4 ta’ Mejju: San Ġwann Houghton u sħabu

Verżjoni Vidjo: San Ġwann Houghton u sħabu

“Min irid isalva ħajtu jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.” – Ġesù f’Mattew 16:25.

220px-John_HoughtonSAN ĠWANN HOUGHTON u sħabu martri
†1535

Tagħrif: San Ġwann Houghton kien Ingliż, minn Essex. Kien il-prijur taċ-Ċertosini ta’ Londra. Għax ħadha kontra r-Re Henry VIII, meta dan għamel lilu nnifsu l-kap tal-knisja fl-Ingilterra, ġie mgħallaq flimkien ma’ tlieta oħra (Santu Wistin Webster u San Robertu Lawrence, Ċertosini bħalu u San Rikardu Reynolds, patri ta’ Santa Briġida) f’Tyburn, Londra, fl-4 ta’ Mejju, 1535.

Dawn kienu l-ewwel martri tal-persekuzzjoni protestanta fl-Ingilterra. Meta kienu sejrin għall-martirju, San Tumas Moore rahom mit-tieqa tal-ħabs, hu miet ukoll martri ftit aktar minn xahrejn wara, u qal li kienu sejrin għall-mewt “ferħanin daqs l-għarajjes għat-tieġ tagħhom.”

Il-Beatu Papa Pawlu VI, ikkanonizzahom flimkien ma’ 36 martri oħra, Ingliżi u minn Wales, fil-21 ta’ Ġunju, 1970.

Is-36 martri l-oħra huma: it-tliet benedittini Alban Roe, Ambrose Barlow u John Roberts; l-10 Ġiżwiti, Edmund Campion, Robert Southwell, Alexander Bryant, David Lewis, Edmund Arrowsmith, Henry Morse, Henry Walpole, Nicholas Owen (Brother), Philip Evans u Thomas Garnet; iż-żewġ Franġiskani John Jones (osservant minn Wales) u John Wall (Rikollett); l-Agostinjan John Stone ta’ Canterbury; it-13-il qassis Djoċesan: John Southworth ta’ Westminster, Cuthberth Mayne, Edmund Genings, Eustace White, John Almond, John Baste, John Kemble, John Lloyd minn Wales, John Payne, John Plessington, Luke Kirby, Polydore Plasden u Ralph Sherwin; u s-seba’ lajċi, l-irġiel Philip Howard, Konti ta’ Arundel, Swithun Wells, John Rigby u Richard Gwynn minn Wales, u n-nisa Margaret Clitherow ta’ York, Anne Line u Margaret Ward. Flimkien magħrufin bħala l-40 martri tal-Ingilterra u ta’ Wales. Barra minn dawn l-40 mietu mijiet ta’ martri oħra fl-Ingilterra u Wales, li bosta minnhom huma wkoll beati.

Ħsieb:Min irid isalva ħajtu jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha” (Mattew 16:25). Nistgħu nifhmuha anki fi ħwejjeġ żgħar ta’ ħajjitna: meta ninsa lili nnifsi biex naqdi bil-qalb lil xi ħadd, inġarrab ċerta paċi u ferħ. “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu” (Atti 20:35). U l-esperjenza turina kemm hu minnu dan, meta ħabbejna bis-serjetà. Iktar ma jkun kbir is-sagrifiċċju biex naqdi, iktar ikun il-ferħ li nġarrab. (Fr. Harry Formosa, Sibt ’l Alla fid-Deżert)

Ġesù hu l-mudell per eċċellenza tal-ogħla mħabba: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” Din l-imħabba li Ġesù wera magħna; u jistenna li fir-relazzjoni tagħna miegħu nkunu mmotivati minn din l-istess kwalità ta’ mħabba. Ġesù ma jridx li nagħmlu l-affarijiet tajba biex sempliċiment inkunu għamilniehom, bħal per eżempju nattendu għall-quddiesa biex sempliċiment inkunu attendejna għaliha. Le, imma jrid li nattendu għall-quddies, nitqarbnu, nitolbu, nagħmlu karità, u kull att tajjeb ieħor, imqanqlin mill-imħabba tal-ħbiberija tagħna miegħu. Fil-Vanġelu Ġesù jsejħilna ħbieb. Li hu ħabibna hu privileġġ, unur u ta’ fejda mill-ikbar għalina. Jalla aħna nagħrfu nżommu ’l Ġesù bħala l-ikbar ħabib tagħna. (Dun Anton Sammut)

It-Tnejn 14 ta’ Mejju, 2018, fl-omelija tiegħu fid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku jgħid hekk:

“Bħala destin aħna rċevejna l-imħabba ta’ Ġesù. Din ma kinitx kumbinazzjoni għax il-vokazzjoni tagħna hi propju li nibqgħu ħbieb ta’ Ġesù. Aħna rċevejna dar-rigal bħala ‘destin’; il-ħbiberija ma’ Ġesù, din hi l-vokazzjoni tagħna, li ngħixu ħbieb ta’ Ġesù. L-Appostli kienu rċevew dar-rigal huma wkoll, aktar qawwi, imma l-istess bħal tagħna. Aħna l-insara lkoll irċevejna dar-rigal: li naslu sal-qalb ta’ Ġesù, għall-ħbiberija miegħu. Hu rigal li l-Mulej dejjem iħarsu għax hu fidil.

Però ħafna drabi aħna m’aħniex fidili, nitbiegħedu bi dnubietna, bil-kapriċċi tagħna. Iżda hu jibqa’ fidil lejn dil-ħbiberija. Fil-Vanġelu, Ġesù ma jsejħilniex aktar ‘qaddejja’ imma ‘ħbieb’. Dan Hu ma jinsiehx għax Hu fidil. Saħansitra ma’ Ġuda, għax l-aħħar kelma li jgħidlu qabel it-tradiment hi propju ‘ħabib’, ma jgħidlux ‘itlaq’l hemm.’

Ġuda mar ifittex id-destin ġdid tiegħu li hu għażel liberament, tbiegħed minn Ġesù. Din hi l-apostasija (iċ-ċaħda): li nitbiegħedu minn Ġesù. Ħabib li jsir għadu jew ħabib li jsir indifferenti jew li jsir traditur.

Minflok Ġuda jintgħażel Mattija, biex ikun xhud tar-Riżurrezzjoni, xhud ta’ din l-imħabba. Il-ħabib, hu dak li jafda s-sigrieti tiegħu mal-ieħor. “Sejjaħtilkom ħbieb għax dak li smajt mingħand Missieri għarraftu lilkom ukoll”, jgħid Ġesù fil-Vanġelu. Għalhekk din hi ħbiberija li rċevejna bħala destin tagħna bħalma kienu rċevewha Ġuda u Mattija.

Naħsbu ftit f’dan: Hu qatt ma jiċħad dar-rigal, jibqa’ jistenniena sal-aħħar. U meta aħna, minħabba d-dgħufija tagħna nitbegħedu minnu, Hu jibqa’ jistenna. Hu jkompli jgħid:

  • Ħabib, għadni nistennik.
  • Ħabib, xi trid?
  • Ħabib għaliex tittradini b’bewsa?

Hu fidil u aħna għandna dejjem nibqgħu nitolbuh il-grazzja li nibqgħu f’imħabbtu, nibqgħu fil-ħbiberija tiegħu, dik il-ħbiberija li aħna rċevejna bħala rigal mingħandu”.

Talba: O Alla, int ħlaqt il-bnedmin kollha u tajthom is-salvazzjoni, b’mod tal-għaġeb sejjaħt għall-fidi kattolika l-popli kollha u wassalt il-qaddisin martri San Ġwann Houghton u sħabu għall-istqarrija glorjuża tal-fidi; agħtina li, bl-eżempju u t-talb tagħhom, aħna wkoll iseħħilna nibqgħu sħaħ sal-mewt fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://catholicismpure.wordpress.com/2011/05/09/st-john-houghton-and-the-carthusian-martyrs/

Alternative Reading: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=27894&cid=54101&ecid=54101&crid=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/John_Houghton_(martyr)

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.