: Bħal San Massimiljanu Marija Kolbe (ara San Massimiljanu Marija Kolbe), il-Beata Katerina Ċelestina Faron sofriet il-ġuħ u torturi ħorox fil-kamp tal-konċentrament u hemm ħalliet ħajjitha li kienet għadha fil-fjur tagħha. M’hemmx kliem quddiem tant kefrija! Kif jista’ bniedem ikun kawża ta’ tbatijiet hekk kbar għal bniedem ieħor bħalu? Possibli li l-bniedem jista’ jsir bla kuxjenza, bla sentimenti, bla ħniena, bħax-xitan? U llum? Għad għandna kefrija, tortura u abbużi ta’ nies fuq nies oħra?

Fid-29 ta’ Lulju, 2016, waqt li l-Papa Franġisku kien fil-Vjaġġ Appostoliku tiegħu fil-Polonja, qal hekk:

“Mort Auschwitz u Birkenau biex niftakar fit-tbatijiet ta’ sebgħin sena ilu… Kemm tbatija u wġigħ ta’ qalb, x’kefrija! Imma possibbli li aħna l-bnedmin, maħluqa xbieha ta’ Alla, kapaċi nagħmlu dawn l-affarijiet? Dawn l-affarijiet saru. Ma rridx insewdilkom qalbkom, imma jeħtieġ ngħid il-verità. Il-kefrija ma ntemmitx ma’ Auschwitz, ma’ Birkenau: anki llum, illum qed jiġu ttorturati n-nies; tant ħabsin qed jisfaw ittorturati, mill-ewwel, biex iġagħluhom jitkellmu… Terribbli! Illum għandna rġiel u nisa fil-ħabsijiet mimlija sa ruħ ommhom; qed jgħixu – skużawni l-kelma – bħal bhejjem. Din hi l-kefrija ta’ żmienna. Aħna ngħidu: Iva, rajna x’kefrija sebgħin sena ilu, kif kienu joqtluhom billi jisparawlhom, jew jgħallquhom, jew bil-gass. Imma llum f’tant postijiet fid-dinja, fejn hemm il-gwerra, l-istess qed jiġri. F’din ir-realtà ġie Ġesù biex jerfagħna fuq spallejh. U qed jitlobna biex nitolbu.

  • Nitolbu għal tant persuni bħal Ġesù li għandna fid-dinja tal-lum: dawk bil-ġuħ, bil-għatx, fid-dubju, morda, waħidhom, dawk li qed iħossu l-piż ta’ tant dubji u tant ħtijiet. Qed ibatu ħafna…
  • Nitolbu għal tant tfal morda, innoċenti, li sa minn ċkunithom ilhom iġorru s-salib.
  • U nitolbu għal tant irġiel u nisa li llum qed jiġu ttorturati f’tant pajjiżi tad-dinja; għall-ħabsin imdeffsin kollha hemm, qishom kienu annimali.

Tad-dwejjaq dan li qed ngħidilkom, imma din hi r-realtà. Imma hu realtà wkoll il-fatt li Ġesù refa’ fuqu dawn il-ħwejjeġ kollha. Anki d-dnub tagħna. Ilkoll aħna midinbin, ilkoll mgħobbijin bil-piż ta’ dnubietna. Ma nafx hawnx xi ħadd li ma jħossux midneb… Jekk hawn xi ħadd li ma jħossux midneb, ħa jgħolli jdejh… Ilkoll aħna midinbin. Imma Hu jħobbna, iħobbna!

U bħala midinbin, imma bħala wlied Alla, ulied Missieru, ejjew nagħmlu lkoll flimkien talba għal dawn in-nies li qed ibatu llum fid-dinja minħabba tant ħwejjeġ koroh, tant ħruxijiet. U meta jċarċar id-dmugħ, it-tifel ifittex lil ommu; anki aħna, midinbin, aħna tfal, ħa nfittxu lil Ommna, u nitolbu lill-Madonna lkoll flimkien, kull wieħed u waħda bil-lingwa tiegħu.”

Talba: O Mulej, kif inti tajt lill-Beata Katerina Ċelestina Faron biex taqdik fil-kura u l-edukazzjoni tat-tfal iż-żgħar, imbagħad wara li tingħaqad miegħek Vittma safja, hekk agħti lilna lkoll il-grazzja li nintrabtu bis-sħiħ mar-rieda tiegħek u nibqgħu fidili lejk sal-aħħar, jiswielna x’jiswielna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-katarzyna-faron/

Alternative Reading: https://enddak.wordpress.com/2013/01/06/the-blessed-sister-celestine-katherine-faron/

Wikipedia: https://pt.wikipedia.org/wiki/Celestina_Catarina_Faron

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.