29 ta’ April: Santa Katerina ta’ Siena

“Iftaħli l-bieb, oħti: miegħi int werrieta tas-saltna tiegħi, u għax inti għaraft il-misteri tal-verità tiegħi, inti l-ħabiba tiegħi, imżejjna bid-doni tal-Ispirtu tiegħi, u msaffija minn kull tebgħa bit-tixrid ta’ Demmi. Ħalli s-skiet u l-ġabra tal-kontemplazzjoni u oħroġ tqabad b’qawwa u ħeġġa biex tagħti xhieda tal-verità tiegħi”. ~ Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Katerina ta’ Siena.

Catherine-de-sienneSANTA KATERINA TA’ SIENA
Verġni u Duttur tal-Knisja
1347 – 1380

Tagħrif: Katerina Benincasa, waħda mill-akbar nisa li qatt rat id-dinja. Hija twieldet fi Siena, fl-Italja, fl-1347. Kienet l-iżgħar fost il-25 ulied ta’ żebbiegħ minn Siena, fit-Toskana (l-Italja Ċentrali) u twieldet nhar l-Annunzjazzjoni, 25 ta’ Marzu, 1347.

Minkejja li ħajruha għaż-żwieġ, kienet għal kollox deċiża li ma tridx tiżżewweġ. Ta’ tmintax-il sena, ikkonsagrat lilha nnifisha ‘l Alla, u daħlet Terzjarja Dumnikana, u mal-ħajja kontemplattiva ta’ meditazzjoni u talb, bdiet ħajja l-aktar attiva, billi bdiet tmur fl-isptarijiet iddur bil-morda, u bix-xjuħ u tgħin lil kull min setgħet. Kienet tmur ukoll fil-ħabsijiet, u tkellem speċjalment lil dawk li kienu jkunu kkundannati għall-mewt.

Fl-epidemija tal-pesta, fl-1374, kienet tieħu ħsieb lil dawk li kienu jimirdu, iddur bihom u tgħinhom, u ġieli anke difnithom hi stess meta mietu.

Ħadmet u għenet ħafna l-Knisja meta kienet għaddejja minn wieħed miż-żminijiet tqal tagħha. Ġabret madwarha bosta dixxipli, il-“Katerinati” li kienu jgħinuha fil-ħidma kbira tagħha biex ikkonvertiet tant midinbin, u tat l-aqwa għajnuna lil dawk fil-bżonn.

Kellha devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Bħal San Franġisk t’Assisi, irċeviet l-istigmati jew il-pjagi, imma mingħajr ma jidhru bil-għajnejn, fil-knisja ta’ Santa Kristina ta’ Pisa, fl-1375. Ħadmet biex tikseb il-paċi bejn belt u oħra, biex tħeġġeġ l-insara għall-Kruċjata fl-Art Imqaddsa mnidija mill-Papa Girgor XI, iddefendiet lill-Papa ġewwa Siena, Lucca u Pisa, u marret Avignon għand il-Papa Girgor fl-1376, biex turih li bħala Papa, is-sede tiegħu kienet Ruma.

Il-Papiet (li kienu Franċiżi) kienu ilhom Avignon 74 sena, imma għall-kelma ta’ Katerina, Girgor XI irritorna Ruma fis-17 ta’ Jannar, 1377. Imma Girgor miet fl-1378, u meta floku laħaq Urbanu VI, kien hemm xi kardinali li dehrilhom li dik il-għażla kienet illegali, u malajr inħatar “Papa” ieħor.

Dan ġab il-firda fost il-Kattoliċi, li tissejjaħ ix-“Xiżma tal-Punent”, u li ntemmet biss wara 39 sena bl-elezzjoni ta’ Martinu V fl-1417. Katerina ħadmet bis-sħiħ flimkien ma’ Santa Katerina tal-Isvezja (ara Santa Katerina tal-Isvezja), li ltaqgħet magħha Ruma, u ma’ oħrajn, biex tiddefendi l-veru Papa (Urbanu VI) u ssalva l-unjoni fil-Knisja.

Imma ma damitx ma mietet. Tliet xhur qabel mietet, mardet u sofriet ħafna. Ħalliet difatti din id-dinja ġewwa Ruma fid-29 ta’ April, 1380, ta’ 33 sena. Ħalliet, anki bl-approvazzjoni tal-konfessur tagħha, il-Beatu Rajmondu minn Capua, Ġeneral tad-Dumnikani, il-ktieb famuż: id-“Djalogu ta’ Santa Katerina”, kitba mistika mill-aqwa.

Il-Papa Piju II (li kien ukoll minn Siena) ikkanonizzaha fl-1461, il-Papa Piju XII ħatarha Patruna tal-Italja (flimkien ma’ San Franġisk t’Assisi) fl-1939, waqt li l-Papa San Pawlu VI ddikjaraha duttur tal-Knisja (flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Avila) fl-1970. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II ddikjaraha ko-patruna tal-Ewropa.

Kontemplattiva f’ħajja ta’ attività kbira. Għalhekk hija rnexxielha tgħaqqad il-ħajja interjuri tat-talb mal-ħajja attiva ta’ għajnuna għall-oħrajn. Hekk kitbet, “Ftakar li kull wieħed għandu għalqa għalih magħquda ma’ dik tal-proxxmu bla ebda ħajt bejniethom li jifridhom minn xulxin; tant huma ħaġa waħda li ħadd ma jista’ jagħmel il-ġid jew id-deni lilu nnifsu bla ma fl-istess ħin jagħmlu wkoll lill-proxxmu” (Djalogu 24).

Lejn it-tmiem tad-Djalogu tagħha hija tesprimi l-għaqda mistika tagħha m’Alla, “Divinità eterna, int abiss, int baħar bla qiegħ! Int tajtni lilek innifsek: xi stajt tagħtini iżjed” (n. 167) Santa Katerina kitbet ukoll madwar erba’ mitt ittra lill-Papiet, mexxejja ta’ pajjiżi u nies prominenti, li juru l-fond tal-ispiritwalita’ u tal-għerf tagħha; u kitbiet oħrajn.

Ħsieb: Ta’ min inkomplu nsemmu aktar dettaliji dwar il-ħajja rikka ta’ din il-qaddisa tal-lum. Imsemmija għal Santa Katarina ta’ Lixandra (ara Santa Katarina ta’ Lixandra), kienet tifla ta’ intelliġenza u ta’ maturità ‘l fuq minn normal. Sa minn ċkunitha kienet tidher miġbuda ħafna lejn Alla u kienet tfittex il-ġabra għat-talb. Ħajjitha kollha kienet tagħmel penitenzi kbar speċjalment fl-ikel u fl-irqad. Tiekol u torqod mill-inqas u silenzju strett. Tifla ċkejkna kienet tiġbor it-tfal tamparha u tkellimhom fuq Ġesù.

Fl-età ċkejkna ta’ sitt snin kellha esperjenza mistika tixbah ħafna lil dik ta’ Santa Katarina ta’ Lixandra u li ħalliet il-marka tagħha fuq il-kumplament ta’ ħajjitha. Minn wara l-kampnar tal-knisja ta’ San Duminku fi Siena lemħet lil Ġesù fil-glorja li ħassitu jgħidilha tkun l-għarusa tiegħu, stedina li Katarina aċċettat bil-ferħa. Fis-skiet ta’ kamritha kienet tinġabar fit-talb, titkellem ma’ Ġesù. L-ikbar turment tagħha kien meta kienet tħoss lil Ġesù tant il-bogħod. Fil-fatt meta darba dehrilha lmentat miegħu u qaltlu:

‘Fejn kont Sinjur? Kemm fittixtek għalxejn!
Ġesù weġibha: ‘Kont f’qalbek nitgħaxxaq bik narak tiġri warajja!’

Ta’ 20 sena kellha dehra mistika oħra li tikkonferma dik id-dehra ta’ meta kellha sitt snin. Din id-darba dehrilha Ġesù Redentur, fil-kumpanija tal-Madonna, ta’ San Ġwann, ta’ San Pawl u ta’ San Duminku, ilibbisha simbolikament iċ-ċurkett tat-tieġ, sinjal taż-żwieġ mistiku tagħha miegħu. F’din id-dehra mistika Ġesù talab lil Katarina toħroġ mill-ġabra ta’ kamritha u taqsam mal-bnedmin l-imħabba kbira li kellha lejh.

Bil-ħeġġa kollha Katarina ngħatat għall-appostolat tal-Kelma. Mijiet kbar ta’ nies minn kullimkien kienu jfittxuha għall-Kelma u għall-parir tagħha, u grazzi lilha ħafna bnedmin reġgħu daru lejn Alla.

F’ħajjitha Katarina kellha diversi dehriet mistiċi. Spiss kienet tidħol f’estasi. Insemmu dik ta’ quddiem il-kurċifiss ġewwa l-Knisja ta’ Santa Kristina nhar l-1 t’April 1375 meta rċeviet il-pjagi. Fuq talba tagħha stess ma kenux jidhru minn barra imma hi kienet tarahom u kienet tħoss weġgħat tassew kbar.

F’waħda mill-ittri tagħha ssemmi l-każ ta’ ċertu Niccolo di Toldo, aristokratiku peruġin, li kien arrestat u kkundannat għall-mewt għax kien tkellem kontra l-gvern ta’ Siena. Siena u Peruġia dak iż-żmien kienu fi gwerra bejniethom. Katerina marret iżżuru fil-ħabs. Sabitu ddisprat u bl-ebda mod ma ried iħejji ruħu għall-mewt anzi b’dagħa offensiv kien jilqa’ lil kull qassis li kien jipprova jersaq lejh. Imżejna bid-doni tal-persważjoni u tal-ħlewwa, Katarina rnexxielha tikkalmah u tippreparah għall-mewt. Qaltlu: ‘Tfarraġ ħija għażiż, dalwaqt tasallek il-festa tat-tieġ. Int se tmur maħsul bid-demm tal-Iben t’Alla, fl-isem ħelu ta’ Ġesù, li ma nixtieqek qatt tinsa. Jiena nkun hemm fil-post tal-eżekuzzjoni, nistenniek’. U hemm kienet tassew Katarina kif wegħditu u talbet għalih hi u tarah imut.

Minn dawn ir-rakkonti kollha nagħrfu li Santa Katerina hija mudell ta’ dedikazzjoni fil-kuraġġ u fl-umilta’. Il-kitbiet tagħha jolqtu il-Misteri fundamentali tal-Fidi tagħna: it-Trinita’, l-Inkarnazzjoni u r-Redenzjoni. L-Imħabba tagħha għall-verita’ tgħinna biex nitgħallmu nagħżlu s-sewwa mill-gidba fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Katerina kienet tfittex u ssib lil Alla dejjem u kullimkien, u kienet tingħaqad miegħu tassew minn qalbha b’rabta ta’ mħabba. (Ant. Tal-kant. Ta’ Marija prop.) U int?

Talba: O Alla, int ħeġġiġt b’imħabba tas-sema lill-verġni Santa Katarina ta’ Siena fil-kontemplazzjoni tal-passjoni tal-Mulej u fis-servizz li tat lill-Knisja tiegħek: agħmel, bit-talb tagħha, li l-poplu tiegħek, miġbur xirka waħda fil-misteru tal-Ġisem mistiku jikseb ferħ għal dejjem fid-dehra tal-glorja ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-catherine-of-siena.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-catherine-of-siena/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Catherine_of_Siena

 

 

 

 

 

 

Film on Saint Catherine of Siena in Itailian:

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements