27 ta’ April: Beatu Nikol Roland

Verżjoni Vidjo: Beatu Nikol Roland

“Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.” – Ġesù f’Mark 10:14-16

065-Nicolas-ROLANDBEATU NIKOL ROLAND
Reliġjuż
1642 – 1678

Tagħrif: Twieled f’Reims – l-istess belt li fiha twieled San Ġwann Battista de la Salle, fl-1642. Ordna saċerdot fl-1665.

Il-predikazzjoni, il-formazzjoni Nisranija taż-żgħażagħ, u b’mod speċjali tal-kleru, kienu wisq għal qalbu. Intebaħ bil-miżerja kemm temporali kif ukoll spiritwali taż-żgħażagħ u għalhekk waqqaf il-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Bambin Ġesù, iddedikati għall-edukazzjoni Nisranija tal-bniet fqar ta’ Reims.

Nikol kien kanonku, flimkien ma’ San Ġwann Battista de la Salle (ara San Ġwann Battista de la Salle), tal-Katedral ta’ Reims, u kien ukoll id-direttur spiritwali ta’ Ġwanni de la Salle. Kien hu li ggwidah u ħeġġu biex jirċievi d-djakonat u jkompli biex jilħaq saċerdot. Bejn Roland u Ġwanni kien hemm differenza ta’ 11-il sena.

Meta Roland beda jħoss l-għejja, talab lil Ġwanni de la Salle biex ikun l-eżekutur tat-testment tiegħu, u fdalu r-responsabbiltà li jieħu ħsieb u jiggwida l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet li kien waqqaf. Roland miet ta’ 35 sena fis-27 ta’ April, 1678.

Kien sena wara li Adrien Nyel, ma’ żagħżugħ ieħor Christof, mar jiltaqa’ ma’ San Ġwann Battista de la Salle biex jitolbu jgħinu ħalli jwaqqaf skola għas-subien. Kien hawn li Alla wrieh ix-xewqa li jieħu ħsieb l-edukazzjoni tas-subien fqar. Ġwann Battista De La Salle kellu allura 27 sena.

Ħsieb: Il-Malti jgħid: ‘Kappell ma jmejjilx lill-ieħor’ u nistgħu ngħidu li fl-istejjer tal-qaddisin, spiss ninnutaw li l-Mulej ilaqqa’ l-qaddisin flimkien tul il-vjaġġ tagħhom fid-dinja biex dawn ikunu ta’ għajnuna, sapport, gwida, kuraġġ u appoġġ lil xulxin fil-missjonijiet fdati lilhom mis-Sema. L-eżempju li għandna llum huwa tal-Beatu Nikol Roland u San Ġwann Battista de la Salle.

Il-Mulej dejjem jibagħtilna persuna jew persuni f’ħajjitna li xi kultant ipattu għan-nuqqasijiet ta’ persuni oħra li sippost kellhom ikunu ta’ għajnuna u għal xi raġuni jew oħra, ma kienux. U għal dawk li forsi ma kellhomx lanqas persuna waħda li setgħet tgħaddilhom kelma tajba, parir qaddis, tgħallimhom dwar l-imħabba t’Alla għalihom u ddewwaqhom xi ftit minn din l-imħabba, il-Mulej tana bosta tagħlim fil-kitbiet u l-ħajjiet tal-qaddisin. Għal min jinteressah u jfittex li jsir jaf dwar Alla u kif nistgħu ngħixu fil-prattika t-tagħlim tiegħu u tal-Knisja Kattolika li waqqaf Hu, jista’ jiddedika ħin apposta u jaqra dwar il-ħajjiet tal-qaddisin.

Infatti diversi qaddisin sabu l-ispirazzjoni tagħhom fil-qari tal-ħajjiet ta’ qaddisin oħra. Huma sabu fl-eżempju tagħhom mudell għal ħajjithom u tqanqlu bil-bosta biex jimitawhom. Nistgħu nibqgħu fi xtutna u nagħtu l-eżempju ta’ San Ġorg Preca li kellu mħabba speċjali lejn il-qaddisin li kien iħares lejhom bħala veri ħbieb ta’ Alla. Kien iħobb jirrakomanda l-qari tal-ħajja tagħhom għax minnhom wieħed jikseb ġid spiritwali kbir. Ħalla miktub: “Aqraw ħajjiet il-qaddisin, u f’qasir żmien jitnissel fikom l-ispirtu ta’ Kristu. Dal-qari jqawwikom fil-fidi, iħeġġiġkom għat-taħriġ tal-virtù u jqanqalkom biex f’kollox tirrikorru lejhom, tant huma setgħana quddiem Alla.” (Is-Sinagoga l-Ġdida, n. 9).

Lejn xi wħud minnhom Dun Ġorġ Preca wera wkoll imħabba speċjali, u ried li l-ħajja tagħhom tkun magħrufa sewwa mill-membri tal-għaqda tiegħu għall-imitazzjoni. Fost dawn hemm San Franġisk ta’ Assisi, li mhux biss daħħlu fil-Litanija tal-Qaddisin fil-ktieb ta’ l-Arloġġ Museumin, imma wkoll għażlu bħala l-Qaddis Protettur tal-virtù tal-Faqar.

  • U int, kemm tħalli l-ħajjiet u t-tagħlim tal-qaddisin ikunu ta’ ispirazzjoni u mudell għal ħajtek?
  • Liema hu/hi l-qaddis/a preferit/a tiegħek li tixtieq timita u żżomm bħala l-patrun/a tiegħek jew il-kumpann/a tal-vjaġġ ta’ ruħek?
  • Kemm titlob l-interċessjoni tal-qaddisin, b’mod speċjali meta tkun fi żmien tal-akbar bżonn?

Talba: O Alla, inti żejjint lis-saċerdot Beatu Nikol Roland, b’żelu pastorali għat-taħriġ tal-kleru u b’edukazzjoni taż-żgħażagħ fqar. Bl-eżempju u bl-interċessjoni tiegħu, agħtina l-istess spirtu ta’ karità, sabiex naqduk billi ngħinu lil dawk li inti tħobb. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-nicolas-roland/

Alternative Reading: http://www.lasalle.org/wp-content/uploads/2011/07/27-April-B.-NICOLAS-ROLAND.pdf

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nicolas_Roland

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.