6 ta’ Mejju: Beata Katerina Trojani

Verżjoni Vidjo: Beata Katerina Trojani

“Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nipprietka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.” – Ġesù  f’Mark 1:38

Beata_Caterina_Troiani_BBEATA KATERINA TROJANI
Reliġjuża
1813 – 1887

Tagħrif: Il-Beata Madre Marija Katerina Trojani ta’ Santa Roża ta’ Viterbo, twieldet f’Giuliano ta’ Ruma, provinċja ta’ Frosinone fid-19 ta’ Jannar, 1813 minn Tumas Trojani u Tereża Panici Cantone, ġenituri tassew għonja. Il-pajjiż dak iż-żmien kien jifforma parti mill-istati tal-Papa.

It-tifla ġiet mgħammda fl-istess jum tat-twelid fil-parroċċa ta’ Santa Maria Maggiore u ġiet mogħtija l-ismijiet ta’ Kostanza Duminka u Antonja.

Il-livell għoli tal-familja ta’ Kostanza, kien jippermetti ħajja komda u ferrieħa għal binthom. Iżda dan il-ferħ ma kellux għomor twil. Kellu jseħħ biss għal ftit snin għaliex in-niket u s-sofferenzi kellhom ikunu l-ħobża ta’ kuljum biex jifformaw sa miċ-ċokon il-karattru sod ta’ dik li kellha tkun Missjunarja.

Meta Kostanza kellha sitt snin, tilfet ‘l ommha fi traġedja. Telfa kbira bħal din swiet biex skolpiet ruħha fil-fond tal-qalb ta’ Kostanza u stampat fiha dak id-distakk komplet mid-dinja, li ma għandhiex u li qatt ma tista’ toffri l-veru hena tal-qalb.

Iz-zija, oħt ommha, bi ftehim mal-isqof, ġabret it-tifla abbandunata u fdatha lis-Sorijiet Għalliema tal-Monasteru ta’ Santa Kjara tal-Karità ta’ Ferentino li kienu ddedikati għat-tagħlim u l-edukazzjoni tal-bniet. Dawn is-Sorijiet rabbew b’tant ħeġġa u għożża lit-tifla fdata lilhom, u b’hekk Kostanza kibret twajba, mingħajr dwejjaq u kienet tħoss ġibda qawwija u gratitudni lejn dawk is-Sorijiet. Tassew ta’ min jinnota illi dawn is-Sorijiet edukaw il-qalb ta’ Kostanza. It-talenti li bihom Alla, għoġbu jżejjen lil din it-tfajla ġew maħduma b’tali mod li t-tifla wriet sa mill-bidunett l-intelliġenza formidabbli u t-tjubija speċjali li kienu jżejnu l-moħħ u l-qalb tagħha.

Din t-tifla, li sa miċ-ċokon ġiet ippruvata bin-niket, kienet ta’ sikwit issib is-serħan tal-qalb tagħha f’riġlejn l-Altar. Hemmhekk kienet titkellem ma’ Ġesù bħala l-uniku ħabib li kien jifhem il-ħtiġijiet u l-ħsibijiet tagħha. Hekk sa mill-bidu hija wriet spirtu ta’ ċaħda li kienet turih saħansitra waqt il-logħob mat-tfal sħabha. Kienet tkun dejjem pronta u minn tal-ewwel għas-sagrifiċċju u fix-xogħol. Don­nha kienet qiegħda tħejji ruħha minn dak il-ħin għax-xogħol kbir ta’ l-erwieħ li għalih kienet tħossha tant miġbuda u li kien qed jistennie­ha.

Il-Vokazzjoni Reliġjuża
It-tamiet sbieħ li l-Għalliema ta’ Ferentino kellhom f’Kostanza ma naqsux. Meta Kostanza kibret, ta’ sikwit, niesha kienu jgħidulha biex tħalli l-Monasteru u tieħu l-post tagħha fil-ħajja tad-dinja. Malli kellha ħmistax-il sena hija ddeċidiet li ssir soru fil-Kunvent fejn kienet trabbiet sa minn ċkunitha.

Fit-8 ta’ Diċembru, 1829, festa tal-Immakulata, l-isqof ta’ Feren­tino taha l-libsa Reliġjuża u l-isem ta’ Swor Marija Katarina ta’ Santa Roża.

Għaddiet is-sena tan-Novizzjat b’fervur kbir u malajr waslet għall-Professjoni u fit-18 ta’ Diċembru, 1830 Marija Katerina li kienet għadha ma għalqitx it-18 -il sena, wiegħdet ‘l Alla d-dedikazzjoni tal­-ħajja tagħha permezz tal-wegħdiet tas-Safa, Ubbidjenza u Faqar, għall-ġid ta’ l-erwieħ.

L-Isqof ta’ Ferentino, Monsinjur Ġużeppi Lais, kien għażilha għalliema tat-tfal u ta’ 18-il sena ġiet maħtura konsultatriċi, segretarja, arkivista, ekonoma tal-kunvent, kif ukoll Direttriċi ta’ dawk li kienu fil-formazzjoni. Hawnhekk għexet ta’ Soru Klarissa f’ambjent tassew fqir. Kienet titlob ta’ kuljum quddiem it-Tabernaklu u minn hemm hija kienet tieħu l-forza u l-għajnuna għax-xogħol li Alla kien irid minnha. Ta’ kuljum kienet tixgħel ġewwa qalbha dik il-fjamma tax-xogħol appostoliku f’dawk l-inħawi fejn il-kelma ta’ Kristu ma kenitx magħrufa.

Swor Marija Katerina għexet fil-Kunvent ta’ Santa Kjara sakemm kellha 46 sena. Għalkemm kienet ferħana ġewwa dan il-Kunvent, hija kienet sabet ruħha f’ambjent ta’ attività ristretta. Fil-qalb tagħha kienet tgħammar ix-xewqa ta’ xogħol missjunarju f’pajjiżi mbiegħda, qalb il-pagani biex tgħarraf id-dawl tal-Vanġelu.

Biex iżżid max-xewqa tal-ideal tagħha ta’ sikwit kienu jaslu l-ittri tal-kuġin tagħha Monsinjur Ġużeppi Bavieri li kien internunzju fl-Isvizzera. Kien huwa li introduċieha ma’ dik ir-ruħ kbira ta’ Pawlina dei Marchesi Nicolai, li darba minnhom marret iżżur lil Swor Katerina fil-Kunvent ta’ Ferentino u qaltilha dawn il-kelmiet: “Se nsiefer Ġerusalemm. Sejra nlestilek it-triq. Ftakar li l-post tas-Soru Franġiskana huwa ħdejn il-Kalvarju. Qabel ma tmut inti tara dar tagħkom f’Ġerusalemm.” U maż-żmien din il-profezija seħħet.

Il-Beata Katerina kellha tara dik il-profezija sseħħ meta fl-1885 il-Patrijiet Minuri fdaw f’idejn is-Sorijiet ta’ l-Eġittu l-orfanatrofju tal-bniet ta’ l-Art Imqaddsa.

FI-1851, il-Konfessur tas-Sorijiet ta’ Santa Kjara tal-Karità ta’ Ferentino, Patri Ġużepp Modena minn Sanremo, oratur famuż, tal-Patrijiet Franġiskani Minuri, mar jipprietka f’Lixandra ġewwa l-Eġittu. Waqt il-prietki tiegħu kellu okkażjoni li jiltaqa’ iktar minn darba mad-Delegat Appostoliku, Monsinjur Perpetuo Guasco. Dan kien ilmenta fuq in-nuqqas ta’ Sorijiet f’Lixandra u fil-Kajr, li kellhom ikunu mogħtija għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ, speċjalment dawk tal-Kolonja Taljana. Patri Ġużepp tkellem fuq is-Sorijiet ta’ Ferentino, dwar ix-xogħol bnin tagħhom mat-tfajliet u ssuġġerixxa lid-Delegat biex jibgħat għal grupp minnhom.

Ir-rebħa fuq id-diffikultajiet
L-lsqof malajr laqa’ l-proposta; imma dlonk ippreżenta d-diffikultajiet bla għadd li magħhom kellhom jiltaqgħu biex jirnexxu skont il-ħsibijiet tiegħu. “Jeħtieġ it-talb. Nitolbu nitolbu,” żied jgħid id-Delegat. Hekk Patri Ġużepp, meta reġa’ lura lejn Ferentino, kien bil-ħsieb li jkellem lis-Sorijiet. Wasal fl-1852, kellem is-Sorijiet kollha iżda l-proposta ma ġietx milqugħa b’entużjażmu mis-Sorijiet kollha. lżda Swor Katerina laqgħet l-istedina mingħajr kundizzjonijiet u minnufih. Il-ħolma ta’ ħafna snin fil-ħajja Missjunarja kienet se tiġi realizzata. Il-Missjunarja l-ġdida riedet titlaq lejn l-Eġittu mill-aktar fis; iżda d-Delegat Appostoliku xtaq li l-ideal Missjunarju jiġi milqugħ mill­-biċċa l-kbira tas-Sorijiet. Għalhekk kien iżomm korrispondenza mal-­kunvent u jħajjar lis-Sorijiet biex jilqgħu l-istedina, billi jippreparaw ruħhom għal din is-sejħa waqt li jżommu sħiħ u bla mittiefes l-Ispirtu Franġiskan.

Madre Katerina kellha Fidi straordinarja li mlietha b’kull għajnuna meħtieġa; iżda, is-siegħa ta’ Alla kienet għadha ma waslitx u kellhom jgħaddu seba’ snin twal ta’ preparazzjoni qabel ma setgħet taqta’ x-xewqa tagħha.

Malli qalgħet il-permessi meħtieġa mill-Isqof ta’ Ferentino, mid­-Delegat Appostoliku ta’ l-Eġittu, mill-Ordni tal-Patrijiet Minuri, u mill-Kustodja tal-Art Imqaddsa, flimkien ma’ l-awtorizzazzjoni tat-Tixrid tal-Fidi, Swor Marija Katerina ta’ Santa Roża organizzat il-vjaġġ u flimkien ma’ erba’ Sorijiet oħra, fil-25 ta’ Awwissu, 1859, ħallew Ferentino. Huma marru Ruma u minn hemm telqu għal Citavecchia biex siefru lejn l-Eġittu għall-Missjoni tant mixtieqa.

Id-distakk mill-belt tagħha, mill-Kunvent li kien raha tifla ċkejkna fejn ħalliet tant tifkiriet u tant erwieħ maħbuba, kien tassew okkażjoni ta’ sofferenza għaliha. B’dana kollu hija kellha kuraġġ kbir u bi kliemha ħelu u persważiv irnexxielha tnissel fil-qalb tal-ġeni­turi tas-Sorijiet sħabha, tama u ferħ.

Clot Bey: L-ewwel Dar
Il-vjaġġ lejn l-Eġittu kien tajjeb u kalm sa meta waslu Malta. U hawnhekk bħal sajjetta fil-bnazzi kienet waslet l-aħbar tal-mewt ta’ Monsinjur Guasco: dak li kien bagħat għas-Sorijiet biex imorru l-Missjoni fl-Eġittu; hu miet fl-istess jum li s-Sorijiet kienu ħallew il-kunvent tagħhom ta’ Ferentino.

Kienet din l-okkażjoni li xeħtet fidi kbira fil-qalb ta’ Madre Katerina. Soda fil-prinċipji tagħha, emmnet li aktar ma tonqos l-għajnuna tal-bniedem, iktar qrib hemm Alla. Għalhekk flimkien ma’ Patri Ġużepp bdiet timla bil-kuraġġ lis-Sorijiet l-oħra u hekk il-vjaġġ intemm bl-istess fervur u entużjażmu kif kien inbeda. Hija żiedet tgħid: “Alla sejħilna permezz tal-Monsinjur li mis-sema sejjer jieħu ħsiebna u hemm ikollu qawwa iktar kbira milli seta’ kellu fuq l-art.”

Madre Katerina flimkien mas-Sorijiet l-oħra niżlu f’Lixandra tal-Eġittu fil-11 ta’ Settembru, 1859 u fl-14 ta’ l-istess xahar daħlu l-Kajr. Ġew milqugħin bħala strumenti mibgħuta mill-Providenza. Il-Patrijiet Franġiskani wassluhom sal-Knisja. Wara talb ta’ Ringrazzjament lil Alla, huma ħadu lis-Sorijiet fil-kwartier fqir ta’ Clot Bey u mbagħad tawhom id-dar li kienet mixtrija għalihom minn Patri Ġużepp Modena.

Opra Kbira mat-Tfal
Malli xterdet l-aħbar li kien sejjer jinfetaħ pensjonat u skola b’xejn għall-bniet ta’ kull ġens, is-Sinjura Govannina Walmassi u ħuha Feliċ marru għand is-Sorijiet ta’ Clot Bey u qalulhom: “Se nġibu tifla żgħira li adottajna. Hija musulmana, iżda nixtiequ nafdawha lilkom biex tedukawha fit-twemmin Kattoliku.”

Minn xi żmien Giovanni Battista Olivieri u Biagio Verri, saċerdoti żelanti ħafna kienu ddedikaw ruħhom għar-riskatt tat-tfal ilsiera. Imbagħad, huma kienu jedukawhom fir-Reliġjon Kattolika u jgħammduhom. Biex iżidu man-numru ta’ dawn l-erwieħ ta’ sikwit dawn is-saċerdoti kienu jmorru fl-Ewropa biex jiġbru flus għar-riskatt tagħhom.

Dan Biagio Verri offra dan ix-xogħol lil Madre Katerina illi flimkien mal-Badessa u s-Sorijiet l-oħra laqgħu bil-ferħ dan ix-xogħol ta’ Appostolat.

Id-dar ta’ Clot Bey malajr saret iċ-ċentru ta’ l-opra tat-tfal Madre Katarina u s-Sorijiet urew tant imħabba u delikatezza lejn dawn it-tfal abbandunati. Kienu ta’ sikwit imorru huma stess ifittxu t-trabi mormijin mill-ġenituri tagħhom. Kienu jgħammduhom malajr meta ma kienux jistgħu jsalvawhom. L-oħrajn kienu jgħallmuhom u meta ma kienx ikun possibbli li jsibulhom xogħol diċenti fil-pajjiż, huma kienu jeħduhom fl-Ewropa f’Istituti differenti.

Madre Katerina kellha mħabba tenera lejn dawn it-tfal żgħar abbandunati. Kienet isservihom hija stess. Kellha ssofri ħafna għall-manteniment tagħhom. Ta’ sikwit kienet toħroġ fit-toroq għalihom. U meta l-għaks beda jinħass fil-Komunità hija kienet dejjem issib soluzzjoni għal din il-problema. Kienet tgħid sikwit: “San Ġużepp jipprovdi.” B’din it-tama f’qalbha kienet tgħid: “San Ġużepp, hu ħsieb: M’għandi xejn x’nagħti lis-Sorijiet u lit-tfal.” U l-affarijiet meħtieġa kienu jaslulhom bil-bosta aktar milli kellhom bżonn. Wara ħafna talb lis-Sagra Familja Madre Katerina ddeċidiet li tmur quddiem il-Viċi re tal-Eġittu u titolbu biex jagħtiha l-ħobż għal dawk it-tfal. Hekk, fit-3 ta’ Lulju 1863, kellha udjenza mal-Kedive Ismail Pascià. Dan, wara li ħa d-dettalji tax-xogħol tas-Sorijiet fl-Eġittu staqsiehom: “X’titolbuni?” “Eċċellenza,” wieġbet Madre Katerina, “Aħna neħtieġu saqaf u ħobż.” “Dan tridu intom?” issokta jsaqsi l-Pascià. “Iva Eċċellenza,” wieġbet.

U l-Kedive qal: “Mil-lum ‘il quddiem jien inkun il-missier tagħkom.”

U wara xahrejn il-Kedive ta biċċa art kbira lil Madre Katerina u kwantità ta’ qamħ kull sena.

Ħarsien ta’ San Ġużepp
U San Ġużepp kien u għadu l-Protettur tal-Kongregazzjoni. Jingħad li meta Madre Katerina irnexxielha tibni Knisja fil-Kunvent Clot Bey, it-titular ma setax ikun ieħor jekk mhux San Ġużepp. U hawnhekk ikollna nirrakkontaw fatt li huwa tassew misterjuż. Madre Katerina kienet tixtieq ħafna kwadru ta’ San Ġużepp, biex tkun tista’ tqiegħdu fuq l-altar, biex tnissel devozzjoni kbira. Iżda d-distanza mill-Eġittu għall-Italja, u l-finanzi ma kienu qatt jipper­mettu. Bħas-soltu, bit-talb tagħha, hi għelbet kull ostaklu. Talbet u qalgħet. Fejn il-bieb tal-Kunvent, is-Sorijiet sabu kaxxa kbira tal-mer­kanzija; fuqha kien hemm miktub: “Is-Sorijiet ta’ Clot Bey.” Ħadd ma kien għamel l-ordni, u ħadd ma kien kiteb lis-Sorijiet fuq dan kwadru. X’se jagħmlu? Indirizz żbaljat? Wara ħafna tfittix, is-Sorijiet fetħu l-kaxxa u dak li kien hemm ġewwa fiha, kien għalihom ta’ sorpriża tal-għaġeb. Kien hemm kwadru sabiħ ta’ San Ġużepp, fuq it­-tila, li kien juri il-mewt ta’ San Ġużepp. Għadda ż-żmien, u ħadd ma mar jirreklama dan l-inkwatru meraviljuż. Hekk qegħduh fuq l-altar fejn sal-lum huwa oġġett ta’ venerazzjoni u devozzjoni.

Twelid tal-Franġiskani tal-Eġittu
U t-tama ta’ Madre Katerina ma tiqafx hawn, il-fidi tagħha fil-­Patroċinju ta’ San Ġużepp kienet rabbiet għeruq profondi u x-xogħol tagħha kompla jikber. Fi Clot Bey in-numru tat-tfal issokta jiżdied; u żdiedet ukoll in-neċessità li wieħed jipprovdi għall-iltiema ta’ bnadi oħra u li tieħu l-inizjattiva li tgħin fix-xogħol tal-Appostolat. Beda jiġri illi dawk is-Sorijiet li kienu nqatgħu mill-Klawsura Taljana saru mdaħħla fiż-żmien, u ma kienux iktar biżżejjed biex ilaħħqu max-xogħol li kien sejjer jitkattar u jinfirex ma’ ħafna bnadi. Minn din is-sitwazzjoni, inħoloq il-ħsieb li jitwaqqaf Istitut ġdid b’fisjonomija u skopijiet propri. Inġabru tfajliet mill-Italja, mill-Eġittu u mill-Palestina. Il-Vokazzjonijiet kotru minnufih; hekk f’qasir żmien twaq­qfet il-Kongregazzjoni ġdida bl-awtonomija tagħha; b’regola u Kos­tituzzjonijiet aktar adatti għax-xogħol li kien inħoloq. Biex tħaffef il-permessi u d-dokumenti, Madre Katerina marret Ruma fl-1868; u rnexxielha f’qasir żmien. Fl-istess sena l-Istitut ġie mwaqqaf kanoni­kament taħt i-isem tas-Sorijiet Franġiskani Missjunarji tal-Eġittu.

B’hekk Madre Katerina setgħet tilqa’ kull inizjattiva għall-ġid għaliex kienet konvinta li l-firxa kienet tiżgura xogħol għal żmien twil. U hekk, b’kuraġġ u fidi soda, bdiet tiftaħ orfanatrofji, skejjel, postijiet ta’ tagħlim tal-Katekiżmu u kull għajnuna missju­narja: u mhux biss fil-Kajr u fl-Eġittu. Illum is-Sorijiet Franġiskani jin­stabu fl-Afrika, fl-Asja, fl-Ewropa, fl-Amerika ta’ fuq u t’Isfel, fl-Art Imqaddsa u f’Malta.

Hija talbet u qalgħet udjenza mingħand il-Papa Piju IX. Mixtieqa li jkollha dar f’Ruma hija kellmet il-Papa dwar ix-xogħol tagħha fl-Eġittu u tat relazzjoni dettaljata dwar l-attività ġewwa l-Kajr. Fit-tmiem tad-diskors il-Papa li kien sema’ kollox b’tant attenzjoni ma tax lill-Istitut dar f’Ruma iżda minn dak il-ħin huwa wegħedha għaxar skudi fix-xahar biex tħallas il-kera. Ma nistgħux niddeskrivu l-ferħ tas-Serva ta’ Alla. Wieħed jista’ jgħid li x-xogħol ta’ Madre Katerina kien espressjoni tal-fjamma ta’ mħabba li kienet tixgħel fil-qalb tagħha u li kienet timla b’tant kuraġġ kull azzjoni tal-jiem tagħha.

Sa mill-ewwel snin tal-ħajja reliġjuża, hi kienet tħobb ħafna l-ħajja interjuri, f’talb kontinwu u unjoni intima ma’ Alla, riedet u xtaqet li wliedha wkoll jidraw jagħmlu teżor minn kull sekonda li jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom, u jibqgħu dejjem fidili lejn Alla.

Il-Mewt ta’ Omm il-Fqar
Madre Katerina issa kienet xjieħet u daħlet fiż-żmien; għalhekk kienet tħoss ħafna n-nuqqas ta’ forzi.

FI-24 ta’ Marzu, 1887, lejliet il-Lunzjata, Madre Katerina kienet gravi ħafna. FI-10 ta’ April tal-istess sena hi rat kif għamlet biex tmur għall-Quddiesa mas-sorijiet, iżda filgħaxija irtirat għal dejjem. Għalxejn ma swew ir-rimedji ta’ tobba bravi; il-mard kien daħal ‘il ġewwa u s-siegħa tal-firda u l-premju kienu tassew waslu.

Fis-6 ta’ Mejju, 1887, Madre Katerina rċeviet b’ħerqa u devozzjoni l-aħħar Vjatku. Damet miġbura ħafna fit-talb u fil-ħdax ta’ filgħodu, wara li kienet tat daqqa t’għajn fuq kull soru li kien hemm preżenti, ir-ruħ tagħha taret lejn Alla.

“Mietet Omm il-fqar;” ingħad fuq il-gazzetta tal-Eġittu waqt li funeral twil wassal lil Madre Katerina mill-Kunvent għaċ-Ċimiterju. Fil-korteo kien hemm ir-rappreżentanti tal-Gvern Eġizzjan u l-Konsli ta’ ħafna nazzjonijet. Ix-Xiżmatiċi wkoll tħalltu mal-folla li dehret li kienet tħossha mbuttata minn forza misterjuża biex tqim soru tant ħelwa u twajba li kienet għexet biex tagħmel il-ġid ma’ kulħadd. “Qatt ma nibku biżżejjed lill-Madre Katerina. L-Omm tal-fqar mhux hawn iżjed.” Hekk temmet il-gazzetta.

lżda ħaġa iktar intima turina wkoll il-mewt ta’ Madre Katerina. Għal jum sħiħ kienet esposta għall-poplu li kien jimbotta u jross biex imur ibusha għall-aħħar darba. It-tfal tal-iskejjel u t-tfal iltiema kienu kemm. Kulħadd kien bid-dmugħ f’għajnejh.

F’qabar sempliċi, niżel il-ġisem ta’ Madre Katerina. Dawn huma il-kelmiet li ġew miktuba: “Hawn jistrieħ l-għadam ta’ Swor Marija Katerina ta’ Santa Roża ta’ Viterbo. Twieldet f’Giuliano ta’ Ruma fl-1813. Mietet fil-Kajr fis-6 ta’ Mejju fl-1887. Superjura Ġenerali u Fundatriċi tas-Sorijiet Franġiskani Missjunarji tal-Eġittu.” Kliem sempliċi li jfakkar isem u dati. Iżda jgħidu kollox: is-sbuħija bla tebgħa ta’ ruħ umli li għarfet tgħix biss għal Ġesù u għat-tixrid tar-renju Tiegħu. Nhar l-14 ta’ April, 1985 il-Papa San Ġwann Pawlu II niżżel l-isem ta’ Madre Katerina fil-lista tal-Beati.

Ħsieb: Inkwantu Malta, id-dar tal-Birgu kienet l-aħħar dar li waqqfet Madre Katerina. Is-Sorijiet tal-Eġittu kienu ilhom magħrufa f’Malta, Swor Ludovika, Swor Carmela, u Swor Ewġenja kienu ħallew lix-xtut Maltin biex jingħaqdu mas-Sorijiet l-oħra fi Clot Bey. Sadattant, is-Sorijiet l-oħrajn kienu ta’ sikwit jinżlu hawn biex jitolbu għajnuna għall-Opra b’risq it-tfal orfni. Hekk inħolqot l-atmosfera adatta biex tinfetaħ dar f’dan il-­post. L-Arċisqof bagħat telegramm lill-Madre Katerina u talabha biex tiftaħ dar f’Malta. Xewqa bħal din dehret wisq popolari qalb il-Maltin ta’ dak iż-żmien.

L-ewwel dar li nfetħet kienet f’Ħaż-Żabbar u mbagħad infetħet dik tal-Birgu. Fit-23 ta’ Ottubru, 1931, is-sorijiet bdew l-opra tagħhom fi Triq Maitland, il-Ħamrun. Fid-19 ta’ Marzu, 1935, festa ta’ San Ġużepp daħlu fil-kunvent il-ġdid fejn jinsabu llum.

L-iskola tal-Ħamrun inbniet wara talba mill-ministeru Taljan tal-affarijiet barranin li kien wiegħed sussidju kull sena b’risq dan l-impenn u t-tagħlim li kien meħtieġ. Meta waslu biex jiftħu l-iskola, il-gvern Ingliż ma tax il-permess li tinfetaħ. Dan ġara minħabba s-sitwazzjoni politika, anki għaliex mal-lingwa Ingliża u Franċiża, ħjata, rakkmu, mużika u pittura kienu sa jgħallmu wkoll il-lingwa Taljana. Wara ħafna talb u noveni u bil-għajnuna ta’ xi ħbieb, fl-aħħar il-permess ingħata u l-iskola nfetħet.

Naqraw fil-kronaka li f’dan iż-żmien is-sorijiet kellhom jissellfu xi flus biex jgħixu. L-istorja tas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, hija tifkira mimlija kuraġġ u sfidi. Tifkira ta’ dak l-ispirtu missjunarju tal-istess Beata Katerina Trojani li għadu ħaj kull fejn is-sorijiet taw il-ħidma tagħhom. Tifkira ta’ dak l-ispirtu Franġiskan fis-sempliċità tiegħu, spirtu ta’ sagrifiċċju u dedikazzjoni.

Fis-sena 1950, is-Sorijiet Franġiskani tal-Eġittu ħadu isem ġdid li hu iżjed universali, u bla ebda rabta partikulari ma’ pajjiż wieħed. Huma bdew jissejħu “Franġiskani Missjunarji tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija.”

Dawn id-djar tal-Birgu u tal-Ħamrun kienu ċentri ta’ vokazzjoni­jiet Franġiskani. U llum dawk li, sa ftit żmien ilu, kienu studenti fil-klassijiet saru huma Missjunarji qalbiena u qed jaħdmu iebes u fis-sod fil-Qasam tal-Mulej imxerrdin u mifruxin fl-erbat irjieħ tad-dinja. F’dawn l-aħħar snin id-dar tal-Birgu ngħalqet iżda s-sorijiet fetħu oħra f’Baħar iċ-Ċagħaq.

Attwalment is-sorijiet għandhom żewġ kunventi qrib il-patrijiet, jiġifieri l-Ħamrun u issa dik reċenti f’Baħar iċ-Ċagħaq. Fil-Ħamrun huma jmexxu skola li tilqa’ fiha aktar minn 600 studenta.

Barra il-ħidma tagħhom f’Malta, il-Franġiskani Missjunarji tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija għandhom għadd ta’ sorijiet li qed jagħti is-servizz missjunarju tagħhom barra minn Malta: fl-Eġittu, fil-Għana, fil-Ġordanja, fl-Iraq, f’Iżrael, fl-Italja u fl-Amerika.

Sal-ġurnata tal-lum, ħafna sorijiet, patrijiet u lajċi, b’serjetà kbira ddedikaw u qed jiddedikaw ħajjithom għall-edukazzjoni kemm nisranija u akkademika ta’ ħafna żgħażagħ biex bħala ċittadini Maltin isibu posthom fis-soċjetà ta’ żmienhom u jagħmlu unur lil Malta.

  • U int, għaraft kif tista’ u kif qed isejjaħlek il-Mulej biex tkun ta’ ġid għal ħaddieħor?
  • X’inhi l-ħidma jew il-missjoni li qed twettaq fil-Knisja llum: fil-familja, fil-komunità parrokkjali jew f’xi lok ieħor?

Talba: O Mulej, fil-providenza tiegħek, int sejjaħt lill-Beata Katerina Trojani biex tieħu ħsieb tat-tfal u ż-żgħażagħ foqra u f’diffikultà fl-Eġittu, għat-talb tagħha, agħtina sensittività akbar lejn il-bżonnijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lum, hekk li naslu biex ngħaddulhom dak kollu li hu ta’ ġid għalihom biex nagħtuhom futur ta’ nsara tassew. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://catholicsaints.info/blessed-maria-catalina-troiani/

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=7113

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Maria_Caterina_Troiani

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa ta. Swor M. Alfonsina Rapa.