10 ta’ April: Santa Madalena ta’ Canossa

“Il-fatt li jiena twelidt markiża għandu jimpedini milli naqdi lil Ġesù Kristu fil-foqra?” ~ Santa Madalena ta’ Canossa

19881002_maddalena_di_canossaSANTA MADALENA TA’ CANOSSA
Fundatriċi
1774 – 1835

Tagħrif: Din hija l-fundatriċi tal-patrijiet u sorijiet ta’ “Ulied il-Karità” jew “Kanossjani”. Marija Gabriella twieldet f’Verona fl-1 ta’ Marzu 1774. Hi kienet ġejja minn familja nobbli u għanja. Missierha miet meta kellha ħames snin u flimkien ma’ erba’ ħutha sfat abbandunata minn ommha li reġgħet iżżewġet. Madalena trabbiet minn mara Franċiża li ma kinetx tifhem lit-tifla. Ta’ 15-il sena fieqet minn marda serja u wriet il-fehma tagħha li tidħol reliġjuża, imma niesha kienu kontra għax kienu qed jittamaw li għal ġmielha u l-karattru jiġbdek tagħha kienet se tiżżewweġ banda tajba.

Ta’ 17-il sena għażlet li tidħol Karmelitana, imma rriturnat f’darha wara ftit inqas minn sena għax il-mod ta’ ħajja li għażlet kienet timpediha milli tgħin lill-foqra u tgħallem lil min kien fil-bżonn.

Għal xi snin hija kienet tamministra l-proprjetà tal-familja u fl-istess ħin kienet taħdem b’kull mod mat-tfajliet foqra, l-aktar fost dawk fil-periklu li jaqbdu ħajja ħażina. Niesha ppruvaw iżommuha fil-ħidma tagħha mal-fqar u l-baxxi għax dehrilhom li kienet qed tagħmel xogħol li ma jixraqx id-dinjità tagħha ta’ nobbli. It-tweġiba tagħha kienet dejjem l-istess: “Il-fatt li jiena twelidt markiża għandu jimpedini milli naqdi lil Ġesù Kristu fil-foqra?”

Hi kienet tgħin lill-morda fl-isptarijiet u fid-djar; kienet tixtri kotba tal-katekiżmu biex tagħtihom lill-kappillani għall-parruċċani; torganizza rtiri, tieħu ħsieb tfajliet abbandunati u tqassam kuljum ikel u flus lil dawk li kienu jħabbtu d-dar tagħha, u tagħmel żjajjar lil dawk li kienu jgħixu fi griebeġ u djar delapidati.

L-ittri tagħha lid-direttur spiritwali tagħha juru li hi għaddiet minn żminijiet ta’ skrupli u anki tibża’ li se tintilef għax ħasbet li ma kinetx qed timxi fuq ir-rieda ta’ Alla għaliha. Imma d-direttur spiritwali tagħha, Don Luigi Libera, għamlilha kuraġġ u qalilha biex tiddedika ruħha totalment għall-appostolat li kienet ġa bdiet u, fuq il-parir tiegħu, Madalena fl-1801 fetħet l-ewwel dar għat-tfajliet fil-bżonn. Kellha dik il-ħabta 27 sena.

L-Imperatur Napuljun, li kien qed jammira l-ħidma tagħha, fl-1808 taha l-kunvent ta’ San Fidenzio li qabel kien tas-Sorijiet Agostinjani. Fetħet ukoll skola f’palazz abbandunat. Kienet ukoll mistiedna Venezja biex tiftaħ dar oħra fil-monasteru qadim ta’ Santa Luċija. L-istitut tagħha kiseb l-approvazzjoni proviżorja mill-Papa Piju VII fl-20 ta’ Novembru 1828.

Santa Madalena ta’ Canossa kellha devozzjoni speċjali lejn il-passjoni ta’ Ġesù u d-duluri ta’ Ommu Marija. Hija mietet nhar il-festa tad-Duluri fl-10 ta’ April 1835, fl-età ta’ 61 sena. Ħajjitha tillustra perfettament dak li hi kienet tħobb tgħid lir-reliġjużi tagħha: “Il-ħajja reliġjuża mhijiex ħlief l-Evanġelju tradott fil-prattika.” Kienet dikjarata qaddisa mill-Papa San Ġwanni-Pawlu II fit-2 ta’ Ottubru 1988. Illum ir-reliġjużi rġiel tagħha huma madwar 100, imma dawk nisa jgħoddu ’l fuq minn 4,000 u għandhom missjonijiet f’21 pajjiż, fosthom f’Hong Kong, f’Goa, fis-Sudan u fl-Amerika t’Isfel.

Ħsieb: Il-ġid u l-privileġġ ma għamlu xejn biex jipprevjenu lill-qaddisa tal-lum milli ssegwi s-sejħa tagħha biex iservi lil Kristu fil-foqra. Lanqas il-protesti tal-qraba tagħha li skont huma x-xogħol li kienet qed tagħmel ma kientx jagħmel ġieħ lin-nobbilta’ li tagħha kienet tagħmel parti. Imma għalina li qed ngħixu żewġ sekli wara Santa Madalena ta’ Canossa, x’messaġġ jista’ għandha għalina? Se niffoka fuq kategorija waħda ta’ nies li hija għenet; qed nerreferi għal dawk il-bosta nisa żgħażagħ li kienu qed jiġu mkaxkra mill-kurrenti ħżiena biex jipprostitwixxu lilhom infushom. Din il-problema, u problemi oħra simili relatati mal-offiżi li l-Mulej jirċievi kontra s-sitt kmandament, huma tista’ tgħid, in-norma tal-lum! Kemm għadna nagħtu importanza l-att sesswali bħala espressjoni ta’ mħabba safja bejn raġel u mara fiż-żwieġ hekk kif ħalaqha u ried li tkun Alla l-Imbierek?

Fl-ittra Pastorali bit-titlu ‘L-imħabba Sabiħa’ (il-Vanġelu tas-sesswalita’) fl-Assunta 2014, tal-Isqof Mario Grech, insibu hekk:

“Ebda mġiba sesswali ma tkun ġenwina jekk il-mutur warajha ma jkunx l-imħabba. Filfatt, fl-istupru, fil-prostituzzjoni u fil-pedofelija ma hemm ebda ħjiel ta’ mħabba. Anki n-negozju li jsir permezz tal-pornografija, bħalma huma s-servizzi li jbiegħu s-siti elettroniċi, ikun jiżżuffjetta bl-imħabba. Għaldaqstant, koppja li tfittex li tingħaqad biss fiżikament mhux f’kuntest ta’ mħabba, tkun tneżża’ s-sesswalità mit-tifsira ġenwina tagħha.  

Minn studju nazzjonali li sar dan l-aħħar minn Dar Ġużeppa Debono, jidher li ġeneralment imġiba sesswali mħarbta fost l-adolexxenti tagħna hija sintomu ta’ nuqqas ta’ mħabba li huma jkollhom fil-familja, fl-iskola u fis-soċjetà b’mod ġenerali. F’soċjetà li tisfrutta t-tbatija tagħhom billi toffrilhom soluzzjonijiet taparsi faċli, huma jispiċċaw jaqgħu f’attività sesswali li mhux biss tpoġġi f’riskju s-saħħa tagħhom, imma tkun ta’ dannu psikoloġiku u sentimentali għalihom u għall-oħrajn.

Hemm bżonn inkunu protagonisti fl-edukazzjoni sesswali ta’ wliedna. Mill-istudju msemmi, jidher is-siwi tal-ħidma li qed iwettqu l-edukaturi fl-iskejjel tagħna. Fl-istess ħin jibqa’ l-fatt li l-adolexxenti tagħna jiksbu ħafna mill-informazzjoni dwar is-sess mill-ħbieb u mill-mezzi tal-komunikazzjoni, fosthom l-internet.

Tidher id-diffikultà tal-ġenituri biex jgħixu s-sejħa tagħhom bħala l-edukaturi ewlenin ta’ wliedhom. Edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl-imħabba titlob formazzjoni għall-kastità. Għalkemm illum il-kastità mhix suġġett li niddiskutu fit-tokk, naf b’żgħażagħ u koppji għarajjes u miżżewġa li jipprattikawha. Il-kastità ma tfissirx li wieħed jastjeni milli jkollu relazzjoni sesswali, jew li wieħed jistmerr l-imħabba sesswali, imma li “jikkontrolla l-passjonijiet tiegħu u jgawdi s-sliem”. Huwa minnu li l-kastità titlob sagrifiċċju, imma s-sagrifiċċju huwa triq li twassal għall-kuntentizza.  

Nagħmel appell lill-Poplu ta’ Alla biex inħossu tagħfas fuqna r-responsabbiltà li niffurmaw aktar ruħna sabiex inxandru l-Vanġelu tas-Sesswalità lill-bniedem ta’ żmienna. Importanti li l-kelma tal-Verità tkun imsieħba minn kelma ta’ Ħniena, sabiex it-tagħlim tal-Knisja dwar is-sesswalità umana jiġi mwassal tassew bħala Bxara Tajba aktar milli bħala sensiela ta’ kundanni li jaqtgħu qalb il-bniedem li kuljum jitqabad mad-dgħufija tiegħu”.

Talba: O Alla ħanin, f’Santa Madalena ta’ Canossa dewwaqtna ftit mill-ħniena bla tarf tiegħek li għandek lejn il-foqra u dawk li l-aktar jeħtieġu tal-għajnuna u l-kenn tiegħek, agħtina l-istess spirtu ta’ ħniena biex aħna ngħinu lin-nies f’diffikulta’ li għandna fostna llum, bla ma nħallu l-preġudizzji tan-nies iwaqfuna milli nagħmlu dan. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-magdalen-of-canossa.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-magdalen-of-canossa/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Magdalene_of_Canossa

Vatican Biography: http://www.vatican.va/news_services/liturgy/saints/ns_lit_doc_19881002_maddalena_di_canossa_en.html

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements