7 ta’ Mejju: Santa Roża Venerini

Verżjoni Vidjo: Santa Roża Venerini

“L-edukazzjoni nisranija tfittex li l-insara jitgħallmu jaduraw ‘l Alla Missier fl-ispirtu u l-verità (cf. Ġw 4,23), l-aktar fl-azzjoni liturġika, u jitħejjew biex ifasslu ħajjiethom skont il-bniedem il-ġdid fil-ġustizzja u l-qdusija li ġejja mill-verità (cf. Ef 4, 22-24).” – Gravissimum Educationis Paragrafu 1.

d04dabb0a1f4f981b3c7aae7af46ff09SANTA ROŻA VENERINI
1656 – 1728

Tagħrif: Twieldet f’Viterbo fejn missierha kien tabib. Meta kienet għadha tifla għamlet wegħda li ssir reliġjuża, iżda meta tfarfret bdiet tagħti l-lala għal ħafna ġibdiet kuntrarji u anki bdiet tipprepara biex tiżżewweġ. Iddeċidiet li twettaq il-wegħda ta’ tfulitha meta l-għarus tagħha miet għall-għarrieda.

Daħlet mas-sorijiet Dumnikani tal-istess belt meta kellha 17-il sena. Hi kellha tmur lura darha ftit xhur wara minħabba l-mewt ta’ missierha biex tieħu ħsieb lil ommha li kienet marida ħafna.

Filgħaxija kienet tiġbor xi nisa biex jgħidu r-rużarju u bdiet ukoll tgħallimhom it-tagħlim Nisrani. Taħt id-direzzjoni ta’ saċerdot Ġiżwita, fl-1685 Roża fetħet l-ewwel skola tagħha f’Viterbo, bla ħlas. Bid-don li kellha biex tħarreġ oħrajn biex jgħallmu, hi fetħet skejjel bnadi oħra.

L-isqof ta’ Montefiascone sejħilha fid-djoċesi tiegħu fejn iltaqgħet ma’ Santa Luċija Filippini u għenitha twaqqaf l-ewwel skola tagħha f’dik il-belt. It-tnejn saru ħbieb kbar ta’ xulxin. Sentejn wara, fl-1687, reġgħet lura lejn Viterbo fejn hi u sħabha ffurmaw kongregazzjoni reliġjuża ta’ sorijiet. Roża waqqfet djar oħra, fosthom waħda f’Ruma, fejn mar iżurha l-Papa Klement XI u anki bierek u approva l-kongregazzjoni u l-ħidma tagħha.

Wara aktar minn 40 sena ta’ xogħol iebes u vjaġġi diffiċli, Roża Venerini mietet f’Ruma fid-dar ta’ San Mark fis-7 ta’ Mejju, 1728 fl-għomor ta’ 72 sena. Meta mietet kellha erbgħin dar tal-istitut tagħha miftuħin fi 17-il djoċesi. Santa Roża Venerini kienet iddikjarata beata minn Piju XII fl-4 ta’ Mejju, 1952. Iddikjaraha qaddisa l-Papa Benedittu XVI fil-15 ta’ Ottubru, 2006. Is-sorijiet tagħha, magħrufa bħala Maestre Pie Venerini, jgħoddu madwar 400, u jinsabu fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, kif ukoll f’xi artijiet tal-missjoni.

Ħsieb: Santa Roża Venerini, fehmet li l-edukazzjoni u t-tagħlim tal-katekiżmu kienu fost l-aktar importanti u neċessarji għas-soċjetà. Dan jgħodd għal kull żmien fl-istorja tal-bniedem.

Fid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II dwar L-Edukazzjoni Nisranija Gravissimum Educationis (28 ta’ Ottubru, 1965) insibu dan li ġej:

“Il-jedd ta’ kull persuna għall-edukazzjoni – X’inhi l-edukazzjoni
1. Il-bnedmin kollha ta’ kull razza, kundizzjoni u età, għaliex huma mżejna bid-dinjità ta’ persuna, għandhom il-jedd inaljenabbli għal edukazzjoni li tkun twieġeb għall-iskop tagħhom, għax-xeħta tagħhom u għad-differenza fis-sess, li tkun addattata għall-kultura u għat-tradizzjonijiet li intirtu minn missier għal iben, u li tkun fl-istess ħin miftuħa għall-għajxien flimkien ma’ popli oħra u li ġġib ‘il quddiem l-għaqda u l-paċi fid-dinja. Edukazzjoni vera tfittex li tifforma l-persuna umana biex tilħaq l-ogħla skop tal-bniedem u fl-istess ħin tilħaq il-ġid tas-soċjetajiet li tagħhom il-bniedem huwa membru u fihom ikollu, meta jikber, xi dmirijiet x’jaqdi.

Għalhekk it-tfal u l-adolexxenti għandhom ikunu megħjuna biex, skont il-progress li sar fix-xjenzi tal-psikoloġija, tal-pedagoġija u tal-metodi tat-tagħlim, jiżviluppaw b’mod armoniku d-doni fiżiċi, morali u intellettwali tagħhom. B’hekk huma jiksbu bil-mod il-mod sens ta’ responsabbiltà aktar matura waqt li bi sforz kontinwu jfittxu li jgħollu kif jixraq il-ħajja tagħhom u bil-kuraġġ u bil-kostanza jiksbu l-vera libertà. Waqt li qed jikbru huma għandhom jingħataw bil-prudenza kollha edukazzjoni sesswali pożittiva. Barra minn hekk għandhom jitħarrġu biex jieħdu sehem fil-ħajja soċjali b’mod illi jkollhom il-mezzi meħtieġa u xierqa biex jieħdu posthom attivament fl-isferi differenti tal-komunità umana, ikunu miftuħa għad-djalogu mal-oħrajn u jagħtu bil-qalb il-kontribut tagħhom biex iġibu ‘l quddiem il-ġid komuni.

Hekk ukoll il-Konċilju Mqaddes jiddikjara li t-tfal u l-adolexxenti għandhom il-jedd li jkunu megħjuna biex jagħrfu b’kuxjenza retta l-valuri morali, iħaddmuhom b’għażla tagħhom personali u jagħrfu u jħobbu ‘l Alla b’perfezzjoni akbar. Għalhekk il-Konċilju jitlob bil-ħerqa lil dawk kollha li għandhom f’idejhom il-gvern tal-popli jew li huma responsabbli għall-edukazzjoni illi jieħdu ħsieb illi ż-żgħażagħ ma jkunu mċaħħda qatt minn dan il-jedd imqaddes. Il-Konċilju jħeġġeġ ‘l-ulied kollha tal-Knisja biex jaħdmu b’ġenerożità fil-qasam edukattiv kollu l-aktar bl-iskop illi mill-aktar fis il-ġid kbir tal-edukazzjoni u tat-tagħlim jilħaq lill-bnedmin kollha f’kull rokna tad-dinja.

L-edukazzjoni nisranija
2. L-insara kollha li permezz ta’ twelid mill-ġdid bl-ilma u bl-Ispirtu s-Santu saru ħlejqa ġdida u jissejħu, u fil-fatt saru, ulied Alla, għandhom il-jedd li jirċievu edukazzjoni nisranija. Din l-edukazzjoni mhux biss tfittex li tagħti lill-persuna umana dik il-maturità li għadna kif semmejna, iżda tfittex l-aktar li l-imgħammdin jitwasslu bil-mod il-mod biex jagħrfu l-misteru tas-salvazzjoni u jiksbu dejjem iżjed kuxjenza tad-don tal-fidi li huma rċevew. L-edukazzjoni nisranija tfittex li l-insara jitgħallmu jaduraw ‘l Alla Missier fl-ispirtu u l-verità (cf. Ġw 4,23), l-aktar fl-azzjoni liturġika, u jithejjew biex ifasslu ħajjiethom skont il-bniedem il-ġdid fil-ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verità (cf. Ef 4, 22-24); b’hekk huma jsiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu, fihom isseħħ il-milja ta’ Kristu (cf. Ef 4,13) u jagħtu sehemhom biex jikber il-Ġisem mistiku. Barra minn dan, b’din l-edukazzjoni nisranija, meta l-insara jagħrfu iżjed is-sejħa tagħhom, huma jitħarrġu li jkunu xhieda tat-tama li hemm fihom (cf. 1 Piet 3,15) u wkoll li jgħinu fit-trasformazzjoni nisranija tad-dinja li biha l-valuri naturali, meħudin fil-perspettiva sħiħa tal-bniedem mifdi minn Kristu, jiswew għall-ġid tas-soċjetà kollha. Għalhekk dan il-Konċilju Mqaddes ifakkar lir-rgħajja tal-erwieħ id-dmir l-aktar gravi li għandhom li jagħmlu minn kollox biex l-insara kollha, l-aktar iż-żgħażagħ, li huma t-tama tal-Knisja, jirċievu din l-edukazzjoni nisranija.

Dawk li huma responsabbli għall-edukazzjoni
3. Il-ġenituri li taw il-ħajja ‘l uliedhom, għandhom id-dmir l-iżjed gravi li jedukawhom u għalhekk għandhom jitqiesu bħala l-ewwel u l-aqwa edukaturi tagħhom. Dan id-dmir ta’ edukazzjoni tal-ġenituri huwa hekk importanti illi fejn jonqos mhux lakemm timla l-vojt li jħalli. Għaliex il-ġenituri għandhom joħolqu atmosfera fil-familja mimlija mill-imħabba u t-tjieba lejn Alla u lejn il-bnedmin li twassal għal edukazzjoni sħiħa ta’ wliedhom kemm fis-sens personali kemm fis-sens soċjali. Għalhekk il-familja hija l-ewwel skola tal-virtujiet soċjali li s-soċjetajiet kollha jeħtieġu. Iżda huwa l-iżjed fil-familja nisranija, li hi mogħnija bil-grazzja u bil-missjoni taż-żwieġ sagrament, illi l-ulied għandhom ikunu mgħallma, sa minn ċkunithom, li jagħrfu u jqimu ‘l Alla u jħobbu ‘l-proxxmu tagħhom skont il-fidi li rċevew fil-Magħmudija; fil-familja nisranija huma jsibu l-ewwel esperjenza ta’ soċjetà b’saħħitha u tal-Knisja; permezz tagħha, fl-aħħarnett huma jiddaħħlu ftit ftit fil-ħajja ta’ flimkien tal-bnedmin u f’dik tal-poplu ta’ Alla. Jeħtieġ għalhekk li l-ġenituri jħossu għal kollox kemm tiswa l-familja nisranija għall-ħajja u l-progress tal-poplu t’Alla nnifsu.

Id-dmir tal-edukazzjoni, li jmiss qabel xejn lill-familja, jeħtieġ l-għajnuna tas-soċjetà kollha. Għalhekk, barra mill-jeddijiet tal-ġenituri u ta’ dawk li lilhom huma jafdaw xi sehem mid-dmirijiet tagħhom, hemm ukoll xi drittijiet u dmirijiet li jmissu lis-soċjetà ċivili għaliex imiss lilha li taħseb f’dak kollu li jeħtieġ għall-ġid temporali. Fost id-dmirijiet tagħha hemm dak li ġġib ‘il quddiem b’ħafna modi l-edukazzjoni taż-żgħażagħ, jiġifieri tħares id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri u ta’ dawk kollha li għandhom xi sehem fl-edukazzjoni, u tagħtihom l-għajnuna; fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fejn tonqos l-inizjattiva tal-ġenituri jew ta’ soċjetajiet oħra, tissupplementa, fir-rispett tax-xewqat tal-ġenituri, il-ħidma edukattiva; safejn il-ġid komuni hekk jitlob, twaqqaf skejjel u istituti ta’ edukazzjoni tagħha.

Fl-aħħar nett id-dmir tal-edukazzjoni jmiss, għal raġuni speċjali, lill-Knisja mhux biss għaliex hija għandha tkun magħrufa, imqar bħala soċjetà umana, bħala kapaċi li teduka, iżda fuq kollox għaliex hija għandha d-dmir li xxandar it-triq tas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha u lil dawk li jemmnu tikkomunikalhom il-ħajja ta’ Kristu u tgħinhom, b’ħerqa li ma tiqafx, biex jaslu għall-milja tal-ħajja tiegħu. Għalhekk lil dawn uliedha l-Knisja, bħala omm għandha d-dmir li tagħtihom dik l-edukazzjoni li biha ħajjithom kollha timtela bl-ispirtu ta’ Kristu. Fl-istess ħin hija toffri l-kontribut tagħha biex il-popli kollha jilħqu l-perfezzjoni integrali tal-persuna umana, jiksbu l-ġid tas-soċjetà temporali u jibnu dinja aktar umana.”

Għad-Dokument sħiħ ara: http://www.laikos.org/vat2_gravissimum_educationis_ver2017.htm

Talba: O Santa Roża Venerini, li kont ta’ ispirazzjoni għal ħafna li mxew fuq il-passi tiegħek u taw l-edukazzjoni u l-kura meħtieġa lil bosta tfal foqra u fil-bżonn, għat-talb tiegħek, agħmel li aħna nitħeġġu bl-istess spirtu ta’ servizz li kellek int u li nagħrfu nedukaw u ngħallmu l-valuri nsara fil-ġenerazzjonijiet ta’ għada. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-rose-venerini.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-rosa-venerini-720

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Rose_Venerini

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.