21 ta’ April: San Anselmu

“Għax jien ma nfittix li nifhem biex nemmen, imma jiena nemmen biex nifhem. Għax jiena nemmen dan: li jekk ma nemminx, jiena ma nifhimx”. ~ San Anselmu

St AnselmSAN ANSELMU
Isqof u Duttur tal-Knisja
1033 – 1109

Tagħrif: San Anselmu twieled fil-Belt ta’ Aosta, fuq l-Alpi, fl-Italja, fl-1033. Ommu kienet mara tajba, iżda missieru ma kienx. Meta kellu madwar ħmistax-il sena, ommu mietet, u billi missieru ma kienx jittrattah tajjeb, telaq mid-dar, u għal xi snin għex ħajja jiġġerra, u saħansitra qasam ġo Franza. Hemmhekk daħal fil-monasteru ta’ Bec, fejn sar dixxiplu tal-magħruf Abbati Lanfranku.

Fl-1060, sar Patri Benedittin, meta kellu 27 sena. Fl-1063, sar Pirjol u ħmistax-il sena wara ġie elett Abbati. Minħabba x-xogħol li kellu bħala Abbati, minn żmien għal żmien, kien ikollu jmur l-Ingilterra u hemm ġieli qagħad għand ħabibu Lanfranku, li kien sar Arċisqof ta’ Canterbury. Meta fl-1093, Lanfranku miet, Anselmu ġie magħżul floku, għalkemm ir-Re William Rufus opponieh.

Fl-1097, Anselmu mar Ruma biex jiltaqa’ mal-Papa Urbanu II, u baqa’ hemm sakemm miet ir-Re, fl-1100. Meta rritorna l-Ingilterra, ħu Rufus kien Re bl-isem ta’ Enriku I. Dan ir-Re wkoll, bħal ħuħ, ried li jkollu s-setgħa li jagħżel l-Isqfijiet hu, iżda Anselmu baqa’ ma aċċettax.

Fl-1103, Anselmu reġa’ mar Ruma u ltaqa’ mal-Papa Paskal II. Bħal qabel sab l-appoġġ kollu tal-Papa, u baqa’ Ruma sal-1105, meta Enriku wiegħed li ma jindaħalx iktar fl-għażla tal-Isqfijiet. Iżda l-kwistjoni tal-Investitura nqatgħet fil-Konċilju ta’ Londra, fl-1107.

Anselmu miet fuq biċċa xkora, f’Canterbury, fil-21 ta’ April 1109, wara li kien ilu Isqof ħmistax-il sena. Il-fdal tiegħu jinsab fil-Katidral, illum Protestant, ta’ Canterbury. Il-Papa Klement XI iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1720.

Ħsieb: San Anselmu kien magħruf bħala wieħed mill-aħjar imħuħ ta’ żmienu, u l-kitba tiegħu fuq it-Teoloġija tħabbatha ma’ dik ta’ Santu Wistin. Fost l-aħjar għandu “Għaliex Alla sar Bniedem”. Ħa sehem fil-Konċilju ta’ Bari fl-1098 u mexxa dak ta’ Westminister fl-1102, iddefenda lill-foqra, ikkundanna l-jasar, u ħalla kitba abbundanti u importanti.

Anselmu kien bniedem attent ħafna biex jgħix ħajja qaddisa. Kien hekk jistmerr id-dnub li kien jgħid: “kieku kont nara minn naħa d-dnub u mill-oħra l-infern miftuħ, u kelli nagħżel bejniethom, kont aktar nagħżel li ninxteħet l-infern bla dnub milli nagħmel anki dnub wieħed biss.”

Bħal kull veru segwaċi ta’ Kristu, Anselmu kellu jġorr is-salib tiegħu, speċjalment f’forma ta’ oppożizzjoni u f’kunflitt ma’ dawk fil-kontroll politiku. Għalkemm personalment kien raġel moderat, ġentili u jħobb il-paċi, huwa ma rtirax lura mill-kunflitti u l-persekuzzjoni fejn kienu involuti l-prinċipji.

Dawn li ġejjin huwa ftit ħsibijiet ta’ Sant Anselmu dwar ir-ruħ li tfittex lil Alla:

“Ruħi sibt lil min kont tfittex? Kont tfittex ’l Alla u sibt li hu ogħla minn kollox u li ma hemm ħadd aqwa minnu, għaliex hu ħajja, dawl, għerf u tjieba, għaliex hu hena ta’ dejjem u hena bla tmiem, għaliex hu dejjem u f’kullimkien.

Mulej, Alla tiegħi, int ħlaqtni u fdejtni: għid lil ruħi, li tant tixtieqek, x’int aktar minn dak li tara fik, biex tara ċar dak li tixtieq.

Ruħi tgħarrex biex tara aħjar, u ma tara xejn aktar minn dak li tista’ tara ħlief dlamijiet; anzi ma tarax dlamijiet, għax fik m’hemmx dlamijiet, imma tintebaħ li ma tistax tara aktar minn dlamijietha.

Dan hu tassew, Mulej, id-dawl li fih int tgħammar, dawl li aħna qatt ma nistgħu naraw, għax ma hawn xejn li jista’ jofroq dan id-dawl biex fih jarak.

Jien, dan id-dawl ma narahx, għaliex qawwi wisq għalija, għalkemm, kull ma nara, bih narah, bħalma għajn marida, dak li tara, tarah bid-dawl tax-xemx, għalkemm lejn ix-xemx ma tiflaħx tħares.”

U dawn żewġ talbiet ta’ San Anselmu:

Għall-ħniena tiegħek, għinni int, O Mulej. Jien lil wiċċek fittixt, u lil wiċċek mill-ġdid  infittex; la tinħebiex minni. Eħlisni minni nnifsi biex tiġbidni lejk. Saffi, fejjaq, irfina, dawwal l-għajnejn ta’ ħsiebi, biex jien nista’ narak. Terġa’ fuq saqajha r-ruħ tiegħi u mill-ġdid bl-għarfien kollu tagħha sserraħ ħarsitha fuqek, O Alla.

Mulej Alla tagħna, agħtina l-grazzja li nixtiequk b’qalbna kollha, biex infittxuk sakemm insibuk, u hekk nibdew inħobbuk tassew, u f’imħabbitna lejk nabborru d-dnub li minnu inti ħlistna.

  • U int, tfittxu lil Alla b’qalbek kollha?
  • Kemm inti lest/a li tiddefendi l-prinċipji Nsara li tħaddan?
  • Tfittex il-qdusija bħala l-preorita’ billi tevita b’saħħtek kollha li kull tip ta’ dnub?

Talba: O Alla, int żejjint bil-grazzja tiegħek lill-isqof Sant’Anselmu, biex ifittex u jgħallem il-ħwejjeġ għolja tal-għerf tiegħek; agħmel li d-dehen tagħna jsib fil-fidi mqaddsa l-għajnuna meħtieġa, biex nilqgħu minn qalbna u bil-ħlewwa dak kollu li int tridna nemmnu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-anselm.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anselm/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anselm_of_Canterbury

 

 

 

 

 

 

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements