24 ta’ April: Santa Marija Ewfrasja Pelletier

Verżjoni Vidjo: Santa Marija Ewfrasja Pelletier

“Ħobbu s-salib u s-salvazzjoni tal-erwieħ.” – Santa Marija Ewfrasja Pelletier

250px-Marie-Euphrasie_PelletierSANTA MARIJA EWFRASJA PELLETIER
Fundatriċi
1797 – 1868

Tagħrif: Din il-qaddisa hija l-fundatriċi tas-sorijiet tal-Bon Pastur. Roża Virġinja twieldet fuq il-gżira ta’ Noirmontier fuq il-kosta tal-Brittanja (Franza) fejn il-ġenituri kienu marru biex jeħilsu mill-ġlied tar-Rivoluzzjoni Franċiża.

Bagħtuha tistudja f’Tours, fejn Roża saret taf bil-kunvent Santa Marija tal-Karità tar-Refuġju. Dan kien ta’ kongregazzjoni reliġjuża mwaqqfa minn San Ġwann Eudes (ara San Ġwann Eudes) biex jgħinu nisa li żbaljaw u biex iħarsu oħrajn li jkunu fil-periklu. Roża bdiet in-novizzjat hawnhekk fl-1814, meta kellha 18-il sena, u ħadet l-isem ta’ Marija Ewfrasja.

Madwar 11-il sena wara, meta kien għad kellha biss 29 sena, hi ġiet magħżula superjura. Hi waqqfet kunventi ġodda f’Angers, u marret hi nnifisha biex tmexxi dar tar-rifuġju li kienet teżisti hemm bl-isem tal-Bon Pastur (Ir-Ragħaj it-Tajjeb). Kellha suċċess meraviljuż, imma kellha titlaq minn hemm u marret lura fil-kunvent tagħha ta’ Tours.

Sa issa dawn id-djar tar-rifuġju kienu kull waħda minnhom indipendenti mill-oħra. Ewfrasja ħabirket li ġġibhom taħt amministrazzjoni waħda, taħt superjura ġenerali waħda u jkun hemm novizzjat wieħed, u hekk tkun tista’ tqassam is-sorijiet minn kunvent għall-ieħor skont il-bżonnijiet.

Sabet ħafna diffikultajiet, imma Ewfrasja baqgħet soda għax rat li b’hekk il-ħidma tagħhom tkun aktar koordinata u aktar effettiva.

Minkejja li kienet bniedma umli u tirrispetta l-awtorità, is-superjura żagħżugħa, li xi ħadd dwarha qal li “kellha kapaċità anki tmexxi renju,” irnexxielha, bil-għajnuna tal-providenza li toħloq f’Angers dak li jista’ jissejjaħ istitut ġdid, u d-djar kollha li bdew jinfetħu bdew jissejħu tal-Bon Pastur.

L-approvazzjoni tal-Papa waslet fl-1835. F’din il-kongregazzjoni ġdida saru ħafna żviluppi fi żmien qasir, u l-ġid immens li kien qed isir kien qed jidher f’kull dar ġdida li bdiet tintefaħ.

Fil-ħafna provi u diffikultajiet tagħha, fosthom akkużi li kienet tagħmel tibdil bla ħsieb ta’ xejn, ta’ ambizzjoni personali, u ta’ nuqqas ta’ paċenzja fl-awtorità, Santa Marija Ewfrasja Pelletier uriet qawwa erojka, baqgħet sal-aħħar iżżomm il-karattru ferrieħi tagħha, u tama kbira f’Alla.

Mietet fl-24 ta’ April tas-sena 1868 fl-età ta’ 71 sena. L-aħħar kelmiet lil sħabha kienu – “Ħobbu s-salib u s-salvazzjoni tal-erwieħ.” Ġiet ikkanonizzata minn Piju XII fl-1940. Meta mietet Santa Ewfrasja Pelletier, is-sorijiet tal-Bon Pastur kienu ġa jlaħħqu l-2,760, u d-djar tagħha wasslu għal 110 mad-dinja kollha, fosthom dik ta’ Malta f’Ħal Balzan fl-1858, jiġifieri din twaqqfet 10 snin qabel ma mietet il-qaddisa.

Ħsieb: Tajjeb li wieħed ikun jaf li s-sorijiet tal-Bon Pastur ġew Malta meta kienet għadha ħajja l-fundatriċi tagħhom Santa Ewfrasja Pelletier fl-1858. Għall-ewwel kellhom skola f’Ħal Lija, iżda meta mbagħad marru f’Ħal Balzan, fl-1868, ma żammewx l-iskola imma ntefgħu kollhom kemm huma f’ħidma ta’ ħniena u għajnuna ma’ xebbiet u ommijiet imġarrbin, ħidma li diġà kienu bdew jagħmlu Ħal Lija. Is-Sorijiet bdew jirrealizzaw li l-problema tal-vjolenza domestika kienet problema soċjali li kellha bżonn issir ħidma fuqha immedjatament u b’attenzjoni kbira.

Illum għandhom żewġt idjar u l-kunvent f’Ħal Balzan u dar fil-Mosta. Fid-djar f’Ħal Balzan isibu kenn in-nisa msawta u wliedhom, kif ukoll refuġjati, uħud minnhom bil-familja. Saru rinnovazzjonijiet estensivi fid-dar u Dar Merħba Bik infetħet fl-1981. Dar li l-għan prinċipali tagħha huwa r-rikonċiljazzjoni.

Dar Merħba Bik toffri kenn temporanju lin-nisa vittmi tal-vjolenza. Tul iż-żmien f’din id-dar, il-programm jgħinnhom jistabbilixxu mod ta’ ħajja li l-aħjar jissodisfa l-bżonnijiet tagħhom kif ukoll ikomplu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

  1. Tipprovdi kenn sikur u adegwat għan-nisa vittmi tal-vjolenza fuq bażi ta’ sess u vjolenza domestika flimkien mal-ulied tagħhom.
  2. Toffri servizzi psiko-soċjali bħal ‘counselling’, ta’ assistenti soċjali u terapija speċjalizzata skont il-ħtieġa tar-residenti.
  3. Tgħin fl-integrazzjoni mill-ġdid tar-residenti fil-komunità, prinċipalment permezz u skont il-ħiliet tagħhom.
  4. Tippromovi r-rikonċiljazzjoni mal-individwu innifsu, mal-familja (b’kull mod possibbli jew mixtieq), mas-soċjetà u ma’ Alla.
  5. Tgħin u tassisti lir-residenti jsibu akkomodazzjoni alternattiva meta jkun hemm bżonn.
  6. Tqajjem kuxjenza u għarfien mal-pubbliku dwar il-kwistjoni tal-vjolenza domestika u vjolenza fuq bażi ta’ sess.

Jekk forsi din l-informazzjoni ma tapplikax għalik, nitolbok tgħaddiha lil min forsi taf li jeħtieġha. Għal aktar informazzjoni ara: http://thechurchinmalta.org/mt/posts/1680/the-good-sheperd-sisters jew http://maltacvs.org/voluntary/good-shepherd-sisters-dar-merhba-bik-foundation/

Talba: O Santa Marija Ewfrasja Pelletier, li b’ħeġġa tal-għaġeb irsistejt biex toffri kenn lil nisa b’diffikultà, nitolbuk biex b’talbek tinterċedi għal dawk in-nisa fi żminijietna li qed isofru minn kull forma ta’ abbuż jew li huma fir-riskju li jiġu sfruttati; agħmel li jsibu l-kenn u l-għajnuna meħtieġa biex ikunu jistgħu jgħixu bid-dinjità ta’ wlied Alla. Ammen.

English Version: http://sistersofthegoodshepherd.com/our-history/saint-mary-euphrasia/

Alternative Reading: https://anastpaul.wordpress.com/2018/04/24/saint-of-the-day-24-april-st-mary-euphrasia-pelletier-1796-1868/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Mary_Euphrasia_Pelletier

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements