23 ta’ April: San Ġorġ

“Infaħħruk, Mulej, għall-kobor tas-setgħa tiegħek, u fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex aħna, bnedmin dgħajfa, ikollna dejjem il-għajnuna f’waqtha ta’ San Ġorġ, li fil-martirju tiegħu sar jixbah lil Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġorġ.

StGeorge1SAN ĠORĠ
Martri
? – 303

Tagħrif: Ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ San Ġorġ. Kulma nafu b’ċertezza dwar dan il-qaddis martri tant famuż hu li hu sofra l-martirju fil-bidu tas-seklu 4, f’Diospolis (jew Lidda) fil-Palestina, aktarx taħt Djoklezjanu. Ma hemmx dubju dwar l-eżistenza tiegħu. Sa mis-seklu 4 kien ħa miqjum f’Diospoli tal-Palestina, fejn ġa kien hemm knisja ddedikata lilu.

Il-qima lejh hi verament ġejja mill-qedem – fuq il-Lvant tal-Baħar tal-Galilea, skrizzjoni tas-sena 367 diġà tirreferi għalih. Il-Griegi dejjem żammew devozzjoni partikulari (bħala patrun tas-suldati) lejn San Ġorġ u jsejħulu l-Megalo-martri (li tfisser il-kbir martri).

Fil-Punent hu kien popolari ħafna bħala l-kavallier-martri. Nibtu ħafna leġġendi dwaru imma li ma għandhomx valur storiku. Li San Ġorġ ħeles lil bint is-Sultan mid-dragun, hi leġġenda li bdiet fl-Italja fis-seklu tnax.

San Ġorġ hu wieħed mill-14-il qaddis protettur Awżiljatur u hu l-patrun tal-Ingilterra, il-Portugall, il-Ġermanja u tal-ibliet ta’ Ġenova u ta’ Venezja. Hu l-patrun wkoll tal-‘boyscouts’.

Fil-gżejjer Maltin hu meqjum b’mod speċjali fil-parroċċi ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u fir-Rabat, Għawdex, u hu wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Għawdex.

Ħsieb: Dawn li ġejjin huma siltiet mill-omelija fil-Festa ta’ San Ġorġ Martri, 20 ta’ Lulju 2014 mill-Isqof Mons. Mario Grech:

San Ġorġ bniedem bħalna
“Se nitkellem dwar id-dgħufija, għax quddiemna llum għandna lil San Ġorġ. Ġieli jiġri li lil San Ġorġ tant ngħolluh fil-għoli, li nirrenduh xi ħadd li ma jistax jintlaħaq. Bħal kull bniedem ieħor, Ġorġi kellu piżijiet tqal x’jerfa’ fuq spallejh.

  • Żgur ma kinitx għażla ħafifa għalih meta ddeċieda li jqassam ġidu lill-foqra.
  • Anqas kien faċli għalih meta għamel f’moħħu li jmur kontra l-liġi ta’ Djoklezjanu u jqatta’ l-editt tiegħu.
  • Kienet iebsa għal dan it-Tribun meta għażel li jitfa’ wara spallejh il-karriera militari tiegħu.
  • Ma neskludix li Ġorġi kien xi ftit deluż meta minkejja t-taħbit tiegħu, ma kisibx il-libertà reliġjuża għal sħabu l-Insara.
  • Ġorġi ma setax ma jitriegħedx xħin sema’ tinqara s-sentenza tal-martirju tiegħu. Tajjeb inżommu quddiem għajnejna li meta ħa l-martirju, Ġorġi ma kienx jobsor li wara mewtu l-Insara kienu ser jiftakruh u jiċċelebrawh; għalih il-martirju kien it-tmiem bil-konsegwenza li jintesa ma’ mewtu.

Jien konvint li San Ġorġ, li bħalna ġarrab il-vulnerabbiltà, jifhimna meta llum qed irressqulu l-bniedem u lill-komunità Nisranija li fil-miżerja tagħhom ikollhom waqtiet ta’ skuraġġiment; imma llum indur fuq San Ġorġ tagħna, imlibbes b’dik l-armatura tal-qawwa, u nitolbu jikkonvinċina li ma għandniex inċedu quddiem il-qtigħ il-qalb, imma, imsaħħin bl-eżempju tiegħu u bl-interċessjoni tiegħu, aħna nitolbu d-don tal-qawwa. Din hija l-Bxara t-tajba li nixtieq inwassal lill-komunità Ġorġjana u lill-Knisja kollha: agħmlu l-qalb; il-vulnerabbiltà, id-dgħufija, huma parti mill-ħajja, imma stinkaw u itolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ biex jagħtina d-don tal-qawwa. Ġorġi ma kienx xi ġgant. Ma kellux kwalitajiet super-umani – inkella l-Knisja tiżbalja meta tpoġġih bħala kampjun. Kien bħalna f’kollox.

Hija grazzja minn Alla li Ġorġi tagħna kien dgħajjef, għax hekk huwa seta’ jduq il-qawwa ta’ Alla. Hija grazzja li aħna fil-ħajja ngħaddu minn waqtiet fejn inħossuna msabbtin mal-art. Ara taqtgħu qalbkom. Hija wkoll grazzja għall-Knisja li tidher dgħajfa. Jien jiddispjaċini li fostna għad hawn min jaħseb li l-Knisja hija qawwija meta hija Knisja trijonfanti u potenti. Din mhix il-Knisja ta’ Kristu. Jekk bħalissa l-Ewropa għaddejja minn żmien fejn it-tagħlim tal-Knisja qed jaqa’ fuq widnejn torox, fejn il-knejjes qed jitbattlu min-nies, fejn f’xi postijiet hija evidenti l-isterilità tal-Knisja tant li ma għadhiex twelled ulied ġodda, din tista’ tkun grazzja, għax hekk il-Knisja tinża’ l-armatura umana, tneħħi l-qafas materjali li nbena mal-medda tas-snin, biex hekk inħallu l-qawwa ta’ Alla tidher. Naf li din mhix lezzjoni ħafifa, lanqas għan-nies tal-Knisja!

Jekk San Ġorġ għandu storja glorjuża, dan għaliex aċċetta d-dgħufija tiegħu u bħal Pawlu kien jgħid: “Jien qawwi meta jien dgħajjef”. San Ġorġ. kien imbeżża’ mill-eżerċtu Ruman li kien qed jippersegwita lill-Insara; hu wkoll kien konxju mill-miżerja tiegħu; imma propju għalhekk Alla seta’ jgħidlu biex bil-qawwa li kien hemm fih, huwa jmur jaffronta lill-għadu. Kif Alla wennes lil San Pawl, hekk ukoll wennes lil Ġorġi meta qallu li kienet biżżejjed għalih il-grazzja tiegħu, li tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef”.

  • U int, konvint illi inti bniedem/ma dgħajjef/dgħajfa u li bħal San Ġorġ jeħtieġlek tfittex l-għajnuna tal-grazzja u l-qawwa ta’ Alla biex tegħleb id-dnub u dak kollu li jista’ jfixklek milli ssir qaddis/a fuq il-passi tal-qaddis tal-jum?

Talba: Mulej, f’ġieħ San Ġorġ li għeleb it-tbatijiet tal-martirju biex għadda minn din id-dinja għal għandek, għamel li aħna wkoll nibqgħu sa l-aħħar magħqudin miegħek fl-imħabba, biex ikun jistħoqqilna nidħlu miegħek fis-saltna ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/04/st-george.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-george/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_George

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements