14 ta’ April: Beatu Pietru Gonzales

“Jekk id-dinja daħket bija, jien irrid nidħak bid-dinja”. ~ Beatu Pietru Gonzales

san_pietro_gonzales-detto_s-_telmoSAN PIETRU GONZALES
Reliġjuż
†1246

Tagħrif: Pietru Gonzales kien ġej minn familja nobbli ta’ Kastilja, fi Spanja. Wieħed minn zijietu kien isqof ta’ Astorga, li eduka lil Pietru u anki kisiblu t-titlu ta’ kanonku tal-katidral minkejja li kien għadu taħt l-età.

Darba f’jum tal-Milied, hekk kif kien kollu mdandan imlibbes bl-iżjed ilbies fin biex jieħu l-pussess bħala kanoniku, kien imtajjar minn fuq iż-żiemel tiegħu u mitfugħ f’ħofra mimlija tajn, fost id-daħk ta’ dawk kollha li raw dan l-inċident.

F’daqqa waħda ħajtu nbidlet għal kollox għax din il-ġrajja ġegħlitu jiftaħ għajnejh u jara l-frugħa kollha tiegħu. “Jekk id-dinja daħket bija” qal, “jien irrid nidħak bid-dinja.” Ħalla l-pożizzjoni li kellu u daħal Dumnikan. Kien predikatur kapaċi u anke ġie nominat bħala l-kappillan irjali minn San Ferdinandu III, re ta’ Kastilja u Leon.

Dan il-patri Dumnikan kien meqjum ħafna mill-baħħara Spanjoli u Portugiżi li kien jagħmlilhom żjarat fuq ix-xwieni tagħhom.

Huwa miet fl-14 ta’ April, 1246. Kien ibbeatifikat mill-Papa Innoċenz IV fl-1254 u kkanonizzat fit-13 ta’ Diċembru 1741 mill-Papa Benedittu XIV. Huwa l-qaddis protettur tal-baħħara li jsejħulu taħt l-isem ta’ Elmo jew Erażmu, li minnu ġej l-isem ta’ Iermu li għalih hija msemmija l-famuża Forti Sant’Iermu fil-belt Valletta.

Ħsieb: Kemm-il darba smajna stejjer dwar xi sfortuna jew diżastru biex umbagħad wara xi żmien, tisma’ li ġiet meqjusa bħala ħaġa tajba. Mhux kull “diżastru” huwa tassew ħażin fil-konsegwenzi tiegħu, għax il-Mulej jista’ joħroġ it-tajjeb minn dak li jidher li hu sfortuna. Dan kien il-każ tal-Beatu Pietru Gonzales li ġralu bħal San Pawl. Il-waqa’ minn fuq iż-żiemel għal ġot-tajn, irriżultat f’ħaġa tajba fil-ħajja tiegħu. Ġabietu f’sessieh u bidlitlu l-mod ta’ kif jaħseb. Din tissejjaħ konverżjoni. U tassew, kull nisrani jeħtieġ li jibdel il-mod ta’ kif jaħseb, għax kulħadd ikollu bżonn jikkonverti minn bniedem ħażin għal wieħed li jibda jagħmel it-tajjeb u minn bniedem tajjeb għal wieħed li jagħmel dak li hu l-aħjar, eċċ… Il-konverżjoni għalhekk tibqa’ għaddejja tul ħajjitna kollha sakemm naslu sal-punt fejn San Pawl jgħid li rridu nsiru: “Naħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Filippin 2:5). F’post ieħor jgħid: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar” (Kolossin 3:12).

Imma meta l-Beatu Pietru Gonzales qal: “Jekk id-dinja daħket bija, jien irrid nidħak bid-dinja”, x’ried ifisser eżatt? X’aktarx li ried jagħmel distinzjoni bejn il-fatt li qabel il-waqa’ huwa kien iblah, kien bniedem tad-dinja, b’viżjoni dejqa u ffukata fuqu nnifsu; imma minn wara l-waqa’, ħa deċiżżjoni li ‘jiftaħ moħħu’ jew ‘għajnejh’ u jilqa’ l-mod ta’ kif jaħsibha Alla, f’kelma waħda, li jsir bniedem spiritwali u jirbaħ fuq id-dinja. Kristu qal: “Jiena rbaħt id-dinja!” (Ġwanni 16:33). B’liema modi n-​nies tad-dinja (li jiffukaw biss fuq il-bżonn fiżiku) differenti minn dawk spiritwali?

L-​appostlu Pawlu jgħinna nifhmu d-​differenza bejn “bniedem spiritwali” u “bniedem fiżiku.” Fl-​1 Korintin 2:14-16, insibu dan: “Il-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ tal-Ispirtu ta’ Alla; għalih huma kollha bluha, ma jistax jifhimhom, għaliex ħadd ma jista’ jgħarbilhom jekk mhux bl-Ispirtu. Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd. Min hu dak li jista’ jifhem il-ħsieb tal-Mulej biex ikun jista’ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu”.

Persuna fiżika ‘ma tilqax l-​affarijiet tal-​ispirtu t’Alla, għax huma bluha għaliha; u ma tistax issir tafhom.’ B’kuntrast, persuna spiritwali ‘tistħarreġ kolloxʼ u għandha “l-​moħħ taʼ Kristu,” li jfisser li tistinka biex taħseb bħalma jaħseb Kristu. Pawlu jinkuraġġina biex inkunu nies spiritwali.

B’kuntrast maʼ persuna fiżika, persuna spiritwali jimpurtaha ħafna mir-​relazzjoni tagħha m’Alla. Hi tħalli l-​Ispirtu qaddis t’Alla jiggwidaha u tistinka biex timita lil Kristu. San Pawl jisħaqq: “Kunu, mela, tixbhu lil Alla, bħala wlied maħbuba” (Efesin 5:1) Din tagħmel sforz biex titgħallem kif jaħsibha l-Mulej u biex tara l-​affarijiet kif jarahom Hu. Alla hu reali ħafna għaliha. Din ma tipprattikax “l-​għemejjel tal-​laħam” imma tipprova tiżviluppa “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” U f’Galatin 5:22-25 insibu: “Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi. Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem il-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu”.

Ġesù qal li dawk li għandhom moħħhom iffokat fuq affarijiet spiritwali huma ferħanin. (ara ​Mattew 5:3-12) Fil-qosor nistgħu inpoġġuha b’dan il-mod: Henjin dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom, għax għandhom ċans kbir li jiksbu s-​saltna tas-​smewwiet. F’Rumani 8:6-8 insibu wkoll: “Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat ta’ l-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem. Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta’ Alla; ma joqogħdux għal-liġi ta’ Alla, u anqas jistgħu joqogħdu”. Għalhekk, jidher ċar li l-​ħajja tagħna tiddependi fuq li naħsbu bħalma jaħseb Kristu. Allura, jekk aħna moħħna ffokat fuq affarijiet spiritwali, minn issa stess jistaʼ jkollna l-​paċi m’Alla u magħna nfusna, u jistaʼ jkollna t-​tama tal-ħajja taʼ dejjem.

Talba: O Mulej, int ftaħt għajnejn il-Beatu Pietru Gonzales permezz tal-inċident li għadda minnu, agħti lilna lkoll li nintebħu b’modi ta’ kif nistgħu insiru naħsbu bil-mod kif taħseb Int, ħalli aħna wkoll naslu nirbħu fuq id-dinja, il-bluha, l-egoiżmu u l-qerq tagħha. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/blessed-peter-gonzalez.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/blessed-peter-gonzalez/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Gonz%C3%A1lez

 

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements