30 ta’ Mejju: Santa Ġovanna d’Arco

Verżjoni Vidjo: Santa Ġovanna d’Arco

“Xejn ma jbeżżgħani għax Alla huwa miegħi.” – Santa Ġovanna d’Arco

joan-of-arc-9354756-1-402SANTA ĠOVANNA D’ARCO
Verġni
1412 – 1431

Tagħrif: Ġovanna d’Arco, bil-Franċiż, Jeanne d’Arc, twieldet fir-raħal ta’ Domremy, fi Franza minn familja ta’ bdiewa fis-6 ta’ Jannar, 1412.

Kellha 17-il sena, meta waqt li kienet tirgħa n-nagħaġ ta’ missierha, semgħet ilħna misterjużi mis-sema. Kienu l-Arkanġlu San Mikiel, Santa Katerina ta’ Lixandra u Santa Margarita ta’ Antjokja. Qalulha biex issalva lil Franza mill-għedewwa, li dak iż-żmien kienu l-Ingliżi u l-Burgundjani. Kellmet lill-prinċep ereditarju u taha li tmexxi l-armata.

Fl-1429, rebħet lill-Ingliżi f’Orleans, u wara rebħet Patay u Troyes. ll-prinċep aċċetta li jkun inkurunat re ta’ Franza bħala Karlu VII fil-katidral ta’ Reims, b’Ġovanna maġenbu bil-bandiera tar-rebħa f’idejha. Imma meta ħabtet għal Pariġi sfat feruta u f’Mejju, 1430, waqt l-attakk biex teħles il-belt ta’ Compiegne, waqgħet priġuniera tal-Burgundjani, li biegħuha lill-Ingliżi, li għax ma setgħux jikkundannawha għall-mewt talli kienet rebħet il-battalji, ippruvaw li tiġi kkundannata bħala saħħara u eretika.

Fil-21 ta’ Frar, 1431, dehret quddiem tribunal taħt il-presidenza ta’ Pierri Cauchon, isqof ta’ Beauvais, li ried jaqdi lill-Ingliżi biex forsi jilħaq arċisqof ta’ Rouen, flimkien ma’ teologi mill-Università ta’ Pariġi, ilkoll favur l-Ingliżi.

Il-qaddisa dehret għall-aħħar darba quddiem it-tribunal fid-29 ta’ Mejju, meta ġiet ikkundannata b’sentenza inikwa, jiġifieri mill-iktar inġusta, jgħidilna anki l-Martiroloġju Ruman, u l-għada stess ġiet maħruqa ħajja fil-“Vieux Marche” (is-Suq il-Qadim) ta’ Rouen.

Kellha biss 19-il sena. Imma wara li l-każ tagħha reġa’ ġie studjat sewwa u bl-ikbar reqqa b’ordni tal-Papa Kallistu III nnifsu, inqatgħet is-sentenza li ddikjarat li Ġovanna kienet għal kollox innoċenti.

Filfatt kienet mietet martri għal pajjiżha, tlissen l-ismijiet l-iżjed qaddisa ta’ Ġesù u Marija, li dejjem kienu fuq l-istandard tar-rebħiet tagħha.

Mhux biss Napuljun mar jiċċelebra l-jum tat-8 ta’ Mejju, jum ir-rebħa ta’ Orleans fl-1429, bħala jum ta’ festa nazzjonali għal Franza, imma wkoll il-Papa Benedittu XV mar jiddikjaraha qaddisa fis-16 ta’ Mejju, 1920.

Minn dakinhar Jeanne La Pucelle, jew Jeanne D’Arc, imsejħa x-“Xbejba ta’ Orleans”, hija waħda mill-patruni ta’ Franza, fejn il-festa tagħha hi festa nazzjonali.

Ħsieb: F’riflessjoni tal-Papa Franġisku waqt il-Quddiesa minn Dar Santa Marta tat-Tnejn 11 ta’ April 2016, jgħid hekk:

“Id-dutturi tal-liġi jiġġudikaw lill-oħrajn billi jużaw il-Kelma t’Alla kontra l-kelma t’Alla, jagħlqu qlubhom għall-profezija u ma jimpurtahomx mill-ħajja tal-persuni imma biss minn skemi magħmulin minn liġijiet u kliem. 

Id-dutturi tal-liġi akkużaw lil Stiefnu (l-ewwel martri) bil-kalunnji għax ma jirnexxilhomx jikkumbattu l-għerf u l-ispirtu li bih kien qed ikellimhom. Huma kesksu xhieda foloz biex jgħidu li semgħuh jidgħi b’Mosè u b’Alla. Il-qalb magħluqa għall-verità ta’ Alla, taqbad biss mal-veritajiet tal-liġi, anzi, aktar milli mal-liġi, mal-irqaqat tagħha. B’hekk ma ssib ebda triq oħra ħlief il-gideb, ix-xhieda foloz u l-mewt.

Stiefnu, jintemm bħall-Profeti qablu, jintemm bħal Ġesù. Din l-istorja tibqa’ tirrepeti ruħha fil-Knisja. L-istorja tgħidlina li ħafna nies li jinqatlu, li jkunu ġġudikati, ikunu innoċenti: iġġudikati mill-Kelma t’Alla kontra l-Kelma t’Alla. Niftakru ftit dwar il-kaċċa għas-sħaħar jew dwar Santa Ġovanna d’Arco u tant oħrajn li sfaw maħruqin, ikkundannati għax, fil-fehma tal-imħallfin, ma mxewx mal-Kelma t’Alla.

Il-mudell ta’ dan kollu hu Ġesù li biex jibqa’ fidil u biex jobdi l-Kelma t’Alla, jispiċċa msammar ma’ Salib.”  

Nhar il-Ħamis, 12 ta’ Marzu 2015, f’Omelija oħra, il-Papa Franġisku jerġa’ jsemmi lill-qaddisa b’dan il-mod:

“Minkejja l-kobor ta’ dawk magħżula biex iwasslu l-messaġġ tiegħu bit-tagħlim u bl-azzjonijiet tagħhom, l-istorja tas-Salvazzjoni hi bogħod milli tkun perfetta: hi mimlija ipokrisija u infedeltà.

Il-Vanġelu meħud minn Luqa wkoll itina eżempju ta’ din il-qalb iebsa, truxa għall-Kelma t’Alla. Fih Ġesù jkeċċi xitan minn raġel u bi tweġiba jirċievi l-akkuża li qed jagħmel dan bis-saħħa tal-prinċep tax-xjaten. ‘Int saħħar bid-demonju fik!’ Din, qal il-Papa Franġisku, hija l-iskuża tipika ta’ min jagħmel il-liġijiet, għax jaħseb li l-ħajja hija mmexxija mil-liġijiet li jagħmel hu.

Din hi wkoll l-istorja tal-Knisja! Aħsbu ftit fil-povra Ġovanna d’Arco. Illum hija qaddisa, imma kienet sfat maħruqa fuq il-ħuġġieġa għax akkużawha li kienet eretika. L-inkwiżituri, dawk li kienu jimxu fuq ir-regoli, dawk il-Fariżej… kienu bogħod ħafna mill-imħabba t’Alla. U aktar qrib tagħna, naħsbu fil-Beatu Antonio Rosmini. Il-kitbiet tiegħu kienu kollha mqiegħdin fl-indiċi, ma stajtx taqrahom u kien dnub li taqrahom. Illum hu beatu.”

In-nies awtentiċi, in-nies ġusti ma jibżgħux imutu għal Kristu għax anki l-mewt hi rebħ għalihom għax tiftħilhom il-bieb għall-ħajja glorjuża li tibqa’ għal dejjem. U int, qed tagħżel il-qdusija fuq l-ipokrisija?

Talba: Mulej, Inti ħeġġiġt lil Santa Ġovanna d’Arco, verġni tiegħeK, biex tiddefendi l-Fidi ta’ pajjiżha f’ismeK. Permezz tal-interċessjoni tagħha, agħti lill-Knisja tiegħeK li tegħleb in-nases tal-għedewwa tagħha u tilħaq paċi dejjiema. Ammen.  

English Version: http://saintscatholic.blogspot.com/2014/05/st-joan-of-arc.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-joan-of-arc/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Joan_of_Arc

Two films on Saint Joan of Arc:

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements