28 ta’ Mejju: Santa Ubaldeska

Verżjoni Vidjo: Santa Ubaldeska

“Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejjħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.” – Rumani 8:28.

SantaUbaldescaTacciniSANTA UBALDESKA
Verġni
1136 – 1206

Tagħrif: Santa Ubaldeska twieldet f’Calcinaia, qrib Pisa l-Italja, fl-1136. Il-ġenituri tagħha kienu bdiewa umli u rawmuha fil-biża’ t’Alla. Kienu jipprattikaw l-virtù tal-ubbidjenza u tas-silenzju u minn età żgħira binthom trawmet f’dan l-ambjent. Kienet tfajla bieżla ħafna u mehdija fit-talb.

Ubaldeska kienet tħobb ħafna l-foqra u kull meta ġiet f’kuntatt magħhom qatt ma kienet tħallihom mingħajr ma tagħmel xi att ta’ karità magħhom. Meta ma kien ikollha xejn xi tatihom, kienet tħallihom bit-tbissima ħelwa tagħha, u b’inkuraġġiment.

Talbet lil Alla jmexxiha u jgħarrafha x’jixtieq minnha. Ta’ erbatax-il sena kellha dehra u anġlu qalilha biex tidħol fil-kunvent tas-sorijiet ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm. Meta rrispondietu li ma kellhiex mnejn tixtri d-dota l-anġlu weġibha li l-Ispirtu s-Santu jipprovdilha.

Hija daħlet il-kunvent fejn laqgħuha b’ferħ kbir. Il-qdusija tagħha kienet ta’ eżempju għal ħutha s-sorijiet. Kienet tgħix ħajjitha fit-talb, sawm, astinenza u penitenza, dejjem fil-prattika tal-virtujiet tal-ubbidjenza, umiltà u tjubija kbira. Kienet karitattiva ma’ kulħadd u dejjem bi tbissima fuq wiċċha, anke meta kienet tkun qiegħda ssofri. Dan kien dovut għall-kontemplazzjoni kontinwa ta’ Ġesù, Marija u l-qaddisin. Kienet tħoss kontinwament il-preżenza ta’ Ġesù maġenbha.

Il-kunvent għadda minn perjodu ta’ faqar kbir, tant li biex tgħix il-kongregazzjoni, flimkien mal-foqra li kien ikollhom taħt is-saqaf tagħhom, kellhom joħorġu jittalbu fil-belt. Santa Ubaldeska kienet waħda mis-sorijiet li għal snin twal kienet toħroġ tittallab biex tipprovdi għall-bżonnijiet tal-kunvent.

Fil-festa tat-Trinità Qaddisa, it-28 ta’ Mejju 1206, il-qaddisa ħalliet din id-dinja kawża ta’ ferita f’rasha, ikkawżata minn inċident li seħħ xi ftit ġimgħat qabel. Ġimgħa wara li mietet Fra Doctus, id-direttur spiritwali tal-kunvent, kellu rivelazzjoni, ra lill-qaddisa dieħla l-ġenna mdawra mill-kori tal-anġli. Bena monument, fejn tpoġġa l-ġisem tagħha għall-venerazzjoni. Ħafna mirakli ġew attribwiti lilha wara żjara ’l-qabar tagħha.

Il-Granmastru Fra Hugh de Loubenx Verdala ordna li xi relikwi tal-qaddisa jintbagħtu fil-Belt Valletta, Malta. Għalhekk fit-28 ta’ Mejju 1587, tpoġġew fil-kappella prinċipali tal-monasteru. Fl-1636, inbniet knisja ġewwa Malta (Paola) ddedikata lil Santa Ubaldeska.

Ħsieb: Il-Knisja li nsibu f’Raħal il-Ġdid iddedikata lil Santa Ubaldeska, tinsab fi Triq l-Arkata. Qabel ma nbniet il-Parroċċa ta’ Kristu Re, il-knisja ta’ Santa Ubaldeska kienet dik il-knisja li mitt sena ilu saret l-ewwel Parroċċa ta’ Raħal Ġdid.

Santa Ubaldeska hi fost l-qaddisin li kienu jagħmlu parti mill-Ordni ta’ San Ġwann. Dan jispjega d-devozzjoni li kellhom għaliha diversi kavallieri fosthom il-Gran Mastru Antonie De Paule li waqqaf din il-knisja f’Raħal Ġdid. L-akbar tagħrif dwar din il-qaddisa insibuh appuntu fil-ktieb “Dell’Istoria della sacra religione” ta’ Giacomo Bosio, li kien l-istoriku tal-Ordni.

Ubaldeska jingħad li anke kienet tagħmel mirakli waqt li kienet għadha ħajja. Xi kwadri juruha b’ġarra żgħira f’idha. Din hija referenza għall-miraklu li jingħad li wettqet darba ma’ xi pellegrini. Darba, kienet qed ittella’ l-ilma mill-bir meta waslu ħdejha xi pellegrini għajjenin li talbuha ftit ilma biex jixorbu. Ubaldeska bierket l-ilma li kienet għadha kemm tellgħet mill-bir bis-sinjal tas-Salib u tathom jixorbu mill-ġarra. Il-pellegrini tomgħew inbid, mhux ilma, u malajr intebħu li kien sar miraklu permezz ta’ dik is-soru qaddisa. Fl-ikonografija, din is-soru tidher ukoll b’Palma f’idejha. Il-Palma hi s-sinjal tal-Martirju iżda għalkemm din il-qaddisa qatt ma soffriet il-Martirju kif nifhmu ġeneralment bil-kelma, il-Palma tirrapreżenta l-“martirju” ta’ tbatija u sofferenzi li għaddiet minnhom f’din id-dinja.

Imma darba waħda meta hi kienet qiegħda tittallab, u qed taqsam il-“pont tax-xewk” waqgħet ġebla minn fuq bini li kien għadu tiela’ u weġġa’ serjament lil Ubaldeska f’rasha. Marret tħaffef lejn il-kunvent u meta rawha kollha dmija riedu jdewwuha. Hi ma riditx u qaltilhom li tħalli kollox f’idejn Alla. Il-ġerħa li kellha kompliet tinfetħilha imma hi kompliet tirrifjuta li tiġi kkurata. Infatti, hija mietet kawża ta’ din il-ferita.

Darba, Fra Bartolo de Palmieri, Prijur tal-Prijorat tas-San Sepulkru f’Pisa, irċieva favur speċjali mingħand Santa Ubaldeska u bħala ringrazzjament, nhar il-festa tagħha li taħbat ma’ dik tat-Trinità Qaddisa, poġġa l-fdal tagħha ġo urna aktar elaborata. Beda wkoll jiċċelebra l-ġurnata tagħha kull sena.

Aktar tard, il-GranMastru Fra Hughes Loubenx Verdale talab lill-Kavallier Giulio Zanchini, li kien Fjorentin u l-Logutenent tal-Prijur ta’ Pisa biex iġib f’Malta parti mill-fdalijiet tal-qaddisa biex jitqiegħdu fil-knisja Konventwali ta’ San Ġwann. Dan sar bil-permess tal-Papa Sistu V b’ordni maħruġ fl-20 ta’ Settembru tal-1586. L-ordni tal-Papa kienet tgħid ukoll li kull nhar l-20 ta’ Mejju ta’ kull sena kellha ssir festa f’unur il-qaddisa u li għal din il-festa kellu jintuża l-istess Uffiċċju li kien jintuża fil-knisja Metropolitani ta’ Pisa. Huwa ta Indulġenza Plenarja perpetwa lil dawk il-Fidili li żaru l-fdalijiet tagħha meta dawn inġabu f’Malta nhar l-20 ta’ Mejju tal-1587. Fl-1808, il-Franċiżi li kienu għadhom taħt l-ispirtu tar-rivoluzzjoni, qerdu l-kunvent u l-fdalijiet ta’ Santa Ubaldeska f’Pisa.

Ara aktar informazzjoni dwar il-Kappella ta’ Santa Ubaldeska

Talba: O Alla, għat-talb ta’ Santa Ubaldeska u għall-merti li hija kisbet mill-ħajja ta’ qadi lejn l-aħwa morda tal-Ordni, agħtina li aħna wkoll naqdu b’wiċċ ferrieħi lil kull min jeħtieġ is-servizz tagħna u li nieħdu kollox minn idejk meta nħabbtu wiċċna mas-saram ta’ din il-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: http://smom-za.org/saints/ubaldesca_text.htm

Alternative Reading: https://catholicsaints.info/saint-ubaldesca-taccini/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Ubaldesca_Taccini

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei. Il-Ħsieb meħud mis-sit Kappelli Maltin.