31 ta’ Mejju: Iż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija

Verżjoni Vidjo: Iż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija

“Hienja int, Marija, għax emmint li għad iseħħ dak kollu li l-Mulej bagħat jgħidlek. U qalet Marija: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej. Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel Alla miegħi” ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

en13jan40-43-arts-article-bloch-2012-12-06IŻ-ŻJARA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Tagħrif: F’għeluq ix-xahar ta’ Mejju, iddedikat lill-Madonna, il-Knisja tfakkarna fiż-żjara li Marija għamlet lil Santa Eliżabetta, li dwarha jitkellem San Luqa fil-Vanġelu tiegħu (Lq. 1, 39-56), fl-aħħar 18-il vers tal-ewwel kapitlu.

Illum il-Knisja tfakkarna fiż-żjara li l-Madonna għamlet lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta; ġrajja li nikkontemplaw fuqha fir-rużarju, fit-tieni misteru tal-ferħ.

Din il-festa tiġi bejn il-festi tat-Tħabbira tal-Mulej, 25 ta’ Marzu, meta l-Arkanġlu Gabrijel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha ssir Omm Alla; u t-twelid ta’ San Ġwann Battista, fl-24 ta’ Ġunju.

Din iż-żjara ġrat hekk: Marija kienet għadha kif aċċettat li tkun omm il-Feddej. L-Anġlu Gabrijel kien għarrafha li Eliżabetta, qaribtha, kienet se ssir omm fi xjuħitha u ġa kienet ilha 6 xhur li nisslet, minkejja li kienu jgħidu li ma setax ikollha wlied. San Luqa jgħid li Marija “qamet f’dawk il-jiem u telqet bil-għaġla” biex iżżur lil qaribtha, tifirħilha u tgħinha f’dak kollu li kellha bżonn. Eliżabetta, skont tradizzjoni qadima, kienet toqgħod f’Għajn Karim, raħal fuq għolja, xi 5 mili ’l isfel minn Ġerusalemm, u fuq 60 mil minn Nazaret, ir-raħal ta’ Marija.

L-Evanġelista jgħid li hekk kif Marija daħlet fid-dar ta’ Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta, it-tarbija qabżet bil-ferħ fi ħdanha, u għolliet leħinha u, mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, għajtet b’leħen għoli u qaltilha: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek! U mnejn hu ġieni dan, li tiġi omm il-Mulej għandi? … Imbierka dik li emmnet li jseħħ dak li qalilha l-Mulej!” Għal dan il-kliem ta’ tifħir, Marija faħħret lil Mulej bil-Magnificat: ruħi tfaħħar il-Mulej u tifraħ ruħi f’Alla s-salvatur tiegħi.” (Luqa 1:26-56)

It-Tradizzjoni tgħid li l-Madonna baqgħet ma’ Eliżabetta sa wara t-twelid tat-tarbija, San Ġwann il-Battista, u ċ-ċirkonċiżjoni tiegħu.

Din il-festa bdiet issir b’solennità mill-Ordni Franġiskan sa mis-seklu 13. Ġiet estiża għall-Knisja kollha mill-Papa Urbanu VI fl-1389 biex jaqla’ bl-interċessjoni ta’ Marija, il-waqfien tax-Xiżma tal-Punent li tant għamlet deni fil-Knisja Kattolika.

Sa ftit tas-snin ilu kienet issir fit-2 ta’ Lulju, imma minn wara l-Konċilju ’l hawn, bdiet issir fil-31 ta’ Mejju – jum li fih kienet issir il-festa ta’ Marija bħala reġina. Kien ħsieb tassew postu tal-Knisja li jagħlaq ix-xahar ta’ Mejju – li hu kollu ddedikat lil Marija – b’din il-festa li turina lil Marija sservi lil mara xiħa fil-bżonn. Speċi l-Knisja trid tfakkar lid-devoti kollha ta’ Marija biex jimitawha fis-servizz u għajnuna li dawk kollha li tassew iħobbu lil Alla għandhom jagħtu lill-bnedmin ħuthom fil-bżonn, għax fihom wieħed jilmaħ il-persuna ta’ Kristu.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji ta’ San Beda l-Venerabbli, saċerdot:

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi. B’dawn il-kelmiet, Marija stqarret l-ewwelnett id-doni speċjali mogħtija lilha, u mbagħad semmiet il-grazzji ġenerali li Alla sa mill-bidu qatt ma jonqos li jagħti lill-bnedmin.

Tfaħħar il-kobor tal-Mulej ir-ruħ ta’ dak li jingħata kollu kemm hu biex ifaħħar u jaqdi lil Alla bis-sentimenti kollha tiegħu, u jħares il-kmandamenti tiegħu ħalli juri li qiegħed dejjem iżomm fi ħsiebu s-setgħa u l-kobor tiegħu.

Jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħu l-ispirtu ta’ dak li l-għaxqa waħdanija tiegħu hi t-tifkira ta’ min ħalqu, li minnu jittama s-salvazzjoni ta’ dejjem.

Mela dawn il-kelmiet joqogħdu tajjeb fuq ix-xufftejn tal-perfetti kollha; imma kien jixraq l-iżjed li tgħidhom l-Omm qaddisa ta’ Alla, li, bi privileġġ speċjali, l-ispirtu tagħha kien imħeġġeġ bl-imħabba lejn dak li ferraħha bit-tnissil tiegħu minnha bħala bniedem.

Kellha raġun Marija tifraħ wisq iżjed mill-qaddisin l-oħra b’Ġesù, is-Salvatur tagħha, għax hi mhux biss għarfitu bħala l-għajn eterna tas-salvazzjoni imma wkoll kienet taf li hu stess se jitwieled minnha bħala bniedem, b’mod li l-istess persuna tkun tassew Binha u Sidha.

Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Stqarret li l-kobor kollu tagħha ma kien xejn mertu tagħha, imma don ta’ dak li hu setgħani u kbir fih innifsu, u jkabbar u jqawwi lill-fidili ċkejknin u dgħajfin tiegħu.

Għamlet tajjeb li żiedet tgħid: Qaddis hu l-isem tiegħu. B’hekk wissiet lil dawk kollha li jisimgħu dawn il-kelmiet, anzi wriethom kif għandhom minnufih jemmnu f’isem il-Mulej u jsejjħulu, biex huma wkoll jistgħu jkollhom sehem mill-qdusija ta’ dejjem u mis-salvazzjoni vera, skont il-kliem tal-profeta: U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv. Għax dan hu l-isem li Marija fehmet meta aktar ‘il fuq qalet: U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.

Minn hawn ġejja d-drawwa tassew sabiħa u ta’ fejda fil-Knisja mqaddsa, li l-fidili kollha, fl-Uffiċċju ta’ l-għasar, itennu kuljum il-kantiku ta’ Marija, ħalli b’hekk it-tifkira ta’ l-inkarnazzjoni tal-Mulej iħeġġeġ sikwit lill-insara bl-imħabba, u l-eżempji ta’ Omm Alla jsaħħuhom u jwettquhom dejjem iżjed fil-virtù. U hi ħaġa f’waqtha li dan isir fl-għasar, biex wara t-taħbit tal-ġurnata u t-tixrid fuq il-ħafna ħsibijiet, ir-ruħ tagħna, meta jasal ħin il-mistrieħ, tinġabar fiha nfisha f’Għaqda waħda ma’ dak li jkollha fi ħsiebha”.

Is-sema ta’ fuq rasna jista’ jiddallam u tfaqqa’ tempesta qalila. B’daqshekk m’għandniex għalfejn nitwerwru. Jekk ikollna fiduċja f’Marija, kif suppost għandu jkollna, għandna naraw fiha l-Verġni l-aktar qawwija li permezz tas-saqajn Verġni saħqet ir-ras tas-serpent. ~ San Piju X (1835-1914)

  • U int, tistieden lil Marija, Ommok tas-Sema, tiġi żżurek u kif għenet lil Santa Eliżabetta fi żmien diffiċli tal-ħajja tagħha, hekk ukoll tgħin lilek, fl-itqal mument ta’ ħajtek u fil-pont tal-mewt tiegħek?
  • Taqdi lil ħaddieħor fil-bżonn anki meta jkollok tagħmel sagrifiċċji ġieli mhux żgħar?
  • Tagħraf tfaħħar lil Alla meta n-nies tfaħħar lilek għax taf li kollox huwa don u rigal tiegħu sa l-istess ħajja tiegħek?

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjos kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja. Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed lil missirijietna – b’riżq Abraham u nislu għal dejjem. (Il-Kantiku ta’ Marija)

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta l-Verġni Mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbaħtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta; agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skont ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://opusdei.org/en/article/life-of-mary-vi-visitation-to-saint-elizabeth/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/visitation/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Visitation_(Christianity)

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

30 ta’ Mejju: Santa Ġovanna d’Arco

Verżjoni Vidjo: Santa Ġovanna d’Arco

“Xejn ma jbeżżani għax Alla huwa miegħi”. ~ Santa Ġovanna d’Arco

joan-of-arc-9354756-1-402SANTA ĠOVANNA D’ARCO
Verġni
1412 – 1431

Tagħrif: Ġovanna d’Arco, bil-Franċiż, Jeanne d’Arc, twieldet fir-raħal ta’ Domremy, fi Franza minn familja ta’ bdiewa fis-6 ta’ Jannar, 1412.

Kellha 17-il sena, meta waqt li kienet tirgħa n-nagħaġ ta’ missierha, semgħet ilħna misterjużi mis-sema. Kienu l-Arkanġlu San Mikiel, Santa Katerina ta’ Lixandra u Santa Margarita ta’ Antjokja. Qalulha biex issalva lil Franza mill-għedewwa, li dak iż-żmien kienu l-Ingliżi u l-Burgundjani. Kellmet lill-prinċep ereditarju u taha li tmexxi l-armata.

Fl-1429, rebħet lill-Ingliżi f’Orleans, u wara rebħet Patay u Troyes. ll-prinċep aċċetta li jkun inkurunat re ta’ Franza bħala Karlu VII fil-katidral ta’ Rheims, b’Ġovanna maġenbu bil-bandiera tar-rebħa f’idejha. Imma meta ħabtet għal Pariġi sfat feruta u f’Mejju, 1430, waqt l-attakk biex teħles il-belt ta’ Compiegne, waqgħet priġuniera tal-Burgundjani, li biegħuha lill-Ingliżi, li għax ma setgħux jikkundannawha għall-mewt talli kienet rebħet il-battalji, ippruvaw li tiġi kkundannata bħala saħħara u eretika.

Fil-21 ta’ Frar, 1431, dehret quddiem tribunal taħt il-presidenza ta’ Pierri Cauchon, isqof ta’ Beauvais, li ried jaqdi lill-Ingliżi biex forsi jilħaq arċisqof ta’ Rouen, flimkien ma’ teologi mill-Università ta’ Pariġi, ilkoll favur l-Ingliżi.

Il-qaddisa dehret għall-aħħar darba quddiem it-tribunal fid-29 ta’ Mejju, meta ġiet ikkundannata b’sentenza inikwa, jiġifieri mill-iktar inġusta, jgħidilna anki l-Martiroloġju Ruman, u l-għada stess ġiet maħruqa ħajja fil-“Vieux Marche” (is-Suq il-Qadim) ta’ Rouen.

Kellha biss 19-il sena. Imma wara li l-każ tagħha reġa’ ġie studjat sewwa u bl-ikbar reqqa b’ordni tal-Papa Kallistu III nnifsu, inqatgħet is-sentenza li ddikjarat li Ġovanna kienet għal kollox innoċenti.

Filfatt kienet mietet martri għal pajjiżha, tlissen l-ismijiet l-iżjed qaddisa ta’ Ġesù u Marija, li dejjem kienu fuq l-istandard tar-rebħiet tagħha.

Mhux biss Napuljun mar jiċċelebra l-jum tat-8 ta’ Mejju, jum ir-rebħa ta’ Orleans fl-1429, bħala jum ta’ festa nazzjonali għal Franza, imma wkoll il-Papa Benedittu XV mar jiddikjaraha qaddisa fis-16 ta’ Mejju, 1920.

Minn dakinhar Jeanne La Pucelle, jew Jeanne D’Arc, imsejħa x-“Xbejba ta’ Orleans”, hija waħda mill-patruni ta’ Franza, fejn il-festa tagħha hi festa nazzjonali.

Ħsieb: F’riflessjoni tal-Papa Franġisku waqt il-Quddiesa minn Dar Santa Marta tat-Tnejn 11 ta’ April 2016, jgħid hekk:

“Id-dutturi tal-liġi jiġġudikaw lill-oħrajn billi jużaw il-Kelma t’Alla kontra l-kelma t’Alla, jagħlqu qlubhom għall-profezija u ma jimpurtahomx mill-ħajja tal-persuni imma biss minn skemi magħmulin minn liġijiet u kliem. 

Id-dutturi tal-liġi akkużaw lil Stiefnu (l-ewwel martri) bil-kalunnji għax ma jirnexxilhomx jikkumbattu l-għerf u l-ispirtu li bih kien qed ikellimhom. Huma kesksu xhieda foloz biex jgħidu li semgħuh jidgħi b’Mosè u b’Alla. Il-qalb magħluqa għall-verità ta’ Alla, taqbad biss mal-veritajiet tal-liġi, anzi, aktar milli mal-liġi, mal-irqaqat tagħha. B’hekk ma ssib ebda triq oħra ħlief il-gideb, ix-xhieda foloz u l-mewt.

Stiefnu, jintemm bħall-Profeti qablu, jintemm bħal Ġesù. Din l-istorja tibqa’ tirrepeti ruħha fil-Knisja. L-istorja tgħidlina li ħafna nies li jinqatlu, li jkunu ġudikati, ikunu innoċenti: iġġudikati mill-Kelma t’Alla kontra l-Kelma t’Alla. Niftakru ftit dwar il-kaċċa għas-sħaħar jew dwar Santa Ġovanna d’Arco u tant oħrajn li sfaw maħruqin, ikkundannati għax, fil-fehma tal-imħallfin, ma mxewx mal-Kelma t’Alla.

Il-mudell ta’ dan kollu hu Ġesù li biex jibqa’ fidil u biex jobdi l-Kelma t’Alla, jispiċċa msammar ma’ Salib”.  

Nhar il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2015, f’Omelija oħra, il-Papa Franġisku jerġa’ jsemmi lill-qaddisa b’dan il-mod:

“Minkejja l-kobor ta’ dawk magħżula biex iwasslu l-messaġġ tiegħu bit-tagħlim u bl-azzjonijiet tagħhom, l-istorja tas-Salvazzjoni hi bogħod milli tkun perfetta: hi mimlija ipokrisija u infedeltà.

Il-Vanġelu meħud minn Luqa wkoll itina eżempju ta’ din il-qalb iebsa, truxa għall-Kelma t’Alla. Fih Ġesù jkeċċi xitan minn raġel u bi tweġiba jirċievi l-akkuża li qed jagħmel dan bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten. ‘Int saħħar bid-demonju fik!’ Din, qal il-Papa Franġisku, hija l-iskuża tipika ta’ min jagħmel il-liġijiet, għax jaħseb li l-ħajja hija mmexxija mil-liġijiet li jagħmel hu.

Din hi wkoll l-istorja tal-Knisja! Aħsbu ftit fil-povra Ġovanna d’Arco. Illum hija qaddisa, imma kienet sfat maħruqa fuq il-ħuġġieġa għax akkużawha li kienet eretika. L-inkwiżituri, dawk li kienu jimxu fuq ir-regoli, dawk il-Fariżej… kienu bogħod ħafna mill-imħabba t’Alla. U aktar qrib tagħna, naħsbu fil-Beatu Antonio Rosmini. Il-kitbiet tiegħu kienu kollha mqiegħdin fl-indiċi, ma stajtx taqrahom u kien dnub li taqrahom. Illum hu beatu”.

In-nies awtentiċi, in-nies ġusti ma jibżgħux imutu għal Kristu għax anki l-mewt hi rebħ għalihom għax tiftħilhom il-bieb għall-ħajja glorjuża li tibqa’ għal dejjem. U int, qed tagħżel il-qdusija fuq l-ipokrisija?

Talba: Mulej, Inti ħeġġiġt lil Santa Ġovanna d’Arco, verġni tiegħek, biex tiddefendi l-Fidi ta’ pajjiżha f’ismek. Permezz tal-interċessjoni tagħha, agħti lill-Knisja tiegħek li tegħleb in-nases tal-għedewwa tagħha u tilħaq paċi dejjiema. Ammen.  

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/05/st-joan-of-arc.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-joan-of-arc/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Joan_of_Arc

Two films on Saint Joan of Arc:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Mejju: Beatu Ġużeppi Kowalski

Verżjoni Vidjo: Beatu Ġużeppi Kowalski

La l-Mulej miegħi, m’għandix għax nibża’; x’jista’ jagħmilli l-bniedem? Il-Mulej miegħi, hu l-għajnuna tiegħi, u nħares b’wiċċi minn quddiem lejn l-għedewwa tiegħi.”.Salm 118:6-7

Kowalski2BEATU ĠUŻEPPI KOWALSKI
Presbiteru u Martri
1911 – 1942

Tagħrif: Il-Beatu Ġużeppi Kowalski twieled f’Siedliska, il-Polonja fl-1911. Fl-1927, ingħaqad mas-Sależjani u pprofessa fid-29 ta’ Ġunju, 1934. Ġie ordnat saċerdot fid-29 ta’ Mejju 1939. Kien is-segretarju għall-provinċja Sależjana ta’ Krakaw fil-Polonja.

Kien edukatur u għalliem fuq il-kariżma tal-kongregazzjoni ta’ Don Bosco. Anke kien jinqeda bil-mużika, filfatt waqqaf kor ta’ żgħażagħ, bi skop u biex jagħtih l-għajnuna fl-appostolat.

Kien qed jagħmel appostolat fil-parroċċa ta’ Marija għajnuna tal-insara. Fit-23 ta’ Mejju 1941, daħlu n-Nażi u ġie arrestat flimkien ma’ 11 oħra minn sħabu. Ġew trasportati għall-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz.

Wara 14-il xahar, f’dan il-kamp, fl-4 ta’ Lulju, 1942, xi gwardjani ġagħluh jirfes kuruna tar-rużarju biex jikkalpestaha. Il-beatu rrifjuta. L-istess gwardjani bdew jittorturawh u wara qatluh billi għarquh. Kellu 31 sena.

Fit-13 ta’ Ġunju 1999, San Papa Ġwann Pawlu II, ibbeatifikah, f’Varsavja, flimkien ma’ 107 martri ieħor Pollakk, martri tan-Nażiżmu.

Ħsieb: Il-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz-Birkenau – min ma semax b’dan l-isem għal kollox imdemmi? Min ma venvnux ma’ widnejh il-ħruxijiet li twettqu f’dan il-post tant mistkerraħ f’isem ir-razza pura?

Il-frażi magħrufa mal-erbat irjieħ tad-dinja: Arbeit macht frei, bl-ilsien Malti, “ix-xogħol jagħmlek ħieles”, tgħid minn kollox barra l-verità! Fil-fatt hija tikxef l-gidba faħxija Nażista li x-xogħol mhux talli ma jagħmlekx ħieles u ma jagħtikx id-dinjità li jistħoqqlok bħala bniedem talli jissuġġetak għall-moħqrija imfamja ta’ ħaddieħor! Ix-xogħol iebes u bla ħniena kellu għan wieħed u speċifiku: il-mewt! Il-qerda ta’ min kien jaħdmu! X’kontradizzjoni iddoqq l-iskotti!

It-tieni gidba li n-Nażisti kienu jimlew l-irjus ta’ dawk li kienu joħduhom fil-kamp tal-konċentrament għall-qerda tagħhom stess kienet li fil-kamp huma kienu se jsibu ħajja ġdida. Dik il-ħajja li dejjem ħolmu li jkollhom. Żinn mill-kbar nett! Il-ħażen Nażista fassal pjan faħxi ta’ terrur. Imma, għax kien pjan tal-infern, ġie imżejjen b’ħafna xinxilli u mgeżwer b’ħafna karti sbieħ u ikkuluriti.

Ibda biex mal-wasla tagħhom il-priġunieri kienu jintlaqgħu mill-orkestra fil-bidu tal-kamp. Jaħasra! Speċi biex jagħtuhom merħba kbira! Hux hekk trid tbellagħhieli? U x’ma kienux idoqqulhom! L-aktar, sintendi, il-biċċiet tal-kompożitur li l-Fuhrer kien imġennen warajh: Wagner! U għax Wagner u mhux ħaddieħor? Għaliex f’dan il-kompożitur kienet teċċella l-mibegħda kontra l-Lhud. Tgħidlix li biex taparsi tintegra lill-Lhud hemm bżonn li tipprova toqtlilhom dak li jagħmilhom Lhud? Jekk tagħmel dan ngħidlek bla tlaqliq: “Qarrieq!”

F’Auschwitz biss inqatlu mal-1,100, 000! U hawn għadni ma semmejtx l-eluf ta’ Pollakki, Russi, Ċeki, Franċiżi, Taljani, Olandiżi, Rumeni, Serbi, Kroati u, saħansitra Ingliżi. Ħażen iġib il-ħażen. La l-priġunier ma kellu ebda dinjità umana allura għamel bih li trid. Aħqru. Sawtu. Agħtih kull xorta ta’ kastig. U, jekk int kapaċi fix-xjenza medika allura għaliex ma tesperimentax fuqu? Anki bla loppju? Tqallajt nara l-blokk fejn Josef Mengele, l-anġlu tal-mewt, kien iwettaq l-esperimenti tiegħu.

Imbagħad rajt ukoll ma’ wiċċi l-post fejn kienu jgħallqu lill-priġunieri. In-Nażisti riedu jgħaddu l-messaġġ li magħhom ma tiċċajtax. Għal kull pruġinier li jaħrab għaxra iħallsu għalih. U, jekk dan ma kienx biżżejjed, xi priġunieri kienu jiġu ikkastigati bl-aktar mod krudili. Bħal, ngħidu aħna, fi spazju żgħir kienu jagħsru erba’ priġunieri flimkien. Inkella kienu jħalluhom imutu bil-ġuħ u bil-għatx.

Mhux ta’ b’xejn li wħud minnhom ippreferew jiġru lejn il-barbed wire biex jixxukjaw ruħhom u jmutu ħesrem! Dak li jgħid George Santayana jagħmel sens kbir: “Dawk li ma jiftakrux fl-imgħoddi huma ikkundannati li jirrepetuh”. Ejjew nibqgħu niftakruh biex ma nirrepetuhx!

F’kuntrast ma’ dan kollu li semmejna, dawn li ġejjin huma kitbiet tal-Beatu Ġużeppi lill-ġenituri tiegħu mill-kamp tal-konċentrament:

  • Toqogħdux tinkwetaw fuqi; jiena qiegħed f’idejn Alla. Irrid nassigurakom li qiegħed inħoss l-għajnuna tiegħu f’kull pass li nagħmel. Minkejja s-sitwazzjoni preżenti, jien ninsab ferħan u kompletament fil-paċi.
  • F’kull pass li nagħmel jien inħoss il-qawwa ta’ Alla. Kull fejn inkun, kull ma jiġri minni, jien qiegħed f’idejn il-Providenza Divina li qed tħares fuq in-nazzjonijiet u fuq kull individwu.

Il-bniedem li jintelaq kompletament f’Alla, isib lil Alla anki f’post daqshekk makabru! Int tafdah lil Alla bl-istorja ta’ ħajtek?

Talba: O Mulej, Int assistejt u mlejt bil-ferħ lill-qaddej tiegħek il-Beatu Ġużeppi Kowalski waqt li huwa kien għaddej minn tiġrib kbir, assisti lilna lkoll nitolbuk, filwaqt li għadna għaddejja minn dan il-wied tad-dmugħ biex il-fiduċja tagħna fik ma tiġi qatt nieqsa. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://catholicwideweb.wordpress.com/2010/05/29/blessed-joseph-kowalski-salesian-martyr-of-poland/

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/blessed-jozef-kowalski/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/J%C3%B3zef_Kowalski_(priest)

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud minn kitba ta’ Fr Mario Attard OFM Cap.

28 ta’ Mejju: Santa Ubaldeska

Verżjoni Vidjo: Santa Ubaldeska

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom”. ~ Rumani 8:28.

SantaUbaldescaTacciniSANTA UBALDESKA
Verġni
1136 – 1206

Tagħrif: Santa Ubaldeska twieldet f’Calcinaia, qrib Pisa l-Italja, fl-1136. Il-ġenituri tagħha kienu bdiewa umli u rawmuha fil-biża’ t’Alla. Kienu jipprattikaw l-virtù tal-ubbidjenza u tas-silenzju u minn età żgħira binthom trawmet f’dan l-ambjent. Kienet tfajla bieżla ħafna u mehdija fit-talb.

Ubaldeska kienet tħobb ħafna l-foqra u kull meta ġiet f’kuntatt magħhom qatt ma kienet tħallihom mingħajr ma tagħmel xi att ta’ karità magħhom. Meta ma kien ikollha xejn xi ttihom, kienet tħallihom bit-tbissima ħelwa tagħha, u b’inkuraġġiment.

Talbet lil Alla jmexxiha u jgħarrafha x’jixtieq minnha. Ta’ erbatax-il sena kellha dehra u anġlu qalilha biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Meta rrispondietu li ma kellhiex mnejn tixtri d-dota l-anġlu weġibha li l-Ispirtu s-Santu jipprovdilha.

Hija daħlet il-kunvent fejn laqgħuha b’ferħ kbir. Il-qdusija tagħha kienet ta’ eżempju għal ħutha s-sorijiet. Kienet tgħix ħajjitha fit-talb, sawm, astinenza u penitenza, dejjem fil-prattika tal-virtujiet tal-ubbidjenza, umiltà u tjubija kbira. Kienet karitattiva ma’ kulħadd u dejjem bi tbissima fuq wiċċha, anke meta kienet tkun qiegħda ssofri. Dan kien dovut għall-kontemplazzjoni kontinwa ta’ Ġesù, Marija u l-qaddisin. Kienet tħoss kontinwament il-preżenza ta’ Ġesù maġenbha.

Il-kunvent għadda minn perjodu ta’ faqar kbir, tant li biex tgħix il-kongregazzjoni, flimkien mal-foqra li kien ikollhom taħt is-saqaf tagħhom, kellhom joħorġu jittalbu fil-belt. Santa Ubaldeska kienet waħda mis-sorijiet li għal snin twal kienet toħroġ tittallab biex tipprovdi għall-bżonnijiet tal-kunvent.

Fil-festa tat-Trinità Qaddisa, it-28 ta’ Mejju 1206, il-qaddisa ħalliet din id-dinja kawża ta’ ferita f’rasha, ikkawżata minn inċident li seħħ xi ftit ġimgħat qabel. Ġimgħa wara li mietet Fra Doctus, id-direttur spiritwali tal-kunvent, kellu rivelazzjoni, ra lill-qaddisa dieħla l-ġenna mdawwra mill-kori tal-anġli. Bena monument, fejn tpoġġa l-ġisem tagħha għall-venerazzjoni. Ħafna mirakli ġew attribwiti lilha wara żjara ’l-qabar tagħha.

Il-Granmastru Fra Hugh de Loubenx Verdala ordna li xi relikwi tal-qaddisa jintbagħtu fil-Belt Valletta, Malta. Għalhekk fit-28 ta’ Mejju 1587, tpoġġew fil-kappella prinċipali tal-monasteru. Fl-1636 inbniet knisja ġewwa Malta (Paola) ddedikata lil Santa Ubaldeska.

Ħsieb: Il-Knisja li nsibu f’Raħal il-Ġdid iddedikata lil Santa Ubaldeska, tinsab fi Triq l-Arkata. Qabel ma nbniet il-Parroċċa ta’ Kristu Re, il-knisja ta’ Santa Ubaldeska kienet dik il-knisja li mitt sena ilu saret l-ewwel Parroċċa ta’ Raħal Ġdid.

Santa Ubaldeska hi fost l-qaddisin li kienu jagħmlu parti mill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan jispjega d-devozzjoni li kellhom għaliha diversi kavallieri fosthom il-Gran Mastru Antonie De Paule li waqqaf din il-knisja f’Raħal Ġdid. L-akbar tagħrif dwar din il-qaddisa insibuh appuntu fil-ktieb “Dell’Istoria della sacra religione” ta’ Giacomo Bosio, li kien l-istoriku tal-Ordni.

Ubaldeska jingħad li anke kienet tagħmel mirakli waqt li kienet għadha ħajja. Xi kwadri juruha b’ġarra żgħira f’idha. Din hija referenza għall-miraklu li jingħad li wettqet darba ma’ xi pellegrini. Darba, kienet qed ittellgħa l-ilma mil-bir meta waslu ħdejha xi pellegrini għajjenin li talbuha ftit ilma biex jixorbu. Ubaldeska bierket l-ilma li kienet għadha kemm tellgħet mill-bir bis-sinjal tas-Salib u tagħthom jixorbu mill-ġarra. Il-pellegrini tomgħew inbid, mhux ilma, u malajr intebħu li kien sar miraklu permezz ta’ dik is-soru qaddisa. Fl-ikonografija, din is-soru tidher ukoll b’Palma f’idejha. Il-Palma hi s-sinjal tal-Martirju iżda għalkemm din il-qaddisa qatt ma soffriet il-Martirju kif nifhmu ġeneralment bil-kelma, il-Palma tirrapreżenta l-“martirju” ta’ tbatija u sofferenzi li għaddiet minnhom f’din id-dinja.

Imma darba waħda meta hi kienet qiegħda tittallab, u qed taqsam il-“pont tax-xewk” waqgħet ġebla minn fuq bini li kien għadu tiela’ u weġġa’ serjament lil Ubaldeska f’rasha. Marret tħaffef lejn il-kunvent u meta rawha kollha dmija riedu jdewwuha. Hi ma riditx u qaltilhom li tħalli kollox f’idejn Alla. Il-ġerħa li kellha kompliet tinfetħilha imma hi kompliet tirrifjuta li tiġi kkurata. Infatti, hija mietet kawża ta’ din il-ferita.

Darba, Fra Bartolo de Palmieri, Prijur tal-Prijorat tas-San Sepulkru f’Pisa, irċieva favur speċjali mingħand Sant’Ubaldeska u bħala ringrazzjament, nhar il-festa tagħha li taħbat ma’ dik tat-Trinità Qaddisa, poġġa l-fdal tagħha ġo urna aktar elaborata. Beda wkoll jiċċelebra l-ġurnata tagħha kull sena.

Aktar tard, il-Gran Mastru Fra Hughes Loubenx Verdale talab lill-Kavallier Guilio Zanchini, li kien Fjorentin u l-Logutenent tal-Prijur ta’ Pisa biex iġib f’Malta parti mill-fdalijiet tal-qaddisa biex jitqiegħdu fil-knisja Konventwali ta’ San Ġwann. Dan sar bil-permess tal-Papa Sistu V b’ordni maħruġ fl-20 ta’ Settembru tal-1586. L-ordni tal-Papa kienet tgħid ukoll li kull nhar l-20 ta’ Mejju ta’ kull sena kellha ssir festa f’unur il-qaddisa u li għal din il-festa kellu jintuża l-istess Uffiċċju li kien jintuża fil-knisja Metropolitani ta’ Pisa. Huwa ta Indulġenza Plenarja perpetwa lil dawk il-Fidili li żaru l-fdalijiet tagħha meta dawn inġabu f’Malta nhar l-20 ta’ Mejju tal-1587. Fl-1808, il-Franċiżi li kienu għadhom taħt l-ispirtu tar-rivoluzzjoni, qerdu l-kunvent u l-fdalijiet ta’ Sant’Ubaldeska f’Pisa.

Ara aktar informazzjoni dwar il-Kappella ta’ Santa Ubaldeska

Talba: O Alla, għat-talb ta’ Santa Ubaldeska u għall-merti li hija kisbet mill-ħajja ta’ qadi lejn l-aħwa morda tal-Ordni, agħtina li aħna wkoll naqdu b’wiċċ ferrieħi lil kull min jeħtieġ tas-servizz tagħna u li nieħdu kollox minn idejk meta nħabbtu wiċċna mas-saram ta’ din il-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://smom-za.org/saints/ubaldesca_text.htm

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-ubaldesca-taccini/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Ubaldesca_Taccini

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud mis-sit Kappelli Maltin.

27 ta’ Mejju: Santu Wistin ta’ Canterbury

Verżjoni Vidjo: Santu Wistin ta’ Canterbury

“Min irid jitla’ fil-għoli ħafna, irid jagħmel hekk tarġa tarġa”. ~ San Girgor il-Kbir f’ittra li kiteb lil Santu Wistin ta’ Canterbury.

SOD-0527-SaintAugustineofCanterbury-790x480SANTU WISTIN TA’ CANTERBURY
Isqof
? – 605

Tagħrif: Santu Wistin kien Pirjol tal-Patrijiet Benedittini fil-monasteru ġdid ta’ San Andrea f’Monte Celio, Ruma.

Fis-sena 596, il-Papa Girgor il-Kbir, li għal xi żmien qabel kien kumpann tiegħu fl-istess monasteru, bagħtu ma’ xi erbgħin oħra sħabu biex jevanġelizzaw l-Ingilterra.

Ir-Re ta’ Kent, Ethelbert (ara San Ethelbert), laqagħhom tajjeb u stedinhom joqogħdu f’Canterbury, il-belt ewlenija tar-renju tiegħu.

F’qasir żmien, Ethelbert, li kien miżżewweġ lil Berta, Kattolika Franċiża, tgħammed u miegħu tgħammdu eluf oħra.

Ftit żmien wara, San Wistin mar Franza fejn ġie kkonsagrat Isqof. Lura fl-Ingilterra waqqaf is-Sede tiegħu f’Canterbury u fforma d-Djoċesijiet ta’ Londra u ta’ Rochester.

Ħadem ħafna biex il-Fidi Nisranija tinfirex mal-Ingilterra kollha, u pprova bla suċċess jgħaqqad miegħu gruppi antiki ta’ Nsara li mħabba l-gwerriera Anglo-Sassi kienu xterdu ‘l hawn u ‘l hemm mal-Ingilterra.

Miet fis-26 ta’ Mejju 605, f’inqas minn sena wara l-mewt tal-ħabib kbir tiegħu, il-Papa San Girgor il-Kbir, u wara ħidma intensa ta’ 7 jew 8 snin fl-Ingilterra. Ġeneralment Santu Wistin u sħabu huma miżmuma bħala Benedittini bħall- Papa San Girgor li bagħathom missjunarji. U bħal San Girgor, Santu Wistin ta’ Canterbury huwa msejjaħ u bir-raġun l-“Appostlu tal-Ingilterra”.

Ħsieb: Interessanti mmens id-diskors li għamel il-Papa Franġisku fiċ-ċelebrazzjoni tal-Għasar, bis-sehem tal-Eċċellenza tiegħu Dr Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury u Primat tal-Komunjoni Anglikana, fit-Tifkira tal-Ħamsin Anniversarju mil-Laqgħa bejn Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey u mit-Twaqqif taċ-Ċentru Anglikan ta’ Ruma, fil-Knisja ta’ Sant’Andrija u San Girgor Al Celio, l-Erbgħa 5 ta’ Ottubru 2016. Jgħid hekk:

“Nixtieq nirriferi għall-mixja komuni tagħna wara Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb, billi nieħu spunt mill-baklu ta’ San Girgor il-Kbir, li jista’ jissimbolizza tajjeb it-tifsira ekumenika qawwija ta’ din il-laqgħa tagħna. Il-Papa Girgor minn dan il-post għajn ta’ missjoni għażel u bagħat lil Santu Wistin ta’ Canterbury u l-irħieb tiegħu għand il-popli Anglo-Sassoni, u hekk inawgura paġna ġdida ta’ evanġelizzazzjoni, li hi l-istorja komuni tagħna u torbotna b’rabta li ma tinħallx. Għalhekk jixraq li dan il-baklu jkun simbolu komuni tal-mixja tagħna ta’ għaqda u missjoni.

Fiċ-ċentru tal-parti tonda tal-baklu jidher il-Ħaruf Rxoxt. L-imħabba tal-Ħaruf rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt hi l-messaġġ veru u ġdid li flimkien irridu nwasslu lill-mitlufa ta’ żmienna u lil dawk li għand m’għandhomx il-ferħ tal-għarfien tal-wiċċ kollu mogħdrija u t-tgħanniqa ħanina tar-Ragħaj it-Tajjeb. Il-ministeru tagħna jikkonsisti f’li ndawlu d-dlamijiet b’dan id-dawl ħelu, bil-qawwa sempliċi tal-imħabba li tirbaħ fuq id-dnub u tegħleb il-mewt. Għandna l-ferħ li nagħrfu u niċċelebraw flimkien il-qalba tal-fidi. Ejjew nerġgħu nsibu postna fiha, mingħajr ma nħallu jtellifna dak li jħajjarna nimxu wara l-ispirtu tad-dinja u jrid ibegħidna mill-freskezza oriġinarja tal-Vanġelu. Minn hemm toħroġ ir-responsabbiltà komuni tagħna, il-missjoni waħdanija li naqdu lill-Mulej u lill-bnedmin.

Dikjarazzjoni Komuni tal-qdusija tiegħu l-Papa Franġisku u l-Eċċellenza tiegħu Justin Welby, Arċisqof ta’ Canterbury

Ħamsin sena ilu l-predeċessuri tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Arċisqof Michael Ramsey, iltaqgħu f’din il-belt, imqaddsa mill-ministeru u d-demm tal-Appostli Pietru u Pawlu. Iktar tard, il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-Arċisqfijiet Robert Runcie u George Carey, il-Papa Benedittu XVI u l-Arċisqof Rowan Williams talbu flimkien f’din il-knisja ta’ San Girgor al Celio, mnejn il-Papa Girgor bagħat lil Wistin jevanġelizza lill-popli Anglo-Sassoni. F’pellegrinaġġ fuq l-oqbra ta’ dawn l-Appostli u Missirijiet imqaddsa, il-Kattoliċi u l-Anglikani jagħrfu li huma werrieta tat-teżor tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu u tas-sejħa li jaqsmuh mad-dinja kollha. Irċivejna l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù Kristu permezz tal-ħajjiet qaddisa ta’ rġiel u nisa, li ppriedkaw il-Vanġelu bil-kliem u bl-opri, u ġejna maħtura, u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu, biex inkunu xhieda ta’ Kristu “sa truf l-art” (Atti 1:8).

Seħħ progress kbir f’ħafna oqsma li kienu żammewna mbiegħda minn xulxin. Madankollu, ċirkustanzi ġodda qalgħu nuqqas ta’ ftehim ġdid bejnietna, partikularment dwar l-ordinazzjoni tan-nisa u dwar kwistjonijiet iktar riċenti marbuta mas-sesswalità umana. Wara dawn id-diverġenzi tibqa’ l-kwistjoni dejjiema dwar il-mod kif titħaddem l-awtorità fil-komunità Nisranija. Dawn huma llum xi aspetti problematiċi li huma xkiel serju għall-għaqda sħiħa bejnietna. Waqt li aħna, bħall-predeċessuri tagħna, ukoll għadna m’aħniex naraw soluzzjonijiet għax-xkiel li għandna quddiemna, qalbna mhix maqtugħa. B’fiduċja u ferħ fl-Ispirtu s-Santu, nemmnu li d-djalogu u l-impenn reċiproku jkabbru l-ftehim ta’ bejnietna u jgħinuna ngħarblu x’inhi r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu. Aħna fiduċjużi fil-grazzja ta’ Alla u fil-Providenza, għax nafu li l-Ispirtu s-Santu sa jiftaħ bibien ġodda u jmexxina lejn is-sewwa kollu (ara Ġwanni 16:13).

Il-missjoni ekumenika tagħna ma’ dawk li jinsabu fit-truf tas-soċjetà tkun xhieda għalina lkoll, u minn dan il-post imqaddes, bħall-Bxara t-Tajba ta’ tant sekli ilu, ħa joħroġ il-messaġġ li l-Kattoliċi u l-Anglikani huma impenjati li jaħdmu flimkien biex jagħtu leħen lill-fidi komuni fil-Mulej Ġesù Kristu, biex iġibu s-serħan fejn hemm it-tbatija, il-paċi fejn hemm il-ġlied, id-dinjità fejn din hi mċaħħda u mogħtija bis-sieq.

F’din il-Knisja ta’ San Girgor il-Kbir, bil-ħrara kollha nsejħu l-barka tat-Trinità Qaddisa fuq l-andament tal-ħidma kollha tal-ARCIC u tal-IARCCUM, u fuq dawk kollha li jitolbu u jagħtu sehemhom biex terġa’ mill-ġdid l-għaqda bejnietna”.

  • U inti, tiftakar titlob għall-għaqda mil-ġdid fost l-insara kollha?
  • Jista’ jkun li forsi l-Mulej qed isejjaħlek biex toffri wkoll is-sofferenzi personali tiegħek, huma ta’ liema għamla huma, biex magħqudin ma’ dawk ta’ Ġesu’ jservu bħala talba għall-għaqda fost l-insara?

Aqraw x’għamlet tfajla żagħżugħa bl-isem ta’ Marija Columba biex tgħin bis-serjeta’ ħalli sseħħ l-għaqda fost l-insara: Beata Marija Columba Gabriella Sagheddu.

Talba: O Alla, int wassalt il-poplu ingliż għall-Evanġelju bil-predikazzjoni tal-isqof Santu Wistin; agħmel li l-Knisja tiegħek tibqa’ dejjem tistagħna bil-frott tal-ħidma u t-tħabrik tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-augustine-of-canterbury.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-augustine-of-canterbury/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Augustine_of_Canterbury

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Mejju: San Filippu Neri

Verżjoni Vidjo: San Filippu Neri

“Dak li jixtieq ħaġ’oħra u mhux lil Kristu ma jafx x’inhu jixtieq. Dak li jfittex għal ħaġ’oħra u mhux lil Kristu ma jafx x’inhu jfittex. Dak li jaħdem u mhux għal Kristu ma jafx x’inhu jagħmel. San Filippu Neri”. ~San Filippu Neri

61a85d2bdf904059cd9d5c4fe8b1a49cSAN FILIPPU NERI
Saċerdot
1515 – 1595

Tagħrif: San Filippu twieled f’Firenze, l-Italja, fl-1515. Meta kellu ħames snin tilef ‘l ommu, iżda hu u żewġ ħutu l-oħra ġew imrobbija f’għożża mit-tieni mara ta’ missierhom.

Sa minn meta kien għadu żgħir, kellu dispożizzjonijiet tant ħelwin li kienu jsejħulu it-Twajjeb Pippo (Pippo Buono).

Ta’ tmintax–il sena mar f’San Germano, qrib Ruma, jaħdem ma’ kuġinuh, li kien negozjant sinjur kbir. Filippu kien tant ħabbrieki li kuġinuh xtaqu jieħu n-negozju f’idejh. Iżda hu, imqanqal minn ħerqa li jgħix f’għaqda ikbar ma’ Ġesù, ħalla n-negozju u kollox, u mar Ruma. Hemm iltaqa’ ma’ wieħed li tah kamra fejn joqgħod u x’jiekol kuljum, bil-patt li jedukalu ż-żewġ uliedu. Dam f’din il-ħajja għal sbatax-il sena, imma fl-istess żmien, studja l-filosofija mad-Dumnikani, u t-teoloġija mal-Agostinjani, u kien ukoll jiġbor xi żgħażagħ miegħu biex flimkien jitolbu, jistudjaw ir-reliġjon, iżuru l-isptarijiet u jagħmlu atti oħra ta’ karita’.

Fl-1548, bil-għajnuna tal-konfessur tiegħu, Persiano Rossa, waqqaf il-Fratellanza tat-Trinita’, li l-membri tagħha kienu lajċi u kienu jieħdu ħsieb il-pellegrini u l-morda, l-iktar fl-isptar tat-Trinita’ dei Pellegrini. Kien ukoll jgħaddi s-sigħat jitlob, anki bil-lejl, l-iktar fil-katakombi ta’ San Bastjan.

Fit-23 ta’ Mejju 1551, ta’ 36 sena, ġie ordnat qassis, ħalla dik il-kamra li kien joqgħod fiha u mar jgħix fil-Presbiterju ta’ San Ġirolmu ma’ Dun Rossa u qassisin oħra li kienu jgħixu bil-karita’. Hawn intefa’ għall-appostolat billi filgħodu kien jgħaddih fil-konfessinarju u filgħaxija kien ilaqqa’ n-nies biex jitolbu, ikantaw u jitkellmu fuq il-ħwejjeġ tar-ruħ. Kien ukoll jorganizza pellegrinaġġi għall-knejjes u katakombi biex isaħħaħ il-fidi ta’ dawk li kienu jmorru miegħu. Fl-1558 bena oratorju u fih kien ilaqqa’ n-nies għat-talb u l-konferenzi. Hawnhekk waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Oratorjani, li x-xogħol prinċipali tal-membri tagħha kien li jsaħħah in-nies fil-fidi tagħhom.

Il-kongregazzjoni ħadet forma kanonika fl-1575 u ġiet approvata mill-Papa Girgor XIII fl-1583, bil-knisja ta’ Santa Maria in Vallicella bħala l-knisja tal-“Casa Madre” tagħha, imma San Filippu ħa ħsieb li jibni mill-ġdid din l-istess knisja li għalhekk bdiet tissejjaħ il-knisja l-ġdida – Chiesa Nova – kif għadha tissejjaħ sal-lum.

San Filippu miet ta’ 80 sena, nhar il-festa ta’ Corpus Domini, fis-26 ta’ Mejju 1595 u ġie kkanonizzat mill-Papa Girgor XIV, flimkien ma’ Sant’Injazju minn Loyola, San Franġisk Saverju, Santa Tereża u San Sidoru ta’ Madrid. Il-ġisem tiegħu jinsab meqjum fil-Chiesa Nuova ta’ Santa Maria in Vallicella, tal-patrijiet Oratorjani ġewwa Ruma. Bir-raġun dan il-qaddis kbir baqa’ jissejjaħ l-Appostlu ta’ Ruma.

Ħsieb: It-tqassis ifisser li wieħed iħammeġ lill-ieħor, min iqassas iħammeġ, jeqred il-fama, il-ħajja, ħafna drabi mingħajr ebda raġuni valida u bin-nuqqas ta’ verità. Minflok ma nfittxu li niċċaraw l-affarijiet, għalina hu aktar komdu nqassu, nkissru l-fama tal-ieħor. Teżisti storja fil-ħajja ta’ San Filippu Neri li għandha x’tgħallimna bil-bosta dwar it-tqassis. Lil waħda mara li kienet qasset fuq ħaddieħor, bħala penitenza, il-qaddis kien qalilha biex tnittef tiġieġa, tferrex ir-rix mat-triq u mbagħad terġa’ tiġborhom. Impossibbli, weġbitu. It-tqassis lil din l-istorja jixbaħ.

Fl-Udjenza tas-6 ta’ Ġunju 2018, il-Papa Franġisku jgħid li:

“Waqt il-quddiesa, aħna nagħtu l-paċi lil xulxin. Dan ifisser armonija, ifisser imħabba bejnietna, ifisser paċi. Imma mbagħad x’jiġri? Noħorġu u nibdew inzekzku fuq l-oħrajn, “inqaxxru” lill-oħrajn. Jibda t-tqassis. U t-tqassis hu gwerra. Dan mhux sew! Jekk aħna rċivejna s-sinjal tal-paċi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, irridu nkunu rġiel u nisa ta’ paċi, u mhux neqirdu, bi lsienna, il-paċi li niseġ l-Ispirtu s-Santu. Imsejken Spirtu s-Santu, x’biċċa xogħol għandu magħna, b’dan il-vizzju tat-tqassis! Aħsbu sew: it-tqassis u z-zekzik mhuwiex opra tal-Ispirtu s-Santu, mhuwiex opra tal-għaqda tal-Knisja. It-tqassis jeqred dak li jagħmel Alla. Imma nitlobkom: ejja nieqfu nqassu fuq xulxin!”

Il-Papa Franġisku (21 ta’ Diċembru, 2017) saħansitra jsostni  li:

“Min iqassas hu terrorista, għax jagħmel bħat-terroristi; jitfa’ bomba, jitlaq, il-bomba tisplodi u tagħmel ħsara lil ħaddieħor, bl-ilsien, dik il-bomba. Tagħmlux terroiżmu! Tagħmlux it-terroriżmu tal-paroli, tat-tqassis, jekk jogħġobkom. Din hi t-tielet kelma li qed tiġini f’moħħi. Forsi xi ħadd jista’ jgħidli: “Padre, tina parir: kif nistgħu nagħmlu biex ma nqassux dwar l-oħrajn!” Igdem ilsienek! Żgur li jintefaħlek, imma tkun għamilt ħaġa tajba għax ma qassastx. It-tqassis, anki minn persuni li suppost jagħtu eżempju, u ma jagħtuhx.”

U ta’ min jieqaf jimmedita bis-serjeta’ dwar dak li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla dwar l-użu tal-ilsien f’Ġakbu 3:3-12:

“Aħna nqiegħdu l-ilġiem f’ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih immexxu ġisimhom kollu. Ħarsu wkoll lejn il-bastimenti: għad li jkunu kbar u jimxu ma’ l-irjieħ qawwija, naqra ta’ tmun idawwarhom fejn irid it-tmunier. Hekk ukoll l-ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista’ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar. Ara, ftit nar jista’ jqabbadlek foresta sħiħa; u l-ilsien huwa nar, huwa dinja ta’ ħażen fost il-membri ta’ ġisimna, iniġġes il-ġisem kollu u jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern.

Kull xorta ta’ bhejjem u għasafar, kull xorta ta’ bhejjem li jitkaxkru mal-art u ta’ ħut, dawn kienu u huma mmansati mill-bniedem. Iżda ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt. Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta’ Alla. Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta. Dan m’għandux ikun, ħuti. Jaqaw jista’ jnixxi ilma ħelu u ilma salmastru mill-istess għajn? U, ħuti, tista’ s-siġra tat-tin tagħmel iż-żebbuġ? Tista’ d-dielja tagħmel it-tin? L-ilma mielaħ ma jsirx ilma ħelu”.

  • U int, toqgħod attent/a xi kliem joħroġ minn fommok?
  • Tagħmel ħiltek kollha biex ma tqassasx fuq in-nies jew tingħaqad ma’ min jagħmel dan?
  • Jirnexxielek minflok, issib, tapprezza u titkellem dwar is-sabiħ u t-tajjeb li tara f’dawk ta’ madwarek?

Talba: O Alla, inti tajtna lill-qaddis San Filippu Neri li bl-imħabba tiegħek kien mimli bil-ħeġġa biex jaqdi lil għajru. Agħmel li aħna nimitawh fl-imħabba lejn il-proxxmu, nikbru fil-karità speċjalment lejn il-morda, u nitħarrġu fit-talb.

O Alla, int dejjem u f’kull żmien tgħolli l-qaddejja fidili tiegħek fil-glorja tal-qaddisin; fit-tjieba tiegħek, agħtina li aħna nitħeġġu b’dak in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu li bih tkebbset b’mod tal-għaġeb il-qalb ta’ San Filippu Neri. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-philip-romolo-neri.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-philip-neri/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Philip_Neri

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Mejju: San Girgor VII

Verżjoni Vidjo: San Girgor VII

“Ħabbejt il-ħaqq u bgħadt il-ħażen, għalhekk immut fl-eżilju”. ~ San Girgor VII

San_Gregorio_VII-670x840SAN GIRGOR VII
Papa
1028 – 1085

Tagħrif: San Girgor VII twieled fit-Toskana, l-Italja, fl-1028, u ġie mgħammed bl-isem ta’ Ildebrandu.

Studja f’Ruma mal-Patrijiet Benedittini, u sar patri magħhom.

Il-Papa Girgor VI għamlu segretarju tiegħu, u meta l-Papa ġie eżiljat fi Franza Ildebrandu mar miegħu.

Wara l-mewt, tal-Papa Girgor VI, fl-1047, Ildebrandu mar jgħix fil-monasteru ta’ Cluny, fejn dam madwar sentejn, sakemm il-Papa San Ljun IX (1049-1054) sejjaħlu Ruma biex jgħinu fl-amministrazzjoni.

Meta l-Papa San Ljun miet, ir-Rumani riedu lil Ildebrandu jsir Papa, iżda hu assolutament ma riedx, u ppropona lill-Isqof Gebhard li sar Papa bl-isem ta’ Viktor II (1055-1057). Warajh laħqu Stiefnu IX (1057-1058), Nikola II (1058-1061), u Alessandru II (1061-1073).

Meta miet il-Papa Alessandru II, Ildebrandu kellu jaċċetta li jsir Papa, u ħa l-isem ta’ Girgor VII (22 ta’ April 1073).

Kien il-bniedem tal-mument, u bħala Papa ħadem bla heda għall-Knisja, fuq kollox biex jeqred is-Simonija (Xiri jew bejgħ ta’ ħwejjeġ sagri), il-Klerogamija (li l-qassisin jiżżewġu), u l-Investitura (l-approvazzjoni tal-Imperatur għal kull nomina importanti fil-Knisja). Dawn ikkaġunawlu ħafna nkwiet u taħbit, speċjalment l-Investitura, iżda minkejja kull għawġ baqa’ sal-aħħar ma qatax qalbu.

Meta l-Imperatur Neriku IV tal-Ġermanja ried ikompli jagħżel l-isqfijiet hu, il-Papa skomunikah fl-1076. Iżda sena wara l-Imperatur nidem, u l-Papa neħħielu l-iskomunika.

Fl-1084, l-Imperatur reġa’ riedha tgħaddi tiegħu, u wara li assedja Ruma għal tliet snin daħal fiha u ħatar lil Guibert, arċisqof skomunikat ta’ Ravenna, bħala papa, li sar l-antipapa Klement III.

Sadattant il-Papa, wara li kien raġa’ skomunika lill-Imperatur, kellu jħalli Ruma u jmur jirtira l-ewwel f’Monte Cassino u mbagħad f’Salerno fejn miet fil-25 ta’ Mejju 1085.

Dan il-qaddis sofra ħafna bħala Papa u deher imut tellief, iżda l-frott tal-ħidma fejjieda tiegħu nħasad wara mewtu. Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fis-sena 1728.

Ħsieb: Dan il-Papa kien wieħed mill-akbar Papiet u wieħed min-nies kbar tal-istorja. Meta Alessandru miet, il-poplu u l-kleru bdew jgħajtu b’leħen wieħed, fil-Bażilika tal-Lateran, waqt il-funeral tal-Papa mejjet: “Irridu ’l lldebrandu Papa. San Pietru għażel l-Arċidjaknu Ildebrandu!” Il-protesti tiegħu ma swew xejn. Kien il-bniedem tas-siegħa: l-awsterità tal-virtujiet tiegħu u l-ħila tiegħu fl-amministrazzjoni kienu jikkmandaw ir-rispett ta’ kulħadd. L-aħħar kelmiet tiegħu kienu: “Ħabbejt il-ħaqq u bgħadt il-ħażen, għalhekk immut fl-eżilju.”  

Xtaqt hawnhekk ninkludi xi siltiet minn omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech li għamel nhar il-Ħadd, 8 ta’ Marzu 2009:

“Dawn it-tip ta żbalji fil-Knisja li kienu jeżistu fi żmien San Girgor, jeżistu fostna ukoll. Xi wħud jiftaħru li jħobbu l-Knisja, imma l-Knisja tagħhom mhix il-Knisja ta’ Kristu. Oħrajn jippretendu li jitkellmu dwar il-Knisja mingħajr ma jafu xejn dwar x’inhi n-natura u l-missjoni tal-Knisja Kattolika. Ma nistgħux nikkonċepixxu Knisja li mhix magħquda flimkien bħala Knisja waħda. Bħala Isqof tagħkom ma niswa xejn jekk ma nkunx magħqud ma’ Pietru, jiġifieri mal-Papa. Il-Knisja tagħna hija duħħan jekk ma tkunx f’komunjoni mal-Papa. U f’dan ir-rigward, il-komunjoni trid tkun mhux biss ta’ natura ġuridika imma wkoll fis-sens wiesgħa tal-kelma, jiġifieri li l-qalb tagħna trid tkun tħabbat mal-qalb ta’ Pietru.

Inkwantu l-evanġelizzazzjoni tal-Insara tal-“periferija”, din hija waħda mill-isfidi tal-Knisja llum, bid-differenza li l-kategorija ta’ dawk li ma jemnux f’Alla u l-kategorija ta’ dawk li għalihom il-Knisja ma tfisser xejn qiegħed jikber! Ma nistgħux ma nagħtux każ ta’ din il-faxxa ta’ nies fil-kontinent Ewropew, u nażżarda ngħid ukoll fis-soċjetà tagħna! Waħda mill-affarijiet li rriżultaw fil-Missjoni Djoċesana kienet li l-Knisja għandha tagħti iktar attenzjoni lil dawk li qegħdin fil-periferija, jiġifieri dawk li huma fil-bogħod mhux fiżikament imma spiritwalment. Din hi realtà, u jekk aħna parti minn din ir-realtà għandna raġuni valida biex nitħassbu!

Dan it-tħassib m’għandux ikun tal-Isqof jew tas-saċerdoti biss, imma tal-Knisja kollha. Irridu naraw kif ser inwasslu l-Vanġelu lil dawn ħutna ħalli fil-ħajja tagħhom u madwarhom isseħħ bidla għall-aħjar. Il-fatt li madwarna nosservaw diversi sinjali negattivi li suppost iqanqlu fina xewqa biex l-affarijiet jieħdu nota aħjar, jikkonferma li qabel ma jinbidlu l-istrutturi u s-sistemi, hemm bżonn li jikkonverti l-bniedem!

Issa aħna l-Kattoliċi għandna kultura reliġjuża. Imma ma taħsbux bħali li l-imġiba tagħna u l-attitudnijiet tagħna huma ħafna ’l bogħod minn dak li jrid il-Mulej Ġesù u minn dak li jippreskrivi l-Vanġelu? Għalhekk f’din is-sitwazzjoni, bħalma San Girgor ħass il-bżonn li jkun hemm ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, anke aħna li qed ngħixu din ir-realtà ma nistgħux ma nxandrux mill-ġdid il-Bxara ta’ Kristu, jekk irridu nġibu l-bidla”.

  • U jien, qed nilqa’ l-isfidi li titlob minni l-missjoni li nxandar lil Kristu fil-komunita’ fejn ngħix?
  • Qed nipprova nagħti servizz kif nista’ lill-komunita’ parrokkjali tiegħi?
  • Nuri rispett u sottomissjoni lejn is-saċerdoti li b’xi mod Alla ried jagħtini f’ħajti?
  • Nipprova nressaq lura lejn Alla lin-nies li tbiegħedu minnu?
  • Kemm ngħożż u nitlob għall-parroċċa u għall-parruċċani tiegħi b’impenn u b’fervur?

TalbaAgħti, Mulej lill-Knisja tiegħek l-ispirtu tal-qawwa u l-ħeġġa għall-ġustizzja li bihom żejjint lill-Papa San Girgor VII, biex hija twarrab il-ħażen u kull xkiel u tħabrek bl-imħabba għal kull ma hu sewwa. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/saint-gregory-vii/

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/pope-st-gregory-vii-699

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Pope_Gregory_VII

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.