13 ta’ Mejju: Il-Madonna ta’ Fatima

Verżjoni Vidjo: Il-Madonna ta’ Fatima

“Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla.” – Ġesù  f’Mattew 5:8.

912p7r--seL._SX425_IL-MADONNA TA’ FATIMA
1917

Tagħrif: Fit-13 ta’ Mejju 1917, fir-raħal ċkejken ta’ Fatima, qrib Lisbona Portugall, tlitt itfal kienu jirgħu n-nagħaġ fil-Cova da Iria. Dawn kienu Luċija ta’ ħdax-il sena, Franġisku l-kuġin tagħha, ta’ disa’ snin, u Ġaċinta, oħtu, ta’ sebgħa. Luċija kienet imħassba dwar ħuha li kien suldat mibgħut għall-gwerra.

F’nofsinhar, hekk kif it-tfal temmew ir-Rużarju li kienu jgħidu ta’ kuljum, raw il-leħħa tal-beraq fis-sema u semgħu r-ragħad ikarwat. Dan beżżagħhom ħafna għax l-ajru kien tassew bnazzi! Huma ħaffu jniżżlu n-nagħaġ minn fuq il-għolja u saquhom lejn post għall-kenn.

Imbagħad, waqt li kienu jħarsu mistagħġba, lemħu sinjura sabiħa wieqfa fuq sħaba li kienet imwieżna fuq balluta tal-liċi. F’idha kellha kuruna tar-Rużarju u l-libsa bajda tagħha kienet tlellex b’dawl tas-sema. Luċija staqsiet lis-Sinjura mnejn kienet ġiet.  “Mis-sema,” weġbitha s-Sinjura. Il-Madonna dehritilhom taħt is-sura ta’ xebba żagħżugħa, ta’ xi 15-il sena.

Is-Sinjura talbet lit-tfal biex darba fix-xahar, għal sitt xhur wara xulxin, imorru f’dak l-istess post. Fuq mistoqsija ta’ Luċija s-Sinjura qaltilhom li hi u Ġaċinta kellhom imorru l-ġenna, u Franġisku wkoll, imma hu kien jeħtieġlu jgħid iżjed Rużarju.

Fit-tieni okkażjoni t-tfal kienu akkompanjati minn numru ta’ nies mir-raħal. F’din l-okkażjoni tad-dehra, il-Madonna tkellmet fuq il-ħtieġa li jingħad ir-rużarju. In-nies tar-raħal ma rawx id-dehra, imma qalu li raw xi dawl jiġri fis-sema.

Sa Lulju l-għadd ta’ nies li akkompanjaw lit-tfal tela’ għal 6,000. Għal darb’oħra reġgħu ma raw xejn partikulari, għalkemm il-mara tad-dehra (li kienet għadha ma qalitx min kienet), wegħdet li kienet se tagħmel miraklu biex tgħarraf il-preżenza tagħha. Hi għallmet lit-tfal anki talba biex jibdew jgħiduha.

Ftit qabel id-dehra li kellha ssir fit-13 ta’ Awwissu, is-sottoprefett anti-Kattoliku tad-distrett tefa’ lit-tfal il-ħabs biex ma jkunux jistgħu jżuru l-Cova da Iria fil-jum li kellha tidher. B’danakollu, 18,000 ruħ marru fuq il-post. Id-dehra seħħet sitt ijiem wara u wegħdet li kellu jsir miraklu fit-13 t’Ottubru.

It-tlitt itfal kellhom dehra oħra fit-13 ta’ Settembru – in-nies telgħu għal 30 elf ruħ; imma xahar wara, fit-13 t’Ottubru, l-għadd ta’ dawk preżenti kien ikkalkulat bejn is-70 u l-100 elf ruħ – bosta minnhom stqarrew li raw ix-xemx iddur ħafna fuqha nnfisha fis-sema fi sħab tax-xita.

Franġisku u Ġjaċinta mietu ftit wara d-dehriet. Wara l-mewt taż-żewġ aħwa, Luċija qalet li kellhom ukoll dehra ta’ anġlu s-sena ta’ qabel f’forma ta’ tfajjel tal-paċi li għallimhom kif jitolbu. Din id-dehra ġrat tliet darbiet, l-ewwel u l-aħħar darba f’Loca do Cabeco fejn it-tfal kienu qed jirgħu n-nagħaġ, u t-tieni darba fil-ġnien ta’ Luċija.

Luċija ta’ 15-il sena daħlet soru Karmelitana, u fl-1946 fl-Ordni Karmelitan iktar strett. Hi tgħid li l-Madonna talbitha xxerred id-devozzjoni tat-tqarbina tal-ewwel Sibt tax-xahar. Hija mietet fit-13 ta’ Frar 2005, ta’ 97 sena.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima kienet approvata fl-1930, għalkemm il-pellegrinaġġi baqgħu sejrin bla ma jaqtgħu sa mill-1917, minkejja t-tfixkil uffiċjali tal-gvern ta’ żmien id-dehriet.

Biex taqra l-ġrajja kollha tad-dehriet tal-Madonna.

Ħsieb: Mill-ġrajjet ta’ Fatima fl-1917, joħorġu dawn il-messaġġi prinċipali:

  • Il-misteru tas-Santissima Trinità.
  • Il-providenza t’Alla li tmexxi d-dinja u l-ġrajjiet tal-istorja umana.
  • Il-preżenza reali ta’ Kristu fis-Santissimu Sagrament: turina l-valur tat-tqarbin imqaddes.
  • L-eżistenza tabilħaqq tal-ġenna, l-infern u l-purgatorju.
  • L-eżistenza verament tal-Anġli Kustodji, mhux biss dawk ta’ kull individwu, imma anke ta’ nazzjonijiet.
  • L-eżistenza verament tad-dnub bħala offiża kontra Alla (u l-Qalb Immakulata ta’ Marija ), b’konsegwenzi traġiċi għall-midinbin u għan-nazzjonijiet.
  • Il-ħarba mid-dnub u l-isforz biex nibdlu ħajjitna huma kundizzjoni indispensabbli biex nerġgħu nakkwistaw l-istat tal-grazzja t’Alla.
  • Is-solidarjetà nisranija fil-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.
  • L-interċessjoni tal-Omm t’Alla bħala medjatriċi mill-aqwa u dispensatriċi tal-grazzja.
  • Il-bżonn ta’ talb u penitenza, li għandhom il-valur ta’ riparazzjoni u interċessjoni.
  • L-imħabba li hemm fil-Qalb ta’ Ġesù u fil-Qalb Immakulata ta’ Marija.
  • L-importanza tad-devozzjonijiet Marjani, speċjalment ir-rużarju, id-devozzjoni tal-ewwel Sibtijiet, u l-valur tal-Konsagrazzjoni lill-Qalb Immakulata ta’ Marija.
  • Il-qdusija tal-familja fuq ix-xebh tal-Familja Mqaddsa (fl-aħħar dehra.)
  • Ubbidjenza lejn il-Papa li hu verament il-Vigarju ta’ Kristu f’din l-art.
  • Il-bżonn tas-safa u l-modestja.
  • It-trijonf finali tal-Qalb Immakulata ta’ Marija.

Il-Mulej għażel tfal li kienu tant foqra u bla skola li n-nies kienu jwarrbuhom bħala li ma kienux kapaċi għall-missjoni bħal dik. Iżda t-triqat ta’ Alla mhumiex it-triqat tal-bniedem; Hu jagħżel li jinqeda b’dak li ma jiswa xejn, għax tiegħU huwa l-għerf, l-għarfien, il-qawwa u x-xewqa, li jikkomunika lil min jagħżel Hu. Dak li Hu jrid huma qlub safja, li fihom iwettaq dak li jogħġob lilU: “Imberkin ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw lil Alla.” Hu lil dawn li l-Mulej jirrivela lilU nnifsu, juri biċ-ċar lilU nnifsu, kemm biex ibiddilhom skont il-pjanijiet tal-Ħniena tiegħU, u wkoll biex juri li mhux huma, iżda l-grazzja ta’ Alla li taħdem fihom.

B’dan il-mod, il-Mulej juri li l-ħidma hi tiegħU u mhux dik tal-istrumenti dgħajfa li hu jkun għażel; għal Alla hu biżżejjed li dawn l-istrumenti jħallu lilhom infushom ikunu ffurmati, mibdula u mmexxijin mill-grazzja li taħdem fihom, tnaqqax fi qlubhom safja u bla ħtija ix-xbihat tal-preżenza tiegħu, it-tqanqil tal-grazzja tiegħu, u l-istimolu tal-imħabba tiegħu.

Dan kliem San Ġwanni Pawlu II: “Dan il-messaġġ (jiġifieri, l-Messaġġ ta’ Fatima) hu indirizzat b’mod partikulari lill-irġiel u n-nisa tas-seklu tagħna, mmarkat kif inhu bi gwerer, b’mibgħeda, bi vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet, u fuq kollox il-battalja kontra Alla sal-punt taċ-ċaħda tal-eżistenza tiegħu.”

Id-dehriet u l-Appelli tal-Madonna ġewwa Fatima (86 sena ilu) huma eku, sinjal, u estensjoni tat-tħassib matern ta’ Dik li, fix-xewqa tagħha għall-fidwa sħiħa ta’ l-ulied fdati mill-Imsallab lill-qalb materna tagħha, iħeġġuna biex nisimgħu u nimxu wara Ġesù.

Is-sejħiet magħmula mill-Verġni, lil u permezz tar-Rgħajja Żgħar, għall-fidi, għat-talb, għall-penitenza, biex nisimgħu u nimxu wara, li nħobbu u li nagħmlu tpattija lil Alla l-Mulej tagħna, huma espressjonijiet tal-istess tħassib matern li hi wriet matul ħajjitha fuq l-art, f’Nazaret, f’Kana, fuq il-Kalvarju u fil-Kamra ta’ Fuq f’jum il-Pentekoste, meta Marija kienet hemm flimkien mal-Knisja fil-fidi u fit-talb. Il-Messaġġ ta’ Fatima fih sejħiet li bilkemm jistgħu jkunu iktar addattati għal żminijietna. Jien se niġbdilkom l-attenzjoni għal erbgħa minnhom: is-sejħa għall-fidi li hi mgħixa u li tingħata xhieda għaliha; is-sejħa għall-konverżjoni; is-sejħa għall-paċi, u s-sejħa għat-tama.

  • U int, kemm int devot tassew ta’ din l-Omm tiegħek tas-Sema?
  • Min jaf li kieku tikkonsagra lilek innifsek lilha u tħalliha ddawwallek it-triq li twasslek għal għand Binha fil-ġenna?
  • Min jaf li kieku tfittex li titgħallem dwar kif tista’ tgħix ta’ binha/bintha, hekk li jkun tassew jixraqlek Omm bħal din?

Jekk tixtieq tkun taf kif tista’ tħejji ruħek biex tgħix hekk tassew, nistiednek iżżur is-sit Malti, li fih it-Trattat ta’ San Alwiġi De Montfort fuq id-Devozzjoni vera lejn Marija u kif wieħed jista’ jagħmel l-att ta’ konsagrazzjoni u l-benefiċċji tagħha, Talb, l-Uffiċċju tal-Madonna, Vidjows u ħafna aktar … Tista’ tmur għalih billi tagħfas fuq din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/

Għar-Rużarju bl-għajnuna ta’ vidjos: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Għall-grupp fuq Facebook bl-isem: ‘Devozzjoni vera lejn il-Verġni Marija’

Talba: O Marija, Omm ħanina tal-bnedmin, ħallina nersqu lejk bħala wliedek, u miegħek u bit-talba tiegħek tar-Rużarju, ngħollu leħinna biex infaħħru ‘l Alla l-Missier li ħatrek bħala bintu, ‘l Alla Ibnek li għamlek Ommu, ‘l Alla l-Ispirtu s-Santu li ħabbek b’għarustu. Bid-dehriet u l-għeġubijiet ta’ Fatima, inti twettaq dak li int għidtilna kemm-il darba fuq ir-Rużarju f’dehriet oħra ta’ qabel. Kompli issa l-wegħdiet tiegħek, u aqlagħlna l-grazzja li qed nitolbok… Qed nitolbok din il-grazzja f’ġieħ il-misteri tal-ħajja, tbatija, mewt u qawmien ta’ Ibnek Kristu Sidna. Ammen. (Talba lill-Madonna ta’ Fatima)

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/our-lady-of-fatima.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/our-lady-of-fatima-485

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Our_Lady_of_F%C3%A1tima

Għal aktar dwar il-Verġni Marija mur f’din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.