20 ta’ April: Santa Anjeże ta’ Montepulciano

Verzjoni Vidjo: Santa Anjeże ta’ Montepulciano

“Jekk tabilħaqq tħobbuni, għandkom tifirħu li ma ndumx ma mmur ningħaqad mal-għarus tiegħi. Titnikktux għat-tluq tiegħi. Tindunaw li jiena mhux se nabbandunakom, u jiena nkun tagħkom għal dejjem.” – Santa Anjeże ta’ Montepulciano ftit qabel ma mietet.

agnesSANTA ANJEŻE TA’ MONTEPULCIANO
Reliġuża
1268 – 1317

Tagħrif: Din ir-reliġjuża Dumnikana twieldet fi Gracchiano-Vecchio, qrib Montepulciano, l-Italja u kienet ġejja mill-familja għanja Segni.

Minn kmieni ħafna kellha ġibda għat-talb u kienet tgħaddi ħin twil f’rokna tgħid ir-rużarju għarkupptejha. Meta kien għad kellha biss disa’ snin, niesha daħħluha f’kunvent ta’ sorijiet ta’ ħajja awstera f’Montepulciano, imsejħin Sacconi għax kienu jilbsu lbies tax-xkora. Minkejja l-età żgħira tagħha hija kienet mudell tal-virtujiet insara għall-oħrajn.

Ftit żmien wara, meta s-sorijiet fetħu kunvent ġdid fi Proceno, raħal żgħir ħdejn Viterbo, Anjeże ntbagħtet f’dik il-komunità. Kontra qalbha, hija kienet maħtura badessa, imma kien meħtieġ il-permess tal-Papa Nikola IV għax hi kien għad kellha biss 15-il sena.

Il-qaddisa kienet tgħix ħajja mgħakksa għall-aħħar: għal 15-il sena kienet issum ħobż u ilma, u torqod għall-qiegħa tal-art, imma kellha tibdel dan il-mod ta’ ħajja wara marda qalila. Hija esperjenzjat viżjonijiet u estasijiet, u jingħad li wettqet mirakli biex titma’ lis-sorijiet tagħha fi żmien ta’ ġuħ. Imma minkejja l-fama tal-mirakli, il-qdusija tagħha kienet mibnija fuq ħajja sempliċi u mħabba kbira lejn Ġesù u ommu Marija.

Il-fama tal-qdusija tagħha waslet f’Montepulciano u n-nies riduha tmur lura fosthom. Kienet ilha nieqsa 22 sena minn pajjiżha, u kellha tmur u twaqqaf monasteru ġdid ta’ sorijiet taħt ir-Regola ta’ Santu Wistin (1306). Aktar tard, bl-esperjenza li kisbet fil-komunitajiet li kienet qabel u konvinta kemm benefiċċji jistgħu jiġu jekk tkun affiljata ma’ ordni reliġjuż kbir u rikonoxxut, il-qaddisa qiegħdet għal kollox dan il-monasteru taħt l-Ordni Dumnikan.

Santa Anjeże ta’ Montepulciano mietet fl-20 ta’ April, 1317 ta’ madwar 50 sena. Kienet iddikjarata qaddisa mill-Papa Benedittu XIII fl-10 ta’ Ottubru, 1726.

Ħsieb: Ħafna qaddisin dumnikani, kienu ta’ spiss iqattgħu ħafna ħin quddiem Ġesù Sagramentat, u kellhom iċ-ċans igawdu minn din l-esperjenza spiritwali, u sabu f’Ġesù l-mistrieħ għal ruħhom. Fost dawn insibu lil Anjeże ta’ Montepulciano, li fil-ħajja evanġelika kebbset lill-oħrajn bl-ispirtu kontinwu ta’ mħabba u talb.

Imdawwra minn ġenituri li kienu jgħixu bis-sħiħ ir-rieda ta’ Alla, hija kibret fl-ispirtu ta’ talb u wriet biċ-ċar l-għatx li kellha biex tiddedika ruħha lil Alla. Hija kienet mara ta’ umiltà  u sempliċità kbira. Kellha devozzjoni lejn it-tfajjel Ġesù  u l-Verġni Ommu Marija. Kienet meqjusa bħala strument ta’ paċi u kienet ipperswadiet lin-nies tal-inħawi tat-Toscana biex jaħdmu għall-paċi bejniethom. Santa Katerina ta’ Siena issejjaħ lil Anjeże bħala “Omm Glorjuża”, għaliex kienet dejjem ta’ eżempju għall-oħrajn.

Taħt it-tmexxija tagħha, il-kunvent mar ħafna ’l quddiem fl-għadd ta’ membri u fil-ħajja qaddisa. Lejn tmiem ħajjitha sofriet ħafna bil-mard u lil ħutha s-sorijiet kienet tgħidilhom:

“Jekk tabilħaqq tħobbuni, għandkom tifirħu li ma ndumx ma mmur ningħaqad mal-għarus tiegħi. Titnikktux għat-tluq tiegħi. Tindunaw li jiena mhux se nabbandunakom, u jiena nkun tagħkom għal dejjem.”

Qabarha sar ċentru ta’ pellegrinaġġi u fost dawk li marru jżuruha nsibu lill-imperatur Karlu IV u Santa Katerina ta’ Siena. Anjeże hija meqjuma fil-Knisja ta’ Orvieto.

Santa Anjeże tgħallimna biex inkunu magħqudin bejnietna u nimitawha fid-devozzjoni lejn Ġesù u Ommu Marija u b’umiltà u mħabba, naslu biex dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb u ġust. 

  • U int, kemm titlob quddiem Ġesù Sagramentat?
  • Ir-Rużarju huwa talba għal qalbek kif kien għal Anjeże u għal ħafna qaddisin kbar?
  • Kemm tagħti importanza lil Ġesù u lil Marija billi tgħix kif jixtiequna huma?
  • Taħdem biex tkun strument ta’ paċi fejn tara l-ġlied u n-nuqqas ta’ qbil?
  • Kemm tirsisti biex tfittex dak u dak biss li hu tajjeb u ġust u taddottah f’ħajtek?

Talba: O Santa Anjeże ta’ Montepulciano, xejn ma waqfek milli twettaq dak li Alla talab minnek, anki meta kont għadek t’età żgħira u sal-aħħar bqajt tieħu ħsieb lil dawk kollha li kienu taħt il-kura tiegħek, agħmel li b’talbek, aħna wkoll nieħdu ħsieb ta’ ruħna l-ewwel u qabel kollox u nirsistu biex ngħinu lill-oħrajn biex jilħqu l-istess għanijiet: ħajja ta’ virtù kif urejtna int. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-agnes-of-montepulciano-442

Alternative Reading: https://www.roman-catholic-saints.com/st-agnes-of-montepulciano.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Agnes_of_Montepulciano

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements