5 ta’ Mejju: San Nunzio Sulprizio

Verżjoni Vidjo: San Nunzio Sulprizio

“Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek,” u Ġesù wieġbu: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi.” – Luqa 23: 42-43

1532011679474SAN NUNZIO SULPRIZIO
1817 – 1836

Tagħrif: Twieled f’dar fqira f’Pesco Sansonesco (Pescara) fl-Italja minn ġenituri ta’ ħajja verament Nisranija. Semmewh Nunzio f’ġieħ il-Lunzjata. Tilef lil missieru meta kellu tliet snin; tliet snin wara mietet ukoll ommu.

Minħabba f’hekk ta’ sitt snin ġabritu magħha nanntu Anna-Rosa, mara twajba ta’ ħajja reliġjuża li għaliha l-quddiesa u r-rużarju ta’ kuljum kienu l-ewwel u qabel kollox. Minn ħoġorha beda jixrob l-ispiritwalità sempliċi u soda li tant kellu bżonn fil-mixja ta’ ħajja li għalih kienet qed tħejjih il-providenza.

Nanntu mietet meta hu kien għadu m’għalaqx is-seba’ snin, u għalhekk Nunzio mar jgħix ma’ zijuh ħaddied, li kien iebes ħafna miegħu. Kien iħaddmu ħafna, isawwtu, kien ikollu joqgħod fil-kantina jiġbed il-minfaħ tal-forġa u xi drabi jdejh imtlew bid-demm. Imma fost dan kollu Nunzio kien isib faraġ fit-talb u wasal biex iġarrab l-hena fit-tbatija.

Bilkemm kien jiekol sa jixba’; saħħtu bdiet sejra lura, irkopptu bdiet tintefaħ sa waslet biex infetħitlu ferita u ma kienx jista’ jimxi, u kellu huwa stess jagħmel krozza. Nunzio kien jinġabar fit-talb u joffri t-tbatijiet għall-midinbin.

Meta ntbagħat l-isptar it-tobba qatgħuha li ma kienx hemm fejqan għalih u għalhekk reġa’ ntbagħat lura d-dar, fejn kellu jgħix taħt il-kefrija ta’ zijuh li kien bniedem ta’ qalb iebsa.

Imma zijuh ieħor li kien jinsab Napli talab lill-Kurunell Karl Wochinger li beda jinteressa ruħu miż-żagħżugħ, u dan ħaseb biex iġibu fil-belt ta’ Napli u bagħtu l-ewwel fi sptar imbagħad ġabru miegħu fid-dar tiegħu stess.

Nunzio kien ilu jixtieq li jsir saċerdot u li jidħol f’kunvent fejn seta’ jinġabar iżjed fit-talb u l-meditazzjoni. Imma xewqtu ma ġietx mitmuma għax il-mard qarreb il-mewt tiegħu.

Miet fil-5 ta’ Mejju, 1836 meta kellu 19-il sena u 22 ġurnata. San Pawlu VI ddikjara lil Nunzio Sulprizio Beatu fl-1 ta’ Diċembru, 1963 u l-Papa Franġisku kkanonizzah fl-14 ta’ Ottubru, 2018.

Ħsieb: San Nunzio Sulprizio kien iħobb spiss jitkellem fuq il-ġenna, u lil kull min kien jagħmillu xi pjaċir, il-grazzi tiegħu kienet tkun: “La nkun il-ġenna niftakar fik u nitlob għalik.” L-aħħar ħaġa li talab qabel miet kien li jagħtuh f’idejh il-kurċifiss u, wara li rċieva l-aħħar sagramenti, b’ħarstu msammra fuq ix-xbieha tal-Madonna tal-Grazzji, lissen l-aħħar kelmiet tiegħu: “Il-Madonna! Araw kemm hi sabiħa …!”

Il-maġġoranza tal-qaddisin, b’mod speċjali dawk li, bħala dan il-qaddis żagħżugħ tal-lum, id-dinja tathom fuq wiċċhom bl-aħrax, kien ħsiebhom fil-ġenna, kienu jgħixu bil-ħsieb tal-ġenna u dan kien jagħtihom il-kuraġġ, il-faraġ u l-qawwa biex jaffaċċjaw kull taħbit. Minħabba l-ħsieb tal-ġenna, kull jum bi tbatijietu kien iġib miegħu it-tama, tama ta’ ħajja oħra, tal-veru ħajja, fejn it-tbatija li nkunu sofrejna b’attitudni nisranija, tissaraf fi ħlas kbir.

Il-Papa Franġisku, fl-omelija tas-Solennità ta’ Kristu Sultan, (24 ta’ Novembru, 2013) qal hekk:

“Kristu huwa ċ-ċentru tal-istorja tal-umanità, u wkoll iċ-ċentru tal-istorja ta’ kull bniedem. Lilu nistgħu nirreferu l-ferħ u t-tamiet tagħna, in-niket u d-dwejjaq tagħna li bihom hija mgħaġuna ħajjitna. Meta Ġesù huwa ċ-ċentru tagħna, il-mumenti wkoll l-aktar imdalma tal-eżistenza jiġu mdawla, u jagħtina tama, kif seħħ għall-ħalliel it-tajjeb tal-Vanġelu tal-lum.

Waqt li l-oħrajn kollha Jduru lejn Ġesù b’disprezz – “jekk Inti l-Kristu, ir-Re Messija, salva lilek innifsek u inżel mis-salib” , dak il-bniedem li kien żbalja f’ħajtu, fl-aħħar jitgħannaq niedem ma’ Ġesù Mislub u jitolbu: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Luqa 23, 42). U Ġesù jwiegħdu: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (v 43): is-Saltna tiegħu. Ġesù jlissen biss kelma ta’ maħfra, mhux waħda ta’ kundanna; u meta l-bniedem isib il-kuraġġ li jitlob maħfra, il-Mulej ma jħalli qatt tintilef talba bħal din.

Illum aħna lkoll nistgħu naħsbu fl-istorja tagħna, fil-mixja tagħna. Kull wieħed minna għandu l-istorja tiegħu; kull wieħed minna għandu wkoll l-iżbalji tiegħu, id-dnubiet tiegħu, il-mumenti hienja tiegħu u l-mumenti mdalma. Jagħmlilna tajjeb f’dan il-jum, naħsbu fl-istorja tagħna u nħarsu lejn Ġesù, u minn qalbna nirrepetu bosta drabi, imma minn qalbna, fis-skiet, kull wieħed minna: ‘Ftakar fija, Mulej, issa li qiegħed fis-Saltna tiegħek! Ġesù, ftakar fija għax jien irrid insir tajjeb, imma m’għandix qawwa, ma nistax: jiena midneb, jiena midneb. Imma ftakar fija, Ġesù! Inti tista’.’ Ejjew nagħmluh dan ilkoll, kulħadd f’qalbu, bosta drabi. ‘Ftakar fija, Mulej, Inti li int fiċ-ċentru, Inti li int fis-Saltna tiegħek!’

Il-wegħda ta’ Ġesù  lill-ħalliel it-tajjeb tagħtina tama kbira: tgħidilna li l-grazzja t’Alla hija dejjem aktar abbundanti mit-talba li tkun tennithielu. Il-Mulej jagħti dejjem aktar, huwa wisq ġeneruż, jagħti dejjem aktar minn dak li nitolbuh: itolbu jiftakar fik, u jwasslek fis-Saltna tiegħu! Ġesù huwa proprju ċ-ċentru tax-xewqat ta’ ferħ u ta’ salvazzjoni. Immorru lkoll flimkien f’din it-triq!”

  • U int, tgħix kull ġurnata bil-ħsieb tal-Ġenna li Alla wiegħed lil dawk li jduru lejH bi ndiema u li jgħixu dak li kkmandana?

Talba: Għażiż San Nunzio Sulprizio, inti wegħedt li meta tkun il-ġenna, titlob għal dawk li jkunu għadhom f’dan il-wied tad-dmugħ, nitolbuk għalhekk biex tiftakar fina lkoll biex b’talbek aħna wkoll ngħixu din il-ħajja bil-ħsieb tal-ġenna li jfarraġna. Ammen.  

English Version: https://dioceseoftrenton.org/news/blessed-nunzio-sulprizio-a-poor-kid-who

Alternative Reading: https://catholicsaintsguy.wordpress.com/2016/05/05/the-poor-kid-who-could-never-catch-a-break/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nunzio_Sulprizio

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements