2 ta’ Mejju: San Atanasju

Verżjoni Vidjo: San Atanasju

“Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-jum iħallasni l-Mulej, l-imħallef ġust, u mhux lili biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.” – 2 Timotju 4:7-8

3493509364_6380b6f22e_bSAN ATANASJU
Isqof u Duttur tal-Knisja
295 – 373

Tagħrif: San Atanasju twieled f’Lixandra, l-Eġittu, minn familja Nisranija, fis-sena 295. Il-qaddis irċieva edukazzjoni nisranija soda fl-iskola ta’ Alessandria u l-istudju tal-Bibbja kien għal qalbu ħafna. Sa minn żgħożitu huwa kien midħla tal-eremiti tad-deżert u dan kellu jkun providenzjali fl-eżilji li ġarrab għaliex ħafna minnhom ipproteġewh. Għal xi żmien kien dixxiplu ta’ San Anton Abbati, li wara kiteb il-ħajja tiegħu.

L-Isqof San Alessandru, Patrijarka ta’ Lixandra ordnah Djaknu fis-sena 318, u għażlu biex ikun segretarju tiegħu.

Fis-sena 323, Arju, qassis Lixandrin, beda jgħallem li Ġesù ma kienx Alla u li għalhekk il-Madonna mhix Omm Alla għax Ġesù kien biss raġel tajjeb mogħni b’bosta qawwiet.

Fis-sena 325, Atanasju flimkien mal-Isqof tiegħu, attenda l-Konċilju ta’ Niċea, f’Bitinja (illum fit-Turkija), fejn l-ereżija ta’ Arju ġiet ikkundannata, u ġie addottat il-Kredu Niċean bħala l-istqarrija tal-Fidi tal-Kattoliċi kollha.

Meta l-Isqof Alessandru miet, fis-7 ta’ April 328, Atanasju ġie maħtur floku, meta kellu biss 33 sena, fis-7 ta’ Ġunju, 328.

L-Imperatur Kostantino, li l-qorti tiegħu kienet influwenzata sew mill-Arjani, sejjaħ Konċilju fil-belt ta’ Tir, u għalkemm ta’ raġun lil Atanasju, eżiljah fil-belt ta’ Treviri, fil-Gallja (Franza ta’ Fuq), fis-sena 336. Atanasju baqa’ hemm sal-mewt ta’ Kostantino, fis-sena 337.

San Atanasju kien eżiljat ħames darbiet li b’kollox laħqu sbatax-il sena, (336-337), (339-346), (356-362), (362-363), (365). L-aħħar eżilju kien mill-Imperatur Valent, li għall-ewwel wera ruħu favur l-Arjani. Imma wara erba’ xhur sejjaħlu lura f’Lixandra, fejn San Atanasju baqa’ sakemm miet, ta’ 72 sena, fit-2 ta’ Mejju 373, wara li kien ilu Patrijarka ta’ Lixandra għal 46 sena.

Għall-kitba u t-tagħlim tiegħu kontra l-Arjani u fuq it-Trinità Qaddisa huwa magħruf bħala wieħed mid-Dutturi kbar tal-Knisja.

Ħsieb: San Atanasju sofra ħafna provi waqt li kien Isqof ta’ Lixandra. Huwa ngħata l-grazzja biex jibqa’ b’saħħtu kontra dak li probabbilment għal żmienu kienet oppożizzjoni insormontabbli. San Atanasju għex l-uffiċċju tiegħu bħala Isqof b’mod komplet. Huwa ddefenda l-fidi vera għall-merħla tiegħu, irrispettivament mill-prezz li kellu jħallas għalih innifsu. Fid-dinja tal-lum aħna qegħdin nesperjenzaw din l-istess sejħa – biex nibqgħu vera għall-fidi tagħna, irrelevanti l-prezz li jeħtieġ li nħalsu.

Fl-Uffiċċju tal-Qari tal-Liturġija tas-Sigħat insibu qari mill-ittra ta’ San Atanasju li fiha jiddefendi bis-sħiħ il-Maternità divina ta’ Marija. Infatti huwa jikteb: “Il-Verb ta’ Alla, jgħid l-Appostlu, mhux lill-anġli jrid jgħin, imma lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jixbah lil ħutu f’kollox, u jsir bniedem bħalna. Kien għalhekk li hu għażel lil Marija, biex permezz tagħha jieħu ġisem bħal tagħna, ġisem li jkun tassew tiegħu, u hekk joffrih għalina. L-Iskrittura tirrakkonta kif Marija tatu t-twelid u fisqietu. L-Anġlu Gabrijel, meta wasslilha l-aħbar, tkellem bir-reqqa u bil-għaqal: ma qalilhiex li fik jitwieled, biex ħadd ma jaħseb li l-bniedem li nisslet kien xi ħaġa barranija għaliha mqiegħda fiha, imma qalilha minnek jitwieled, biex kulħadd jemmen li dak li twieled kien tassew binha mnissel minnha.’’

F’din is-silta San Atanasju jiddefendi bis-sħiħ il-Maternità divina ta’ Marija. Ta’ min jixtarr il-kelmiet tiegħu li jgħid li l-anġlu tkellem bir-reqqa meta qalilha: “Minnek jitwieled” u mhux “fik jitwieled”. Huwa għamel din id-distinzjoni biex jistqarr li Marija hija tassew Omm Alla. Kien hemm xi eretiċi fosthom Nestorju li kienu jgħidu li Marija kienet dik il-persuna li welldet lil Ġesù u mhux li tnissel minn ġisimha. Marija hija msejħa mill-Padri tal-Knisja mhux biss Deipara (Dik li welldet lil Alla) imma anke Dei-Genetrice (Dik li nisslet lil Alla).

Huwa veru li Sidna Ġesù Kristu bħala Alla ma kellux bidu. Huwa kien qabel kull żmien. Marija tat ħajja lin-natura tiegħu ta’ bniedem u mhux lin-natura divina. Però dak li nisslet u welldet Marija huwa t-tieni persuna tat-Trinità Qaddisa u huwa Alla. Fi Kristu n-natura umana u dik divina, għalkemm mhumiex imħalltin ma’ xulxin iżda distinti, huma magħquda fil-persuna waħda divina tal-Iben ta’ Alla. Marija li nisslet lin-natura umana ta’ Kristu, Iben ta’ Alla hija tassew Omm Alla, u dan it-twemmin huwa domma ta’ fidi. Infatti kull bniedem ġie mwieled minn xi omm. Mingħandha hu ħa biss il-ġisem u mhux ir-ruħ li hija ta’ natura spiritwali. Ir-ruħ joħloqha Alla. Però xorta waħda jissejjaħ binha jew bintha. L-istess japplika għal Marija. Għad li Ġesù Kristu kellu d-divinità sa mill-Eternità huwa ħa minn Marija l-ħajja umana.

Il-Madonna bħala Omm Alla u Omm il-Knisja tridna li nkunu magħquda lkoll bejnietna familja u dinja waħda. Din hija x-xewqa tagħha bħala Omm. U għalhekk id-dinja kollha tħares lejn Marija fid-diversi santwarji u knejjes sbieħ iddedikati lilha bħalma naraw fil-Messiku, f’Sirakuża, f’Loreto, f’Santa Maria Maggiore, Saragossa, Monserrat, fl-Amerika t’isfel, fil-Filippini, fl-Indja, Lourdes, Fatima, Kroazja, Bosnia, Knock, Walsingham, Cszestochowa, Latvija, Awstrija, u fuq kollox f’Malta u Għawdex tagħna. Għalhekk Marija hi tassew Ommna lkoll: “Marija, min-naħa tagħha baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.’’ (Luqa 2:19).

  • U int, kif qed tikkumbatti l-ereżiji ta’ żminijietna?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, inti mlejt bil-qawwa lill-Isqof Sant’Atanasju biex b’għerf kbir jiddefendi l-verità li Ibnek huwa Alla; fil-ħniena tiegħek, agħtina li nifirħu bit-tagħlim u l-ħarsien tiegħu, u li dejjem iżjed nagħrfuk u nikbru fi mħabbtek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-athanasius.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-athanasius/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Athanasius_of_Alexandria

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut.

Advertisements