17 ta’ Mejju: San Baskal Baylon

Verżjoni Vidjo: San Baskal Baylon

“Alla żar il-poplu tiegħu.” – Luqa 7:16

st-paschal-baylon-2

SAN BASKAL BAYLON
Reliġjuż
1540 – 1592

Tagħrif: Twieled Torri-Hermosa fir-reġjun ta’ Aragona, fil-festa ta’ Pentekoste li kienu jsejħulha l-Paskwa tal-Ispirtu s-Santu (minn fejn ħa l-isem ta’ Paskwal). Il-ġenituri tiegħu kienu bdiewa u ma setgħux iħallsu skejjel, iżda billi kienu nies tajba ferm setgħu jagħtuh xi ħaġa wisq aktar prezzjuża u rari: edukazzjoni nisranija tabilħaqq.

Sa minn ċkunitu wera sinjali ta’ dik id-devozzjoni hekk singulari lejn l-Ewkaristija, li hi l-karatteristika tiegħu u li għaliha ġie maħtur minn Ljun XIII bħala l-patrun tal-Kongressi u tal-Għaqdiet Ewkaristiċi.

Minn 7 snin sakemm kellu 24 sena għadda ħajja ta’ ragħaj. Kien jieħu miegħu xi ktieb biex jitgħallem jaqra bil-għajnuna tal-oħrajn, u meta tgħallem, kien dejjem iġorr miegħu xi ktieb tal-ħajja tal-qaddisin jew tal-meditazzjoni fuq il-ħajja u l-passjoni ta’ Ġesù. Għamel tant progress fil-perfezzjoni, li kien ta’ eżempju għal sħabu, li kienu jistgħaġbu mhux ftit bil-kliem u l-pariri tiegħu.

Ta’ 24 sena, ħass is-sejħa ta’ ħajja aktar miġbura ma’ Alla u biex jagħraf sewwa din is-sejħa żied u rdoppja t-talb, is-sawm u l-penitenzi. Semmewlu li bosta kunventi qegħdin tajjeb, iżda hu weġibhom: “jiena twelidt fqir, u fqir irrid ngħix u mmut.” Mar fir-reġjun ta’ Valenzja, u daħal mal-Franġiskani Riformati ta’ Alkantara, (1564). Riduh jistudja għal saċerdot, iżda għażel li jibqa’ ajk.

Baskal kien dejjem ifittex bil-moħbi kemm jista’ jkun xi mortifikazzjoni żejda, għad li l-ħajja kienet ġa iebsa. Mal-fqar wera dejjem imħabba u ġentilezza. Aktar mal-uffiċċju tiegħu kien baxx, umli u fatikuż, aktar kien għal qalbu.

Skont l-ispirtu tar-regola kienu ta’ sikwit ibiddlu l-kunvent biex ma jibqgħux miġbudin ma’ wieħed: f’dan hu qatt ma wera la pjaċir u lanqas dispjaċir, billi kollha kienu xorta waħda għalih il-post fejn Alla riedu jaqdih. Meta ġie mibgħut f’kunvent Pariġi, bosta mill-ibliet ta’ Franza kienu f’idejn l-Ugonotti (Kalvinisti) u kien hemm taqbid bejn il-kattoliċi u l-protestanti. Bla biża’ għal ħajtu, il-qaddis aċċetta b’ubbidjenza. Bosta drabi ġie milqugħ bl-għajjat u l-ġebel. Darba kellu jiddefendi fil-beraħ id-domma tal-preżenza rjali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija, kontra ministru Kalvanist, u ġarrab ferita fuq spalltu u biha baqa’ magħtub għal ħajtu.

Fl-aħħar snin ta’ ħajtu kien jgħaddi l-biċċa l-kbira tal-lejl għarkupptejh quddiem l-altar. Nies ta’ kull aspett tal-ħajja kienu jfittxu l-pariri tiegħu u kien meqjum min-nies eminenti.

Miet Villa Reale, nhar l-Għid il-Ħamsin ħdejn Valenzja, fil-15 ta’ Mejju, 1592 ta’ 52 sena. Ġismu dam espost fil-knisja għal tlitt ijiem minħabba l-folol kbar li riedu jarawh u l-għeġubijiet li bihom Alla ried jixhed il-qdusija tal-qaddej tiegħu. San Baskal ġie bbeatifikat minn Papa Pawlu V fl-1618, il-Papa Alessandru VIII ikkanonizzah fl-1690 u l-Papa Leone XIII, ħatru patrun tal-Għaqdiet Konfraterniti u Kungressi Ewkaristiċi, fl-1897.

Huwa wkoll protettur speċjali tar-rgħajja. Hu meqjum speċjalment f’artu fl-Italja t’Isfel, fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel. Hu rrappreżentat għarkupptejh quddiem viżjoni tal-Ostja Mqaddsa.

Ħsieb: Dan il-qaddis, l-iktar li baqa’ msemmi u magħruf huwa minħabba d-devozzjoni singulari li kellu lejn l-Ewkaristija. Imqar meta kien għadu jirgħa n-nagħaġ, minn ġol-għelieqi stess, kien iħares mill-bogħod lejn il-kampnar tal-knisja tar-raħal, u jitkellem ma’ Ġesù Sagramentat. Ma kienx jaf ħafna skola, imma kellu l-għerf tas-sema – ix-xjenza infuża – u kien imfittex għall-pariri mqar mill-għorrief.

Talb quddiem Ġesù  Sagramentat kien jokkupa ħafna mill-enerġija ta’ San Baskal Baylon. Ħafna mill-ittri tiegħu kitibhom biex jippromwovi devozzjoni lejn l-Ewkaristija. San Baskal kien jaqsam ħsibijietu dwar dan. Siegħa fit-talb quddiem il-Mulej tagħna fl-Ewkaristija tista’ tgħallimna ħafna lilna lkoll. Xi kattoliċi qaddisa u impenjati tal-lum isibu li x-xogħol tagħhom jagħmluh aħjar meta fil-ġurnata tagħhom isibu dawk il-mumenti biex iqattgħuhom fit-talb u l-meditazzjoni ħdejn Ġesù. Fil-gżejjer tagħna għandna l-barka u l-grazzja li lil Ġesù Ewkaristija insibuh ma’ kull erba’ passi. Knisja ‘l hemm u kappella ‘l hawn. U xi ngħidu għal ħafna kappelel tal-adorazzjoni li dawn l-aħħar għoxrin sena nfetħu tista’ tgħid kważi f’kull parroċċa, b’ħinijiet twal ta’ ftuħ biex jakkomodaw il-ħin għal kulħadd?

Imma kemm-il darba tmur fihom u ma ssib lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu … jistenna kwiet u iddispjaċut? Possibli minn 24 siegħa li l-Mulej silifna f’ġurnata, ma nagħmlux imqar 5 minuti biex imorru f’riġlejH?

Xtaqt naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar Ġesu’ Ewkaristija mill-Fundatur tal-Fergħa Ewkaristika tal-Marsa, is-Superjur George Grima (1941 – 1999):

Kemm hu ħelu Ġesù jinsab f’dik l-Ostja ċkejkna. Nixtieq nipperswadikom li temmnu li jinsab f’kull ostja Ġesù. Hemm bżonn nemmnu bis-serjeta’. Hija grazzja għalina midinbin li nistgħu nirċievu ‘l Ġesù. (05/05/98)

Ersqu rċievu ‘l Ġesù Ewkaristija mhux bid-dnub il-mejjet, imbagħad tgħidu “Inqerru wara”. Għax din dieħla sewwa Malta. Dan ħażin. (02/05/98)

Għeżież ħuti, ħobbu u fittxu ‘l Ġesù Ewkaristija. Kienet x’kienet il-ħajja tagħkom, għaddejtu minn x’hiex għaddejtu. Ejjew u adurawh. Għeżież ħuti, fittxuh anke kemm toqgħodu bilqegħda quddiemu. Tibżgħu xejn ma jimpurtax. (04/07/98)

Tħallux id-dimonju jifxilkom fuq affarijiet oħra, jistgħu jkunu tajbin ukoll. Imma fejn toqgħod l-adorazzjoni u Ġesù Ewkaristija tħallu xejn, għax propju d-dinja bħalissa trid twarrab dan il-misteru kbir, kif qed jippruvaw iwarrbu lill-Madonna. (05/12/98)

Ġesù qiegħed wara separju, mhux daqshekk ‘il bogħod minna. Qiegħed wara dik il-bieba tat-tabernaklu, eżatt kif jinsab fil-Ġenna, fis-sbuħija tiegħu. Għidulu lil Ġesù, meta tkunu quddiemu fil-mard, fid-dwejjaq tagħkom, “jekk trid inti, inti taf x’inhu tajjeb għalina, tista’ tfejjaqni minn dat-tentazzjonijiet, minn dan l-inkwiet li għandi madwari. Tista’ jekk trid, imma inti taf; f’idejk.” (03/11/98)

“Ħabib”, jgħidlek Ġesù, “l-istedina tiegħi għalik tibqa’ dejjem miftuħa … Jien nibqa’ dejjem hemm … nistenniek … tinsinix!”

Għal tagħrif dwar il-Kappelli tal-Adorazzjoni agħfas hawn.

Talba: Ruħ ta’ Kristu qaddisni
Ġisem ta’ Kristu, salvani.
Demm ta’ Kristu, isqini.
Ilma tal-kustat ta’ Kristu, aħsilni.
Passjoni ta’ Kristu, sabbarni.
O Ġesù ħanin, ismagħni.
Fil-pjagi tiegħek, aħbini.
Tħallini qatt ninfired minnek.
Mill-għadu ħażin ħarisni.
Fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli.
Ġewwa ħdanek ilqagħni,
biex mal-anġli u l-qaddisin tiegħek
inħaħħrek għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2012/05/st-paschal-baylon.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-paschal-baylon/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paschal_Baylon

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.