31 ta’ Mejju: Iż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija

Verżjoni Vidjo: Iż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija

‘Hienja int, Marija, għax emmint li għad iseħħ dak kollu li l-Mulej bagħat jgħidlek.’ U qalet Marija: ‘Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej. Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom x’għamel Alla miegħi’ – Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa taż-Żjara tal-Verġni Mqaddsa Marija.

en13jan40-43-arts-article-bloch-2012-12-06IŻ-ŻJARA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

Tagħrif: F’għeluq ix-xahar ta’ Mejju, iddedikat lill-Madonna, il-Knisja tfakkarna fiż-żjara li Marija għamlet lil Santa Eliżabetta, li dwarha jitkellem San Luqa fil-Vanġelu tiegħu (Lq. 1, 39-56), fl-aħħar 18-il vers tal-ewwel kapitlu.

Illum il-Knisja tfakkarna fiż-żjara li l-Madonna għamlet lill-qariba tagħha Santa Eliżabetta; ġrajja li nikkontemplaw fuqha fir-rużarju, fit-tieni misteru tal-ferħ.

Din il-festa tiġi bejn il-festi tat-Tħabbira tal-Mulej, 25 ta’ Marzu, meta l-Arkanġlu Gabrijel ħabbar lil Sidtna Marija li kellha ssir Omm Alla; u t-twelid ta’ San Ġwann Battista, fl-24 ta’ Ġunju.

Din iż-żjara ġrat hekk: Marija kienet għadha kif aċċettat li tkun omm il-Feddej. L-Anġlu Gabrijel kien għarrafha li Eliżabetta, qaribtha, kienet se ssir omm fi xjuħitha u ġa kienet ilha 6 xhur li nisslet, minkejja li kienu jgħidu li ma setax ikollha wlied. San Luqa jgħid li Marija “qamet f’dawk il-jiem u telqet bil-għaġla” biex iżżur lil qaribtha, tifirħilha u tgħinha f’dak kollu li kellha bżonn. Eliżabetta, skont tradizzjoni qadima, kienet toqgħod f’Għajn Karim, raħal fuq għolja, xi 5 mili ’l isfel minn Ġerusalemm, u fuq 60 mil minn Nazaret, ir-raħal ta’ Marija.

L-Evanġelista jgħid li hekk kif Marija daħlet fid-dar ta’ Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta, it-tarbija qabżet bil-ferħ fi ħdanha, u għolliet leħinha u, mnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, għajtet b’leħen għoli u qaltilha: ‘Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek! U mnejn ġieni dan, li tiġi omm il-Mulej għandi? … Imbierka dik li emmnet li jseħħ dak li qalilha l-Mulej!’ Għal dan il-kliem ta’ tifħir, Marija faħħret lill-Mulej bil-Magnificat: ‘Ruħi tfaħħar il-Mulej u tifraħ ruħi f’Alla s-salvatur tiegħi.’ (Luqa 1:26-56)

It-Tradizzjoni tgħid li l-Madonna baqgħet ma’ Eliżabetta sa wara t-twelid tat-tarbija, San Ġwann il-Battista, u ċ-ċirkonċiżjoni tiegħu.

Din il-festa bdiet issir b’solennità mill-Ordni Franġiskan sa mis-seklu 13. Ġiet estiża għall-Knisja kollha mill-Papa Urbanu VI fl-1389 biex jaqla’ bl-interċessjoni ta’ Marija, il-waqfien tax-Xiżma tal-Punent li tant għamlet deni fil-Knisja Kattolika.

Sa ftit tas-snin ilu kienet issir fit-2 ta’ Lulju, imma minn wara l-Konċilju ’l hawn, bdiet issir fil-31 ta’ Mejju – jum li fih kienet issir il-festa ta’ Marija bħala reġina. Kien ħsieb tassew postu tal-Knisja li jagħlaq ix-xahar ta’ Mejju – li hu kollu ddedikat lil Marija – b’din il-festa li turina lil Marija sservi lil mara xiħa fil-bżonn. Speċi l-Knisja trid tfakkar lid-devoti kollha ta’ Marija biex jimitawha fis-servizz u għajnuna li dawk kollha li tassew iħobbu lil Alla għandhom jagħtu lill-bnedmin ħuthom fil-bżonn, għax fihom wieħed jilmaħ il-persuna ta’ Kristu.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji ta’ San Beda l-Venerabbli, saċerdot:

Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.’ B’dawn il-kelmiet, Marija stqarret l-ewwelnett id-doni speċjali mogħtija lilha, u mbagħad semmiet il-grazzji ġenerali li Alla sa mill-bidu qatt ma jonqos li jagħti lill-bnedmin.

Tfaħħar il-kobor tal-Mulej ir-ruħ ta’ dak li jingħata kollu kemm hu biex ifaħħar u jaqdi lil Alla bis-sentimenti kollha tiegħu, u jħares il-kmandamenti tiegħu ħalli juri li qiegħed dejjem iżomm fi ħsiebu s-setgħa u l-kobor tiegħu.

Jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħu l-ispirtu ta’ dak li l-għaxqa waħdanija tiegħu hi t-tifkira ta’ min ħalqu, li minnu jittama s-salvazzjoni ta’ dejjem.

Mela dawn il-kelmiet joqogħdu tajjeb fuq ix-xufftejn tal-perfetti kollha; imma kien jixraq l-iżjed li tgħidhom l-Omm qaddisa ta’ Alla, li, bi privileġġ speċjali, l-ispirtu tagħha kien imħeġġeġ bl-imħabba lejn dak li ferraħha bit-tnissil tiegħu minnha bħala bniedem.

Kellha raġun Marija tifraħ wisq iżjed mill-qaddisin l-oħra b’Ġesù, is-Salvatur tagħha, għax hi mhux biss għarfitu bħala l-għajn eterna tas-salvazzjoni imma wkoll kienet taf li hu stess se jitwieled minnha bħala bniedem, b’mod li l-istess persuna tkun tassew Binha u Sidha.

‘Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu.’ Stqarret li l-kobor kollu tagħha ma kien xejn mertu tagħha, imma don ta’ dak li hu setgħani u kbir fih innifsu, u jkabbar u jqawwi lill-fidili ċkejknin u dgħajfin tiegħu.

Għamlet tajjeb li żiedet tgħid: ‘Qaddis hu l-isem tiegħu.’ B’hekk wissiet lil dawk kollha li jisimgħu dawn il-kelmiet, anzi wriethom kif għandhom minnufih jemmnu f’isem il-Mulej u jsejjħulu, biex huma wkoll jistgħu jkollhom sehem mill-qdusija ta’ dejjem u mis-salvazzjoni vera, skont il-kliem tal-profeta: U jiġri li kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salv. Għax dan hu l-isem li Marija fehmet meta aktar ‘il fuq qalet: ‘U l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi.’

Minn hawn ġejja d-drawwa tassew sabiħa u ta’ fejda fil-Knisja mqaddsa, li l-fidili kollha, fl-Uffiċċju tal-għasar, itennu kuljum il-kantiku ta’ Marija, ħalli b’hekk it-tifkira ta’ l-inkarnazzjoni tal-Mulej iħeġġeġ sikwit lill-insara bl-imħabba, u l-eżempji ta’ Omm Alla jsaħħuhom u jwettquhom dejjem iżjed fil-virtù. U hi ħaġa f’waqtha li dan isir fl-għasar, biex wara t-taħbit tal-ġurnata u t-tixrid fuq il-ħafna ħsibijiet, ir-ruħ tagħna, meta jasal ħin il-mistrieħ, tinġabar fiha nfisha f’Għaqda waħda ma’ dak li jkollha fi ħsiebha.”

Is-sema ta’ fuq rasna jista’ jiddallam u tfaqqa’ tempesta qalila. B’daqshekk m’għandniex għalfejn nitwerwru. Jekk ikollna fiduċja f’Marija, kif suppost għandu jkollna, għandna naraw fiha l-Verġni l-aktar qawwija li permezz tas-saqajn Verġni saħqet ir-ras tas-serpent. ~ San Piju X (1835-1914)

  • U int, tistieden lil Marija, Ommok tas-Sema, tiġi żżurek u kif għenet lil Santa Eliżabetta fi żmien diffiċli tal-ħajja tagħha, hekk ukoll tgħin lilek, fl-itqal mument ta’ ħajtek u fil-pont tal-mewt tiegħek?
  • Taqdi lil ħaddieħor fil-bżonn anki meta jkollok tagħmel sagrifiċċji ġieli mhux żgħar?
  • Tagħraf tfaħħar lil Alla meta n-nies tfaħħar lilek għax taf li kollox huwa don u rigal tiegħu sa l-istess ħajja tiegħek?

Bħala għajnuna biex wieħed jitlob ir-Rużarju, tistgħu tidħlu fil-Youtube Channel bl-isem ta’ Rużarji u Devozzjonijiet bil-Malti. Fih issibu ġabra ta’ vidjows kollha fuq ir-Rużarju. Ara din il-link: https://devozzjonilejnmarija.wordpress.com/youtube/

Talba: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja. Għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.

Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn.

Ħa ħsieb Iżrael, qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed lil missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem. (Il-Kantiku ta’ Marija)

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, meta l-Verġni Mqaddsa Marija saret Omm Ibnek, qabel ma tatu lid-dinja int nebbaħtha biex tmur iżżur lil Eliżabetta; agħmel li aħna wkoll inġibu ruħna skont ma jnebbaħna l-Ispirtu s-Santu biex inkunu nistgħu, flimkien ma’ Marija, infaħħru dejjem il-kobor tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://opusdei.org/en/article/life-of-mary-vi-visitation-to-saint-elizabeth/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/visitation/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Visitation_(Christianity)

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements