13 ta’ April: San Martin I

“Min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha sħiħa għall-ħajja ta’ dejjem. Il-qaddisin igħammru fis-saltna tas-smewwiet: hemm jistrieħu għal dejjem.” ~ Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Martin I

74-SanMartin-I-Papa-1aSAN MARTIN I
Papa u Martri
? – 655

Tagħrif: San Martin twieled f’Todi, fl-Umbrija, l-Italja, u sar kjeriku tal-Knisja ta’ Ruma.

Meta ġie elett Papa, f’Lulju tas-sena 649, ma riedx li jiġi kkonfermat mill-Imperatur Kustanz II, kif kienet id-drawwa fi żmienu, għax Kustanz kien qed iħaddan l-ereżija tal-Monoteliti, li kienu jiċħdu r-rieda umana fi Kristu.

F’Ottubru tal-istess sena, San Martin sejjaħ sinodu fil-Lateran, fejn ħadu sehem 105 Isqof, u fost affarijiet oħra ġie kkundannat it-“Typos”, editt li kien jipprojbixxi li wieħed jitkellem sew fuq rieda waħda u sew fuq żewġ ridiet ta’ Kristu, li l-Imperatur Kustanz II kien ħareġ ftit żmien qabel.

L-Imperatur ħadha bi kbira ħafna, u għamel kemm seta’ biex iġiegħel lill-Papa jaċċetta t-“Typos”, saħansitra pprova jqajjem xiżma fost l-Isqfijiet, iżda ma rnexxilux. Fl-aħħar, fis-sena 653, l-Imperatur imbagħad bagħat Ruma lil Callopias u lil Tellurus, bl-ordni biex jaqbdu lill-Papa San Martin. Il-Papa, li dik il-ħabta kien marid, kien maqbud u meħud f’nofs ta’ lejl fuq ix-xmara Tevere u mibgħut Kostantinopli.

Wara tlett xhur wasal fuq il-gżira Naxos fejn l-għassiesa żammewh sena u soġġettawh għal ħafna żeblieħ. Fis-sena 654, il-Papa Martin I wasal Kostantinopli u għal tlett xhur kien miżmum f’qiegħ ta’ ħabs. Wara li nżamm diversi xhur f’Kostantinopli, fis-sena 655 kien itturufnat f’Chersonesus, waqt li f’dan il-pajjiż kien maħkum minn ġuħ kbir.

Il-martirju mtawwal tal-Papa San Martin I ġie fit-tmiem tiegħu fit-13 ta’ April tas-sena 655. Kien ilu Papa sitt snin. Hu l-aħħar fost il-Papiet li mietu martri.

ĦsiebIt-tbatijiet li sofra l-Papa Martin I meta kien miżmum f’qiegħ ta’ ħabs – kif jidher mill-ittri tiegħu – kienu kbar ħafna, imma bħal San Stiefnu ħafer u kien jittama li jindmu u jbiddlu ħajjithom. Kien abbandunat minn kulħadd u hu nnifsu jgħid li ħbiebu, anki dawk li qabel kienu f’kuntatt miegħu, telquh waħdu għax beżgħu jagħtuh l-inqas għajnuna. Fl-aħħar temmewlu dan il-martirju billi tawh il-martirju finali!

Is-sinifikat reali tal-kelma martri ma ġietx mill-kelma mewt iżda mill-kelma xhieda – nies li huma

  • lesti li jċedu kollox,
  • il-biċċa l-kbira tal-proprjetà prezzjuża tagħhom,
  • il-ħajja tagħhom stess,
  • jagħtu valur suprem lill-kawża jew lit-twemmin li għalihom jissagrifikaw ħajjithom.

Il-martirju, li wieħed imut għall-fidi, huwa l-mod estrem li xi wħud kellhom jgħaddu minnu biex juru t-twemmin tagħhom fi Kristu. Fidi ħajja, ħajja li tixbaħ lil dik ta’ Kristu u t-tagħlim tiegħu, u li minkejja d-diffikultajiet, hija mitluba mill-insara kollha. Il-Papa qaddis Martin, irrifjuta li jiċħad twemminu bħala mod biex itaffi t-tbatijiet tiegħu jew biex jagħmel lilu nnifsu komdu mal-mexxejja ċivili. Kieku aħna x’konna nagħmlu?

Fit-Tieni Ktieb, Kap XII tal-Imitazzjoni ta’ Kristu dwar ‘Tagħlim kif wieħed għandu jmut għad-dinja biex jgħix il-ħajja tar-ruħ’, insibu dan:

“Il-ħajja kollha ta’ Kristu kienet salib u tbatija; u inti trid li jkollok il-mistrieħ u l-hena? Tiżbalja bl-ikrah jekk tfittex ħaġ’oħra ħlief it-tbatija; għaliex kollha kemm hi din il-ħajja qasira tagħna hi mimlija bil-miżerji, u mdawra bis-slaleb. U aktar ma r-ruħ tgħaddi ‘l quddiem fit-tjieba aktar issib slaleb itqal; għaliex il-piena li tħoss ir-ruħ mixħuta f’dan l-eżilju aktar tikber bl-imħabba.

Imma l-bniedem hekk, għalkemm f’bosta ħwejjeġ jinsab imsallab, għandu xi ħaġa li ssabbru u tferrħu, għax jaf li, billi jieħu paċenzja bis-slaleb tiegħu, ġid kbir ikun qed jagħmel għalih innifsu. Malli hu minn rajh imidd għonqu għas-salib, l-imrar tad-dwejjaq tiegħu jinbidel f’tama ħelwa li Alla jhennih bil-grazzja tiegħu. L-aktar il-ġisem jinkedd bit-taħbit, aktar ir-ruħ titwettaq bil-grazzja li Alla jsawwab ġo fiha. Xi drabi wkoll tant tiġih qawwa kbira fit-taħbit u fid-dwejjaq tiegħu; tant isir iħobb ix-xebħ tas-salib tiegħu mas-salib ta’ Kristu, li jixtieq li ma jkun qatt bla niket u gwaj, għaliex aktar ma jkun jiflaħ jerfa’ slaleb tqal għal Alla, aktar jidhirlu li hu jkun maħbub minnu. Imma dan m’hux ġej mill-ħila tal-bniedem, ġej mill-grazzja ta’ Kristu. Tant hi qawwija u tant din il-grazzja fil-ġisem debboli tagħna, li hu bi ħrara wisq kbira jgħannaq u jħobb ħwejjeġ li kieku mingħalih dejjem jobgħodhom u jaħrabhom.

Nafuha: mhux għall-qalb tal-bniedem li jerfa’ s-salib, li jħobb is-salib, li jgħakkes lil ġismu, li jobdi dejjem b’għajnejh magħluqa, u li jaħrab l-unuri, u li jieħu paċenzja biż-żeblieħ; li xejn ma jqis lilu nnifsu u jixtieq li jkun imżeblaħ; li jifraħ b’kull dwejjaq u b’kull ħsara u li ma jixtieq ebda hena f’din id-dinja. Infatti jekk tħares ħarsa fuqek innifsek, issib li ħwejjeġ bħal dawn ma tiflaħx għalihom. Imma jekk inti titma f’Alla tingħatalek qawwa mis-smewwiet, u d-dinja u l-ġisem iġġibhom għal idejk. Anzi anqas stess mid-demonju ma tibqa’ tibża’, jekk tkun armat bil-fidi, u mżejjen bis-salib ta’ Kristu.

Ħejji ruħek, mela, bħala qaddej tajjeb u fidil ta’ Kristu, biex terfa’ bil-qalb is-salib tas-Sinjur tiegħek imsallab għall-imħabba tiegħek. Ħejji ruħek għal tant għawġ u tbatija minn kull xorta f’din id-dinja mnikkta. Kulfejn tkun, ma tarax ma’ wiċċek ħlief minn dan; u kulfejn tinħeba ma ssibx ħlief minn dan. Hekk jeħtieġ li jkunu s-slaleb u t-tbatijiet, u af ma tistax teħles minnhom xort’oħra, ħlief billi titqanna bil-qalb bihom. – Ixrob bil-ferħa l-kalċi tas-Sinjur tiegħek, jekk trid li tkun ħabib miegħu, li jkollok sehem miegħu. Is-sabar stennieh minn għand Alla jagħmel minnek kif l-aktar jogħġbu. Mingħalik, midd għonqok għas-slaleb u anzi ħudhom bħala l-aqwa sabar tar-ruħ tiegħek; għaliex it-tbatijiet ta’ din id-dinja ma humiex biżżejjed, biex tkun tistħoqqlok il-glorja tal-ġenna, anqas kieku terfagħhom kollha int waħdek.

Ebda ħaġa ma hi mogħġuba quddiem Alla, ebda ħaġa ma tagħmel ġid lil ruħna f’din id-dinja, daqs li bil-qalb inbatu għal Alla. Anzi, li kien f’idejk, aktar imissek tagħżel li tbati xi ħaġa għal Kristu milli li tgħix dejjem qalb il-hena tar-ruħ. Hekk issir tixbaħ lil Kristu u lill-Qaddisin kollha tiegħu. Mhux billi nkunu mimlijin bil-hena u bis-sabar, aħna nkunu naqilgħu l-merti u mmorru ‘l quddiem; imma billi nerfgħu slaleb tqal u nixorbu l-imrar bil-qalb it-tajba”.

Talba: O Alla li tista’ kollox, int tajt għajnuna lill-Papa San Martin biex ma jibżax mit-thedid u ma jinterbaħx mill-moħqrija fil-martirju tiegħu; agħti lilna wkoll qalb qawwija biex nilqgħu bis-sabar it-tiġrib kollu tad-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-martin-i.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-martin-i/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Martin_I

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements