19 ta’ April: San Ljun IX

Verżjoni Vidjo: San Ljun IX

“Ġesù Kristu hu dak li kien, fl-imgħoddi, issa u għal dejjem. Tħallux li tinġibdu ‘l barra mit-triq b’tagħlim xorta oħra u barrani.” – Lhud 13:8-9.

18035757_10209544462351791_909896379_nSAN LJUN IX
Papa
1002 – 1054

Tagħrif: Bruno twieled ħdejn Kolmar (Alsazja) minn Hugh Asbourgh, kuġin tal-Imperatur Korradu, u minn Heilewida, mara qaddisa.

Jingħad li kienet hekk devota tal-passjoni, li meta twieled Bruno kellu ġismu ttikkjat bi slaleb żgħar ħomor. Meta kien għadu żagħżugħ, kien hekk devot, li sħabu biex jiddistingwuh minn oħrajn tal-istess isem, kienu jsejħulu “t-twajjeb Bruno”. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu taħt Bertoldu, it-twajjeb isqof ta’ Toul, u wara l-istudji tiegħu sar kanonku tal-katidral.

Wara l-mewt ta’ Herimann, isqof ta’ Toul u suċċessur ta’ Bertoldu, Bruno ġie magħżul bħala suċċessur (1027). F’Diċembru tal-1048 Bruno ħa parti fid-dietà (konċilju) ta’ Worms, meta l-Papa Tedesk Damasu II miet. Il-poplu ta’ Ruma talab lill-Imperatur Enriku III biex jibgħatulhom. Wara ħafna reżistenza Bruno kellu jaċċetta. Telaq fuq iż-żiemel ma’ ħabibu Ildebrandu, il-futur Girgor VII; iżda meta wasal ħdejn Ruma niżel minn fuq iż-żiemel u daħal il-belt ħafi, liebes ta’ pellegrin.

Tela’ fuq it-tron fit-12 ta’ Frar, 1049. Beda minnufih ix-xogħol tar-riforma, bl-għajnuna ta’ Ildebrandu. F’April laqqa’ sinodu fejn ikkundanna s-simonija u l-inkontinenza. Imbagħad beda l-vjaġġi tiegħu madwar l-Ewropa għar-riforma tad-drawwiet.

Laqqa’ Sinodu fejn ikkundanna l-Berengarju. In-Normanni għelbu lit-Taljani u lit-truppi tal-Papa ħdejn Civitella (Ġunju 1053) u l-Papa ta ruħu fi jdejhom. Itrattawh bl-unuri kollha u wara ftit ħaduh Benevento, fejn ried imur u fejn baqa’ sa Marzu tal-1054.

Il-maqtulin ta’ Civitella baqgħu dejjem quddiem għajnejn il-Papa. Inkwiet ieħor kien Mikiel Żerularju, patrijarka ta’ Kostantinopli, li reġa’ beda jġedded ix-xiżma ta’ Fozju. San Ljun bagħat lill-Kardinal Umberto Kostantinopli bħala legat u kiteb ittra ta’ eżortazzjoni għall-paċi (Settembru 1053).

Iżda r-riżultat tal-ambaxxati wasal Ruma wara l-mewt tal-papa (Lulju 1054). Infatti Ljun kien ħassu ħażin Benevento u meta reġa’ ġie f’tiegħu telaq minn hemm għal Ruma fejn wasal fit-3 ta’ April. Hawn reġa’ marad u wara ftit ġranet miet fid-19 tal-istess xahar u ndifen f’San Pietru.

Ħsieb: San Ljun IX dam Papa ħames snin, iżda snin mimlijin b’attività riformatriċi tal-għaġeb, fost il-kleru u l-lajkat. Kellu għan prinċipali: ir-riforma fil-Knisja. Quddiem l-isfida lejn ir-riforma fil-punent, il-Papa kellu l-isfortuna li jara u jkun xhud ta’ ġrajjiet li kienu bidu lejn ix-xiżma tal-lvant. Mikiel Caerularius, il-patrijarka ambizzjuz ta’ Konstantinopli, fetaħ attakk ta’ propaganda kontra l-punent biex tinħall l-għaqda bejn il-lvant u l-punent.

Meta huwa beda jattwa l-pjan tiegħu li jagħlaq il-knejjes latini ġewwa Kostantinopli u jisforza lill-patrijiet tar-rit Latin biex jaddottaw ir-rit Grieg, Papa Ljun ipprotesta. L-imperatur sforza l-patrijarka biex iċedi, imma meta Ljun bagħat l-ambaxxaturi biex jinvestigaw, il-patrijarka sfidhom. Il-legati tal-Papa quddiem din l-isfida skumnikawh fis-16 ta’ Lulju, 1054. Il-patrijarka minn naħa tiegħu qam kontra Ruma u bdiet ix-xiżma bejn il-lvant u l-punent. Ljun miet qabel din il-firda finali seħħet. Il-poplu Ruman qiemu bħala qaddis, għat-tjubija tiegħu u għall-għeġubijiet li għamel f’ħajtu u wara mewtu.

Forsi aħna lanqas nafu xi tfisser tgħix fiż-żminijiet ta’ dan il-Papa twajjeb u tipprova tagħti l-kontribut tiegħek kif tista’ kif għamel tajjeb Ljun IX, imma lanqas nistgħu ngħidu li fi żminijietna m’aħniex għaddejjin minn żmien differenti ta’ taqlib, minn għedewwa tal-Knisja, dawn minn barra u dawk minn ġewwa, skandli, abbużi, opinjonijiet li jikkontrastaw u joħolqu konfużjoni u nies li ma baqgħux attivi fil-Knisja minn għal raġuni u min għal oħra. Imma n-Nisrani veru x’inhu msejjaħ li jagħmel quddiem dan kollu? Imsejjaħ jaġixxi hekk kif aġixxa s-Sinjur tagħna Ġesù  Kristu meta daħal fit-tempju u ra li kienu għamluh suq.

Huma ħafna dawk li jaħsbu li llum jaqbillek tkun Nisrani tal-KONVENJENZA milli tal-KONVINZJONI. Għaliex li tkun Nisrani konvint ifisser li trid tirfes il-kallijiet; trid toqros fil-laħam il-ħaj ibda minnek stess. F’dinja li tipprietka l-konvenjenza u l-kompromessi, din hi mixja kbira kontra l-kurrent, mixja li ħafna nsara jaqtgħu nifishom imqar jaħsbu fuqha.

In-nisrani għandu bżonn li jara jekk ħajtu saritx suq ta’ kompromessi, suq fejn qed naċċettaw kollox; suq fejn minflok tempju ta’ Alla, billi nfittxu li nwettqu dak li jrid Alla minna, qed nagħmlu minn ħajjitna aċċettazzjoni bla sens ta’ dak li toffri d-dinja, mingħajr lanqas biss nagħmlu domandi jekk dak li qed inwettqu jmurx tajjeb mal-fidi tagħna. Wara eżami fuqu nnifsu u konverżjoni sinċiera, għandu mbagħad jirsisti b’kull mod biex jitkellem favur il-Verità li wasslilna Kristu u b’hekk jitfa’ wkoll dawl fuq il-ħajja ta’ oħrajn biex huma wkoll jerġgħu jduru lejn it-triq tas-sewwa.

Kulħadd għad jiġi ġġudikat u ‘dak li wieħed jiżra’, dak jaħsad’ imma ma nistgħux nakkużaw jew ninħbew wara d-dnubiet u l-iskandli tal-oħrajn biex bħal donnu nippruvaw inġibu fix-xejn il-gravità tad-dnubiet tagħna! Ħafna jitilqu mill-Knisja għax jiskandalizzaw ruħhom mill-imġiba ta’ wħud fil-Knisja, imma allura l-mistoqsija tiġi waħda: Il-fiduċja u t-tama ta’ dawn in-nies kienet fi Kristu li waqqaf il-Knisja jew fin-nies tal-Knisja? Kulħadd suxxettibli għall-iżball. Int ukoll midneb/midinba. Il-Knisja hi sptar tal-midinbin u mhux mużew tal-qaddisin. Jekk int qaddis/a, m’hemmx postok fil-Knisja f’dina l-art, għax f’dan il-wied tad-dmugħ, kulħadd għadu u jibqa’ midneb u kulħadd għandu jirsisti biex ikompli jissielet kontra d-dnub sa l-aħħar nifs. Hekk għamel il-Papa Ljun IX u hekk imsejħa biex nagħmlu aħna wkoll, bla aċċezzjoni.

Talba: O Alla, Ragħaj twajjeb, Inti qegħedt fuq it-tmun lill-Qaddis Papa Ljun IX u permezz tiegħu, iggwidajt lill-poplu tiegħek fi żminijiet iebsa, nitolbuk biex tkompli tagħtina rgħajja qaddisa fil-Knisja tiegħek li jkunu mexxejja għaqlin, twajba u mimlija bl-għerf divin tiegħek biex jagħrfu jwasslu lill-merħla ta’ żminijietna fil-mergħat ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://saintsresource.com/leo-ix-pope

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/pope-saint-leo-ix/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Leo_IX

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements