11 ta’ Mejju: San Franġisk ta’ Ġirolamo

Verżjoni Vidjo: San Franġisk ta’ Ġirolamo

“Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: ‘Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!’ U Ġesù qalilhom din il-parabbola: ‘Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? – Ġesù  Luqa 15:1-4

81752-01SAN FRANĠISK TA’ ĠIROLAMO
Saċerdot
1642 – 1716

Tagħrif: Twieled f’Taranto fl-Italja, fl-1642. Daħal fl-istat klerikali f’pajjiżu ta’ 16-il sena u mbagħad mar Napli biex ikompli l-istudji tiegħu għas-saċerdozju. Wara li ordna qassis, hu għallem fil-kulleġġ tan-nobbli mmexxi mill-Ġiżwiti, f’Napli u kien maħbub ħafna mill-istudenti tiegħu. Daħal mal-Ġiżwiti erba’ snin wara, u għadda l-aħħar 40 sena ta’ ħajtu bħala missjunarju li ħadem kemm felaħ fil-Kumpanija barra minn Napli.

San Franġisk kien predikatur qawwi, kliemu jsaħħar lis-semmiegħa. Jingħad fuqu li “kien ħaruf meta tkellmu, imma ljun meta jipprietka.” Hu mexxa mill-inqas mal-100 missjoni fil-provinċji ċentrali imma n-nies ta’ Napli ma kinux iħalluh jitbiegħed minnhom għal żmien twil.

Kull fejn kien imur kien dejjem imdawwar bil-folol, attenti għal kull kelma li jgħid; u folol ukoll kienu jfittxuh fil-konfessjonarju. L-għadd tal-midinbin li reġa’ dawwarhom lejn Alla ma jistax jingħadd – mill-inqas 400 midneb kbir magħruf jingħad li daru mill-ġdid lejn Alla bil-ħidma tiegħu. Ikkonverta wkoll numru ta’ priġunieri Mori u Torok.

San Franġisk ta’ Ġirolamo waqqaf ukoll organizzazzjoni ta’ rġiel biex tgħin lill-Ġiżwiti fil-ħidmiet tagħhom; waqqaf fond ta’ karità fejn il-fqar setgħu jisselfu b’aktar kumdità, u salva għadd kbir ta’ tfal minn qagħdiet li fihom faċilment setgħu jitilgħu delinkwenti. Kellu l-fama tal-mirakli u minħabba f’hekk folol kbar ta’ nies ħadu sehem fil-funeral tiegħu.

Miet fil-11 ta’ Mejju tal-1716, meta kellu 74 sena. Ġie kkanonizzat fl-1839.

Ħsieb: Interessanti l-fatt li dan il-qaddis tal-lum, Franġisku ta’ Ġirolamo kien imur ifittex lill-midinbin huwa stess ma’ kullimkien: fl-irħula mferrxin, f’toroq imwarrbin, fl-irkejjen tat-triq, fil-ħabsijiet, fil-ħwienet tal-vizzju; anki fuq ix-xwieni. Din l-attitudni lejn il-midinbin narawha per eċċellenza fi Kristu, li kien huwa wkoll imur fil-postijiet fejn ikunu l-midinbin, jiekol u jixrob magħhom, jitħallat magħhom, u jgħaddilhom it-tagħlim li kien jitfa’ dawl fuq l-istat tar-ruħ tagħhom. Din il-ħbiberija sinċiera u soda attirat lil uħud minnhom u waslithom għall-għażla biex ibiddlu ħajjithom. M’huwiex propju dan l-istess messaġġ li l-Papa jibqa’ jisħaq fuqu, meta jgħidilna mmorru nfittxu n-nies li jinsabu fil-periferija?

Infatti, dan hu parti mid-diskors tal-Papa Franġisku fil-vjaġġ tiegħu f’Myanmar u l-Bangladesh (29 ta’ Novembru, 2017):

“Ragħaj tajjeb huwa dejjem preżenti mal-merħla tiegħu, billi jmexxi waqt li jimxi magħha. Bħalma nħobb ngħid, ir-ragħaj għandu jkollu r-riħa tan-nagħaġ; iżda anki r-riħa ta’ Alla, tinsewx! Anki r-riħa ta’ Alla. F’dawn iż-żminijiet aħna msejħin biex inkunu ‘Knisja li toħroġ’ biex twassal id-dawl ta’ Kristu f’kull periferija (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 20). Mimlijin imħabba, fl-impenn tagħhom ta’ kuljum, imsejħin biex inkabbru l-merħla fil-qdusija, fil-fedeltà u fl-ispirtu ta’ servizz.  

Komplu oħolqu inkulturazzjoni għaqlija tal-messaġġ Evanġeliku fil-ħajja ta’ kuljum u fit-tradizzjonijiet tal-komunitajiet lokali tagħkom. Il-kontribut tal-katekisti f’dan il-qasam huwa importanti ħafna. U tinsewx li l-katekisti huma l-pilastri, f’kull parroċċa, tal-evanġelizzazzjoni.

Fuq kollox, nixtieq nitlob minnkom impenn speċjali fl-akkumpanjament taż-żgħażagħ. Ħudu ħsieb il-formazzjoni tagħhom lejn prinċipji morali b’saħħithom, li jkunu jistgħu jgħinuhom jaffaċċjaw l-isfidi ta’ dinja mhedda mill-kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi u kulturali.  

Aħdmu biex il-komunità Kattolika tkun tista’ tkompli tkopri rwol kostruttiv fil-ħajja tas-soċjetà, billi ssemmgħu l-vuċi tagħkom fil-kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali, b’mod partikolari billi tinsistu fuq ir-rispett lejn id-dinjità u d-drittijiet ta’ kulħadd, speċjalment l-iktar fqar u vulnerabbli. Nemmen li l-istrateġija pastorali għal dawn il-ħames snin, li l-Knisja ħadmet fuqha fil-kuntest iktar miftuħ ta’ dik li hi l-istruttura tal-Istat, twassal għal riżultati tajbin mhux biss għall-futur tal-komunitajiet lokali, imma anki għall-pajjiż kollu.  

Tinsewx lit-talb huwa l-ewwel dmir tagħkom. Kull wieħed għandu jistaqsi lilu nnifsu, filgħaxija waqt l-eżami tal-kuxjenza: “Kemm tlabt illum?”

Għeżież ħuti, inħeġġiġkom iżżommu l-bilanċ fis-saħħa fiżika u spiritwali. Fuq kollox, irrid ninkuraġġikom tikbru kuljum fit-talb u fl-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla, li tgħaqqad, għaliex hija l-pedament tal-identità tagħkom.”

Talba: O Ragħaj tajjeb u ħanin, fuq l-eżempju tiegħek, San Franġisk ta’ Ġirolamo ħa ħsieb imur ifittex in-nagħaġ il-mitlufa tal-merħla tiegħek biex bil-predikazzjoni u bis-sagramenti, jikkonverti bosta minnhom lejk biex b’hekk isalvaw ruħhom. Agħtina dan l-istess spirtu fi żminijietna, biex ma ngħejjew qatt infittxu n-nagħaġ li ntilfu u nreġġgħuhom lura għandek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicexchange.com/st-francis-di-girolamo-sj-also-known-as-francis-jerome

Alternative Reading: http://faith.nd.edu/s/1210/faith/interior.aspx?sid=1210&gid=609&pgid=19840&cid=39223&ecid=39223&crid=0

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Francis_de_Geronimo

Saint Francis of Girolamo on Gloria TV: https://gloria.tv/video/fwuaULAsq8PA6ViVZhSNSnxSF

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.