26 ta’ Mejju: San Filippu Neri

Verżjoni Vidjo: San Filippu Neri

“Dak li jixtieq ħaġ’oħra u mhux lil Kristu ma jafx x’inhu jixtieq. Dak li jfittex għal ħaġ’oħra u mhux lil Kristu ma jafx x’inhu jfittex. Dak li jaħdem u mhux għal Kristu ma jafx x’inhu jagħmel. San Filippu Neri.” – San Filippu Neri

61a85d2bdf904059cd9d5c4fe8b1a49cSAN FILIPPU NERI
Saċerdot
1515 – 1595

Tagħrif: San Filippu twieled f’Firenze, l-Italja, fl-1515. Meta kellu ħames snin tilef ‘l ommu, iżda hu u ż-żewġ ħutu l-oħra ġew imrobbija f’għożża mit-tieni mara ta’ missierhom.

Sa minn meta kien għadu żgħir, kellu dispożizzjonijiet tant ħelwin li kienu jsejħulu it-Twajjeb Pippo (Pippo Buono).

Ta’ tmintax–il sena mar f’San Germano, qrib Ruma, jaħdem ma’ kuġinuh, li kien negozjant sinjur kbir. Filippu kien tant ħabrieki li kuġinuh xtaqu jieħu n-negozju f’idejh. Iżda hu, imqanqal minn ħerqa li jgħix f’għaqda ikbar ma’ Ġesù, ħalla n-negozju u kollox, u mar Ruma. Hemm iltaqa’ ma’ wieħed li tah kamra fejn joqgħod u x’jiekol kuljum, bil-patt li jedukalu ż-żewġ uliedu. Dam f’din il-ħajja għal sbatax-il sena, imma fl-istess żmien, studja l-filosofija mad-Dumnikani, u t-teoloġija mal-Agostinjani, u kien ukoll jiġbor xi żgħażagħ miegħu biex flimkien jitolbu, jistudjaw ir-reliġjon, iżuru l-isptarijiet u jagħmlu atti oħra ta’ karità.

Fl-1548, bil-għajnuna tal-konfessur tiegħu, Persiano Rossa, waqqaf il-Fratellanza tat-Trinità, li l-membri tagħha kienu lajċi u kienu jieħdu ħsieb il-pellegrini u l-morda, l-iktar fl-isptar tat-Trinità dei Pellegrini. Kien ukoll jgħaddi s-sigħat jitlob, anki bil-lejl, l-iktar fil-katakombi ta’ San Bastjan.

Fit-23 ta’ Mejju, 1551, ta’ 36 sena, ġie ordnat qassis, ħalla dik il-kamra li kien joqgħod fiha u mar jgħix fil-Presbiterju ta’ San Ġirolmu ma’ Dun Rossa u qassisin oħra li kienu jgħixu bil-karità. Hawn intefa’ għall-appostolat billi filgħodu kien jgħaddih fil-konfessjonarju u filgħaxija kien ilaqqa’ n-nies biex jitolbu, ikantaw u jitkellmu fuq il-ħwejjeġ tar-ruħ. Kien ukoll jorganizza pellegrinaġġi għall-knejjes u katakombi biex isaħħaħ il-fidi ta’ dawk li kienu jmorru miegħu. Fl-1558, bena oratorju u fih kien ilaqqa’ n-nies għat-talb u l-konferenzi. Hawnhekk waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Oratorjani, li x-xogħol prinċipali tal-membri tagħha kien li jsaħħaħ in-nies fil-fidi tagħhom.

Il-kongregazzjoni ħadet forma kanonika fl-1575 u ġiet approvata mill-Papa Girgor XIII fl-1583, bil-knisja ta’ Santa Maria in Vallicella bħala l-knisja tal-“Casa Madre” tagħha, imma San Filippu ħa ħsieb li jibni mill-ġdid din l-istess knisja li għalhekk bdiet tissejjaħ il-knisja l-ġdida – Chiesa Nova – kif għadha tissejjaħ sal-lum.

San Filippu miet ta’ 80 sena, nhar il-festa ta’ Corpus Domini, fis-26 ta’ Mejju. 1595 u ġie kkanonizzat mill-Papa Girgor XIV, flimkien ma’ Sant’Injazju minn Loyola, San Franġisk Saverju, Santa Tereża u San Sidoru ta’ Madrid. Il-ġisem tiegħu jinsab meqjum fil-Chiesa Nuova ta’ Santa Maria in Vallicella, tal-patrijiet Oratorjani ġewwa Ruma. Bir-raġun dan il-qaddis kbir baqa’ jissejjaħ l-Appostlu ta’ Ruma.

Ħsieb: It-tqassis ifisser li wieħed iħammeġ lill-ieħor, min iqassas iħammeġ, jeqred il-fama, il-ħajja, ħafna drabi mingħajr ebda raġuni valida u bin-nuqqas ta’ verità. Minflok ma nfittxu li niċċaraw l-affarijiet, għalina hu aktar komdu nqassu, inkissru l-fama tal-ieħor. Teżisti storja fil-ħajja ta’ San Filippu Neri li għandha x’tgħallimna bil-bosta dwar it-tqassis. Lil waħda mara li kienet qasset fuq ħaddieħor, bħala penitenza, il-qaddis kien qalilha biex tnittef tiġieġa, tferrex ir-rix mat-triq u mbagħad terġa’ tiġborhom. Impossibbli, weġbitu. It-tqassis lil din l-istorja jixbah.

Fl-Udjenza tas-6 ta’ Ġunju, 2018, il-Papa Franġisku jgħid li:

“Waqt il-quddiesa, aħna nagħtu l-paċi lil xulxin. Dan ifisser armonija, ifisser imħabba bejnietna, ifisser paċi. Imma mbagħad x’jiġri? Noħorġu u nibdew inzekzku fuq l-oħrajn, ‘inqaxxru’ lill-oħrajn. Jibda t-tqassis. U t-tqassis hu gwerra. Dan mhux sew! Jekk aħna rċivejna s-sinjal tal-paċi bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, irridu nkunu rġiel u nisa ta’ paċi, u mhux neqirdu, bi lsienna, il-paċi li niseġ l-Ispirtu s-Santu. Imsejken Spirtu s-Santu, x’biċċa xogħol għandu magħna, b’dan il-vizzju tat-tqassis! Aħsbu sew: it-tqassis u z-zekzik mhuwiex opra tal-Ispirtu s-Santu, mhuwiex opra tal-għaqda tal-Knisja. It-tqassis jeqred dak li jagħmel Alla. Imma nitlobkom: ejja nieqfu nqassu fuq xulxin!”

Il-Papa Franġisku (21 ta’ Diċembru, 2017) saħansitra jsostni  li:

“Min iqassas hu terrorista, għax jagħmel bħat-terroristi; jitfa’ bomba, jitlaq, il-bomba tisplodi u tagħmel ħsara lil ħaddieħor, bl-ilsien, dik il-bomba. Tagħmlux terroiżmu! Tagħmlux it-terroriżmu tal-paroli, tat-tqassis, jekk jogħġobkom. Din hi t-tielet kelma li qed tiġini f’moħħi. Forsi xi ħadd jista’ jgħidli: ‘Padre, tina parir: kif nistgħu nagħmlu biex ma nqassux dwar l-oħrajn!’ Igdem ilsienek! Żgur li jintefaħlek, imma tkun għamilt ħaġa tajba għax ma qassastx. It-tqassis, anki minn persuni li suppost jagħtu eżempju, u ma jagħtuhx.”

U ta’ min jieqaf jimmedita bis-serjetà dwar dak li tgħidilna l-Kelma ta’ Alla dwar l-użu tal-ilsien f’Ġakbu 3:3-12:

“Aħna nqiegħdu l-ilġiem f’ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih immexxu ġisimhom kollu. Ħarsu wkoll lejn il-bastimenti: għad li jkunu kbar u jimxu ma’ l-irjieħ qawwija, naqra ta’ tmun idawwarhom fejn irid it-tmunier. Hekk ukoll l-ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista’ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar. Ara, ftit nar jista’ jqabbadlek foresta sħiħa; u l-ilsien huwa nar, huwa dinja ta’ ħażen fost il-membri ta’ ġisimna, iniġġes il-ġisem kollu u jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern.

Kull xorta ta’ bhejjem u għasafar, kull xorta ta’ bhejjem li jitkaxkru mal-art u ta’ ħut, dawn kienu u huma mmansati mill-bniedem. Iżda ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt. Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta’ Alla. Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta. Dan m’għandux ikun, ħuti. Jaqaw jista’ jnixxi ilma ħelu u ilma salmastru mill-istess għajn? U, ħuti, tista’ s-siġra tat-tin tagħmel iż-żebbuġ? Tista’ d-dielja tagħmel it-tin? L-ilma mielaħ ma jsirx ilma ħelu.”

  • U int, toqgħod attent/a xi kliem joħroġ minn fommok?
  • Tagħmel ħiltek kollha biex ma tqassasx fuq in-nies jew tingħaqad ma’ min jagħmel dan?
  • Jirnexxielek minflok, issib, tapprezza u titkellem dwar is-sabiħ u t-tajjeb li tara f’dawk ta’ madwarek?

Talba: O Alla, inti tajtna lill-qaddis San Filippu Neri li bl-imħabba tiegħek kien mimli bil-ħeġġa biex jaqdi lil għajru. Agħmel li aħna nimitawh fl-imħabba lejn il-proxxmu, nikbru fil-karità speċjalment lejn il-morda, u nitħarrġu fit-talb.

O Alla, int dejjem u f’kull żmien tgħolli l-qaddejja fidili tiegħek fil-glorja tal-qaddisin; fit-tjieba tiegħek, agħtina li aħna nitħeġġu b’dak in-nar ta’ l-Ispirtu s-Santu li bih tkebbset b’mod tal-għaġeb il-qalb ta’ San Filippu Neri. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-philip-romolo-neri.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-philip-neri/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Philip_Neri

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements