30 ta’ Ġunju: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Verżjoni Vidjo: L-Ewwel Martri ta’ Ruma

Kotra bla qjies ta’ martri baqgħu magħquda bejniethom fl-imħabba bħal aħwa, għax kellhom spirtu wieħed u fidi waħda. Ħabbew lil Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhuh f’mewthom għalhekk isaltnu miegħu għal dejjem.” – Żewġ antifoni mil-Liturġija tas-Sigħat tat-Tifkira tal-Ewwel Martri ta’ Ruma.

PP-EarlyPersecutionOfChristians_JS_0027.jpgL-EWWEL MARTRI TA’ RUMA
? – 64

Tagħrif: Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Ħsieb: L-għada tal-festa tal-martirju tal-Appostli Pietru u Pawlu, il-Knisja tfakkar il-martirju ta’ għadd kbir ta’ Nsara li mietu qabilhom fil-belt eterna. L-għadd ta’ Insara li mietu martri f’Ruma fl-ewwel snin tal-era nisranija Alla biss jafu. Ta’ min isemmi li l-ewwel 31 Papa kienu lkoll martri. Jissemmew biss uħud minnhom li baqgħu magħrufin ħafna, imma ħafna oħrajn, irġiel u nisa, lanqas biss nafu isimhom, imma xorta waħda huma martri li biċ-ċarċir ta’ demmhom urew l-imħabba u l-fidi tagħhom fi Kristu li għalih taw ħajjithom kif għamel għalihom Kristu stess meta miet għalihom fuq is-salib biex jifdihom.

Ġesù jwiddeb: “Min ifittex li jsalva ħajtu, jitlifha, iżda min jitlifha minħabba fija, isalva.” Kristu joffri ħajtu b’sagrifiċċju biex jiftaħ il-bieb tal-ħajja ta’ dejjem għalina l-bnedmin. Għalhekk, biex nirbħu l-ħajja ta’ dejjem, jeħtiġilna niċċaħħdu minn dik tad-dinja. Imissna mmutu ma’ Kristu, biex inqumu miegħu: dan ifisser li kuljum nitgħabbew bit-tbatija u ċ-ċaħda sa ma jkollna l-almu tal-martri u biċ-ċarċir ta’ demmna nkunu xhieda għat-tagħlim tiegħu.

Il-fidi u l-grazzja tat lil dawn il-martri l-qawwa biex jirbħu l-ġibdiet tal-laħam u tad-demm. Ma abbandunawx lil uliedhom, iżda ħallewhom f’idejn Alla u f’idejn nieshom. Qatt ma nitilfu dak li għandna meta nħalluh biex nobdu ’l Alla.

X’kienet tkun id-dinja mingħajr Ġesù ta’ Nazaret? Anke l-filosfu u l-istoriku Franċiż Ernest Renan, kritiku qawwi tal-Knisja, jagħraf li “jekk tneħħi l-isem ta’ Ġesù mid-dinja tkun bħal ċaqlaqt il-pedamenti.”

Imma l-mistoqsija l-aktar importanti hija din: “Xi nkun jien mingħajr Ġesù ta’ Nazaret?” Huwa dan is-sentiment qawwi li qanqal lill-Appostli u wassalhom biex jaslu sat-trufijiet tad-dinja. Ħadd qatt ma tkellem bħalu dan il-bniedem, għaliex ingħata għal kollox għall-oħrajn sa ma sar xejn. Ħadd ma ordna bħalu lill-baħar u lir-riħ biex jisktu jew lill-ispirti ħżiena li jitturmentaw lill-bnedmin biex iħalluhom fis-sliem.

Il-qaddisin, bħal f’leħħa ta’ berqa, iltaqgħu mal-persuna ta’ Kristu. L-Appostli Pietru u Ġwanni, quddiem it-tribunal li seta’ jikkundannahom, mingħajr biża’ qalu: “Din hi l-ġebla li intom il-bennejja warrabtu, u li saret il-ġebla tax-xewka. F’ħadd ħliefha ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4: 11-12).

Santa Tereża Beneditta tas-Salib (Edith Stein) tgħid: “Is-salib irid ikun bħal bandiera li nimxu warajha mgħobbija bit-twegħir kollu tal-ħajja. U mis-salib irid joħroġ l-għerf l-aktar siewi: l-għerf tas-salib.”

Talba: O Alla, int ikkonsagrajt bid-demm tal-martri l-ewwel ġmiegħi kotrana tal-Knisja ta’ Ruma; agħtina li nitwettqu bil-qawwa u l-ħila li dawn il-martri qalbiena wrew fit-taqbida, u li nifirħu dejjem bir-rebħa qaddisa tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholiccompany.com/getfed/first-christian-martyrs-church-rome-2/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/firsaint-martyrs-of-the-church-of-rome/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/First_Martyrs_of_the_Church_of_Rome

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut mill-fuljett Signum Fidei.

29 ta’ Ġunju: San Pietru u San Pawl

Verżjoni Vidjo: San Pietru u San Pawl

“Appostlu San Pawl, xandâr tas-sewwa u mgħallem tal-ġnus, tassew jistħoqqlok li tkun igglorifikat. Bik il-ġnus kollha għarfu l-grazzja ta’ Alla.” – Responsarju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Pietru u San Pawl.

5116ff651d727ee6f790ae5f93696bdb.jpgSAN PIETRU U SAN PAWL
Appostli
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Il-festa ta’ San Pietru u San Pawl hija għażiża ħafna għall-Knisja speċjalment għalina l-Maltin li nsejħulha “l-Imnarja”. San Pietru hu l-Kap tal-Knisja, u San Pawl waqqaf il-Knisja f’Malta.

San Pietru kien sajjied, jismu Xmun u kien wieħed minn tal-ewwel li ġie msejjaħ minn Ġesù biex ikun appostlu tiegħu, li bidillu ismu f’Pietru.

Meta Ġesù ġie arrestat, San Pietru ċaħdu tliet darbiet, iżda malajr iddispjaċih u patta bil-kbir.

Wara li qam mill-mewt Ġesù staqsa lil Pietru tliet darbiet wara xulxin jekk kienx iħobbu, u wara li għal tliet darbiet San Pietru wieġeb fl-affermattiv, Ġesù fdalu l-merħla tiegħu.

Hekk kif inħeles mill-ħabs fil-persekuzzjoni ta’ Erodi Agrippa f’Ġerusalemm, fis-sena 43, San Pietru mar Antjokja, u wara Ruma, il-belt kapitali tad-dinja ta’ dak iż-żmien.

Baqa’ Ruma, barra mill-ftit żmien li fih kien f’Ġerusalemm għall-ewwel Konċilju tal-Knisja, sakemm ġie msallab rasu l-isfel fil-ġnien ta’ Neruni fuq l-għolja tal-Vatikan, aktarx bejn is-sena 64 u s-67. Kostantinu l-Kbir bena knisja fuq il-qabar tiegħu; wara nbniet flokha l-knisja maestuża ta’ San Pietru li hemm illum.

San Pawl kien Lhudi akkanit, Fariżew, li wara l-konverżjoni tiegħu fit-triq lejn Damasku sar appostlu l-iktar ferventi ta’ Ġesù.

Billi kien bniedem ta’ għerf kbir u kien jaf tajjeb il-kultura sew Griega u sew Lhudija, kien ta’ għajnuna kbira għall-Knisja fil-bidu tat-tixrid tagħha.

Iżda l-ħaġa l-iktar li spikkat fih, kienet l-imħabba kbira tassew li kellu lejn Ġesù. “Ngħix, imma mhux jien, iżda jgħix fija Kristu.” (Galatin 2:20)

Għadda ħamsa u għoxrin sena jiġri minn pajjiż għall-ieħor jipprietka ‘l Ġesù. Aħna l-Maltin għandna l-kbira xorti li ġejna, bħala nazzjon, ikkonvertiti minnu, fis-sena 60.

Fl-istess persekuzzjoni ta’ Neruni, li fiha kien miet San Pietru, San Pawl ġie arrestat, mitfugħ il-ħabs u wara ġie maqtul bi qtugħ ir-ras, aktarx ukoll bejn is-sena 64 u s-67.

Sal-Konċilju Vatikan II, iż-żewġ Appostli kellhom festa separata, waħda għal kull wieħed minnhom. San Pietru fid-29 ta’ Ġunju – San Pawl fit-30 ta’ Ġunju. Mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn, issir ċelebrazzjoni waħda għat-tnejn.

Ħsieb: Din li ġejja hi silta mid-diskorsi ta’ Santu Wistin:

“U bir-raġun kollu wara l-qawmien mill-imwiet, il-Mulej ħalla f’idejn l-istess Pietru biex jirgħa n-ngħaġ tiegħu. Ma kienx hu waħdu fost id-dixxipli li stħaqqlu jirgħa n-nagħaġ tal-Mulej; iżda meta Kristu kellem lil Pietru waħdu, kellu f’moħħu għaqda waħda; u l-ewwelnett lil Pietru, għax fost l-appostli Pietru l-ewwel.

Xejn tiddejjaq, appostlu: agħti t-tweġiba tiegħek, darba, tnejn, tlieta. Stqarr għal tliet darbiet l-imħabba u irbaħ, kif ċħadt għal tliet darbiet bil-biża’ u tlift. Ħoll għal tliet darbiet dak li rbatt għal tliet darbiet. Ħoll bl-imħabba dak li rbatt bil-biża’. Madanakollu l-Mulej f’idejn Pietru ħalla n-nagħaġ tiegħu, darba, darbtejn, tliet darbiet.

F’jum wieħed qegħdin niċċelebraw il-martirju ta’ żewġ appostli. Imma dawn it-tnejn kienu ħaġa waħda bejniethom; għalkemm mhux it-tnejn mietu f’jum wieħed, imma kienu ħaġa waħda. L-ewwel miet Pietru u mbagħad warajh Pawlu. Niċċelebraw il-festa ta’ dawn iż-żewġ appostli f’jum ikkonsagrat għalina b’demmhom. Inħobbu l-fidi, il-ħajja, it-taħbit, it-tbatijiet, l-istqarrijiet u x-xandir kollu tagħhom.”

Dan diskors tal-Papa Franġisku, mill-omelija nhar il-festa San Pietru u San Pawl, 2014:

“Pietru daq kif il-fedeltà lejn Alla hi akbar mill-infedeltajiet tagħna u aqwa minn kull ċaħda. Jintebaħ li l-fedeltà għall-Mulej tbiegħed minna l-biżgħat tagħna u tmur ’l hemm minn kull immaġinazzjoni umana. Anki lilna, illum, Ġesù jistaqsina: “Tħobbni int?”. Dan jagħmlu propju għax jaf x’inhuma l-biżgħat kollha tagħna u t-tbatijiet tagħna. Pietru jurina t-triq: nafdaw fih, li “jaf kollox” fuqna, nafdaw mhux fil-ħila tagħna li nkunu fidili lejh, imma fil-fedeltà tiegħu li ma tiġġarraf qatt. Ġesù qatt ma jitlaqna waħidna, għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu (ara 2 Timotju 2:13). Hu jibqa’ fidil. Il-fedeltà li Alla bla heda jwettaq anki fina r-rgħajja, lil hemm mill-merti tagħna, hi l-għajn tal-fiduċja tagħna u tal-paċi tagħna. Il-fedeltà tal-Mulej lejna żżomm dejjem mixgħula fina x-xewqa li naqduh u li naqdu lil ħutna fl-imħabba”.

Din silta mid-diskors ta’ Papa Franġisku fl-omelija tal-Quddiesa fl-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Petrin (19 ta’ Marzu, 2013):

“Hu minnu li Ġesù Kristu lil Pietru tah f’idejh is-setgħa, imma x’setgħa hi din? Wara l-mistoqsija tripla li Ġesù jagħmel lil Pietru dwar l-imħabba, tasal l-istedina tripla: ‘irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi.’ Ma ninsew qatt li s-setgħa vera hi s-servizz, u li anki l-Papa, biex iħaddem is-setgħa tiegħu, irid jidħol dejjem iżjed f’dak is-servizz li għandu l-quċċata kollha dawl tiegħu fuq is-Salib; irid iħares lejn is-servizz umli, konkret, għani fil-fidi, ta’ San Ġużepp u bħalu jiftaħ dirgħajh biex iħares lill-Poplu kollu ta’ Alla u jilqa’ għandu bl-imħabba u l-ħlewwa lill-bnedmin kollha, speċjalment l-iżjed foqra, l-iżjed dgħajfa, l-iktar żgħar, dawk li Mattew jiddeskrivi fil-ġudizzju finali dwar l-imħabba: min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs (ara Mattew 25:31-46).”

U dan diskors tal-Papa Franġisku, mill-omelija nhar 29 ta’ Ġunju, 2013:

“Niftakru f’Pietru. Meta stqarr il-fidi tiegħu f’Ġesù, dan m’għamlux bil-kapaċità umana tiegħu, imma għaliex kien mirbuħ mill-grazzja li Ġesù ħareġ minnu, mill-imħabba li kien iħoss fi kliemu u li kien jara fl-azzjonijiet tiegħu: Ġesù kien juri l-imħabba t’Alla fil-persuna tiegħu!

U l-istess ġralu Pawlu, anke jekk b’mod differenti. Bħala żagħżugħ, Pawlu kien għadu tal-insara, u meta Ġesù mqajjem mill-imwiet sejjaħlu fit-triq ta’ Damasku, ħajtu nbidlet: fehem li Ġesù ma kienx mejjet, imma ħaj, u sar iħobb lilu wkoll li qabel kien għadu tiegħu! Hekk u l-esperjenza tal-ħniena, tal-maħfra t’Alla f’Ġesù Kristu: din hija l-Bxara t-Tajba, l-Evanġelju li Pietru u Pawlu sperimentaw fihom infushom u li għalih taw ħajjithom. Ħniena, maħfra! Il-Mulej dejjem jaħfrilna, il-Mulej għandu l-ħniena, huwa ħanin, għandu qalb ħanina u dejjem jistenniena.”

Talba: O Alla, int timliena b’ferħ qaddis f’dan il-jum ta’ festa solenni f’ġieħ l-Appostli San Pietru u San Pawl; agħmel li l-Knisja tiegħek timxi dejjem fuq it-twissijiet tagħhom kif bihom int qegħedt fiha s-sisien tar-reliġjon. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-peter-and-paul-501

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-saints-peter-and-paul/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Feast_of_Saints_Peter_and_Paul

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Ġunju: San Irinew

Verżjoni Vidjo: San Irinew

“Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu.” – San Irinew

SOD-0628-SaintIrenaeus-790x480.jpgSAN IRINEW
Isqof u Martri
130 – 202

Tagħrif: San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) fis-sena 130. Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma’ San Polikarpu. Min Ruma mar Lyon, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyon, San Potinu.

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju. Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Mark Awrelju.

Meta San Irinew reġa’ lura f’Lyon, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa tal-Għid.

Madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Polikarpu. Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa tal-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi. L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyon xi 24 sena. Billi San Irinew kien dixxiplu ta’ Polikarpu, u dan kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu, id-djoċesi ta’ Lyon għadha sal-lum il-knisja primarzjali ta’ Franza kollha minħabba l-qedem kbir tagħha.

Ħsieb: Dan il-qaddis, imsejjaħ “Missier it-Teoloġija Kattolika,” kien iben familja nisranija li kienet tgħix fl-Asja Minuri (Turkija). Irinew kellu jeħodha kontra l-eretiċi msejħa Njostiċi, li kienu jippretendu li kellhom tagħrif dwar is-salvazzjoni li kien superjuri għal dak li kienet toffri l-ġerarkija tal-Knisja. L-isqof Irinew jispjega li d-duttrina vera nisranija tinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni, u jinsisti li t-tradizzjoni appostolika hi miżmuma fis-safa kollha tagħha b’mod speċjali fil-Knisja ta’ Ruma.

Ix-xogħol kbir tiegħu ‘Adversus Haereses,’ ippreservat bil-Latin biss, temm l-injostiċiżmu bħala forza fil-knisja. Hu l-aktar teologu importanti tat-tieni seklu. Permezz tiegħu l-fidi sħiħa u ortodossa tat-tradizzjoni appostolika twasslet għandna bil-kitba.

San Irinew jibqa’ msemmi għall-mod kollu karità li bih kien jittratta l-avversarji tiegħu. Għex tassew it-tifsira ta’ ismu, li bil-Grieg tfisser “iħobb il-paċi.” Ħalla miktub: “M’hemmx Alla mingħajr tjubija.” u “Hu permezz tal-imħabba li l-Verb sar dak li aħna, biex aħna nsiru dak li hu Hu,” u lil dawk li kienu kontrih jiktbilhom: “Aħna noffrulkom idejna b’qalbna kollha, u ma nehdew qatt li noffruhielkom.” Irinew kiteb bil-Grieg; hu jiskuża ruħu li ma kitibx bi stil eleganti, “għaliex,” qal, “aħna qed ngħixu qalb iċ-Ċelti, u kemm hi lingwa stramba din li qed ikollna nitkellmu biha!”

Qari mit-Trattat tal-Isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”:

“Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu. Il-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija liema bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni liema bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrihulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha tal-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?”

  • U int, qed tirċievi l-kuraġġ mingħand Alla biex tgħix u tistqarr il-ħajja tal-fidi tiegħek fi Kristu Sidna?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-irenaeus-285

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-irenaeus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Irenaeus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Ġunju: San Ċirillu ta’ Lixandra

Verżjoni Vidjo: San Ċirillu ta’ Lixandra

“Jista’ xi bniedem jgħanni t-tifħir li jixraq lid-dinjità ta’ Marija, li hija ‘l fuq minn kull tifħir? Hija Omm u Verġni fl-istess ħin, ħaġa tassew tal-għaġeb!” – San Ċirillu ta’ Lixandra.

st-cyril-of-alexandria-4.jpgSAN ĊIRILLU TA’ LIXANDRA
Isqof u Duttur tal-Knisja
370 – 444

Tagħrif: San Ċirillu twieled Lixandra, l-Eġittu, fis-sena 370. Għall-ewwel mar jgħix bħala eremita, imbagħad ordna saċerdot u mar ma’ zijuh, Teofilu, li kien il-Patrijarka ta’ Lixandra. Meta fis-sena 412 il-Patrijarka miet, Ċirillu laħaq floku.

Għall-bidu, Ċirillu kien awtoritarju u aħrax, u beda jagħlaq il-knejjes tal-eretiċi Novazjani, u kellu ħafna konfronti mal-Lhud tal-belt. Iżda wara ftit snin inbidel u beda juri l-kwalitajiet kbar tiegħu speċjalment fid-difiża tal-misteru tal-Inkarnazzjoni.

Fis-sena 428, Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli, ħareġ bl-ereżija li Ġesù kellu żewġ persuni, waħda umana u l-oħra divina, u għalhekk ċaħad li l-Madonna hi Omm Alla. Ċirillu ntefa’ b’ruħu u b’ġismu jgħallem bil-kelma tal-pinna u tal-fomm kontra din l-ereżija. Anke appella lill-Papa San Ċelestinu I.

Fis-sena 431, Ċirillu, bħala r-rappreżentant tal-Papa, mexxa u ppresieda t-Tielet Konċilju ta’ Efesu li għalih kienu attendew aktar minn mitejn isqof, u li fih Nestorju kien ġie kkundannat u skomunikat u eventwalment eżiljat fid-deżert tal-Eġittu.

Kiteb ħafna fuq it-Teoloġija u fuq l-Ispiritwalità biex b’għaqal kbir ifisser u jiddefendi l-fidi Nisranija, speċjalment fuq il-Madonna li hi Omm Alla; fuq l-unjoni taż-żewġ naturi, divina u umana ta’ Kristu, u li l-Persuna Divina sofriet fin-natura umana. It-tagħlim tiegħu għen il-Knisja għal sekli sħaħ wara mewtu.

Hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, bħalma Santu Wistin hu magħruf bħala d-Duttur tal-misteru tal-Grazzja.

Miet fis-27 ta’ Ġunju tas-sena 444. San Ċirillu ta’ Lixandra kien iddikjarat duttur tal-knisja mill-Papa Ljun XIII fl-1882.

Ħsieb: Il-qaddisin ma twildux bir-raġġiera ma’ rashom, u kien hemm żmien fil-ħajja ta’ dan il-qaddis li juri li kien ta’ karattru impulsiv, u kultant ukoll vjolenti. San Ċirillu ta’ Lixandra jibqa’ l-aktar magħruf bħala d-difensur qawwi tat-titlu tal-Madonna Theotokos, jiġifieri “Omm Alla.” Waslulna ħafna kitbiet importanti ta’ dan l-isqof għaref Lixandrin.

Fis-Sena 431, fit-Tielet Konċilju ta’ Efesu, taħt il-Presidenza ta’ San Ċirillu ta’ Lixandra, ġiet imfissra l-unità personali ta’ Kristu, Alla u Bniedem, u Marija ġiet idikkjarata Omm Alla (Theotokos) kontra dak li kien ixandar Nestorju, Isqof ta’ Kostantinopli. Fl-istess Konċilju ġiet imġedda l-kundanna ta’ Pelagius.

Din li ġejja hija kitba ta’ San Ċirillu, isqof ta’ Lixandra, bit-titlu ‘Jekk ma mmutx, id-Difensur ma jiġix għandkom: ‘

“Il-Mulej kien temm kull ma kellu jagħmel fid-dinja, iżda kien jeħtieġ li aħna jkollna sehem min natura tiegħu ta’ Alla, jiġifieri li aħna nintrefgħu mill-ħajja naturali tagħna u ninbidlu għalkollox biex ngħixu ħajja tassew ġdida u ta’ tjieba: dan seta’ jsir biss bl-għoti tal-Ispirtu s-Santu.

L-aħjar żmien għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu u għat-tiswib tiegħu fina kien iż-żmien li fih is-Salvatur tagħna Ġesù Kristu kellu jħalli d-dinja.

Sakemm Kristu kien jgħix fost il-fidili tiegħu b’ġisem bħal tagħna, hu – naħseb jien – kien jidher fosthom bħala dak li jqassmilhom kull ġid; iżda meta wasal iż-żmien li fih kellu jerġa’ lura għand il-Missier kien jeħtieġ li b’xi mod jibqa’ qrib dawk li kienu jqimuh. Dan seħħ permezz tal-Ispirtu s-Santu, li jgħammar fi qlubna bil-fidi, biex hekk inkunu nistgħu ngħidu: “Abba! Missier!”, u bil-ħeffa kollha nkunu nistgħu nagħmlu kull xorta ta’ għemil tajjeb. Barra minn dan, aħna nidhru ukoll qawwija u mhux mirbuħa mit-theddid tax-xitan u mit-tiġrib tal-bnedmin, għax fina hemm l-Ispirtu s-Santu, li jista’ kollox.

Kulħadd jista’ jara malajr mill-Kotba Mqaddsa tal-Patt il-qadim u tal-Patt il-ġdid kif l-Ispirtu s-Santu jbiddel għalkollox ‘il dawk li fihom jinżel jgħammar ħa jagħtihom ħajja ġdida.

Samwel il-qaddis, meta kellem lil Sawl, qallu: Jissawwab fuqek l-Ispirtu tal-Mulej u int issir bniedem ieħor. U San Pawl jgħidilna: Aħna lkoll li, b’wiċċna mikxuf, nirriflettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej li hu Spirtu.

Tara kif l-Ispirtu jbiddel f’sura oħra ‘l dawk li fihom jgħammar? Malajr ibiddel ix-xewqa għall-ħwejjeġ tad-dinja f’kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ tas-sema, u minn nies beżżiegħa u bla ħila jagħmel nies kollhom qlubija u ħeġġa u qawwa. Bla dubju ta’ xejn dan narawh iseħħ fid-dixxipli tal-Mulej: tant twettqu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li qatt ma setgħu jintrebħu mill-qilla ta’ dawk li ppersegwitawhom, imma bil-qawwa kollha baqgħu sħaħ fl-imħabba ta’ Kristu.

Minnu għalhekk dak li qal is-Salvatur: Jeħtieġ nerġa’ lura lejn is-sema. Kien wasal iż-żmien tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu”.

Talba: Is-sliem għalik, O Marija, Omm Alla, teżor għani tad-dinja, dawl li ma jintefa qatt, kuruna tax-xbubija, xettru tas-sewwa, tempju li ma jistax jaqa’, dar fejn jgħammar dak li mkien ma jista’ jesgħu, Omm u Verġni, li minnek hu Dak li ġej Imbierek f’isem il-Mulej. (San Ċirillu)

O Alla, aħna nemmnu li l-Verġni mqaddsa Marija hija Omm Alla, kif b’qawwa kbira għallem l-isqof San Ċirillu; agħmel li niksbu s-salvazzjoni ta’ dejjem bis-saħħa tal-inkarnazzjoni ta’ Kristu Ibnek, li hu Alla. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-cyril-of-alexandria-516

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-cyril-of-alexandria/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Cyril_of_Alexandria

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

26 ta’ Ġunju: San Josemarìa Escrivà de Belaguer

Verżjoni Vidjo: San Josemarìa Escrivà de Belaguer

“Ir-rużarju mqaddes huwa arma qawwija. Użah b’kunfidenza u tibqa’ b’ħalqek miftuħ bir-riżultati tiegħu.” – San Josemarìa Escrivà de Belaguer.

31b96425252c620f84e4018aa88dd20cSAN JOSEMARÌA ESCRIVÀ DE BELAGUER
Saċerdot
1902 – 1975

Tagħrif: Dan il-qaddis twieled fi Barbastro, Spanja, fid-9 ta’ Jannar, 1902. Kien ordnat saċerdot ta’ 23 sena fit-28 ta’ Marzu, 1925.

Meta kien Madrid, fit-2 ta’ Ottubru, 1928, waqqaf l-Opus Dei, mod ġdid kif l-insara jistgħu jitqaddsu fid-dinja bix-xogħol ordinarju tagħhom u t-twettiq tad-dmirijiet personali, familjari u soċjali tagħhom. Hekk huma jsiru l-ħmira ta’ ħajja nisranija qawwija fl-ambjenti kollha.

Fl-1930, estenda l-opra tal-Opus Dei anke man-nisa. Fi Frar 1943, waqqaf is-Soċjetà Saċerdotali tas-Salib Imqaddes, magħquda inseparabbilment mal-Opus Dei. L-Opus Dei rċeviet l-approvazzjoni tas-Santa Sede f’Ġunju, 1950.

San Josemarìa mexxa u ħabrek biex l-Opus Dei tinxtered mad-dinja kollha b’talb kontinwu, penitenza u bil-prattika tal-virtujiet kollha. L-għerq u ċ-ċentru tal-ħajja interjuri tiegħu kien is-sagrifiċċju tal-quddiesa. Kien konxju ħafna li hu iben Alla espressa fil-preżenza kontinwa tat-Trinità Qaddisa, li qanqlitu biex ifittex li jidentifika ruħu ma’ Kristu f’kollox, li jgħix devozzjoni qawwija lejn il-Verġni Marija u San Ġużepp, u li jgawdi ħbiberija kontinwa u kollha fiduċja mal-anġli kustodji.

Mons. Escrivà offra aktar minn darba ħajtu għall-Knisja u għall-Papa.

Miet ta’ 73 sena nhar is-26 ta’ Ġunju, 1975 f’Ruma, fl-istess kamra fejn kien jaħdem, b’dik l-istess sempliċità qaddisa li kienet il-karatteristika tiegħu tul ħajtu kollha. Il-fdal tiegħu jinsab fil-knisja Prelazjali ta’ Santa Marija tal-Paċi, f’Ruma, fejn ħafna jmorru jitolbu fuq il-qabar tiegħu.

Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Beatu f’Mejju, 1992 u mbagħad ddikjarah ukoll qaddis f’Ottubru, 2002.

L-Opus Dei, li fl-1982 saret prelatura personali, hi mxerrda fil-ħames kontinenti u llum tgħodd ’il fuq minn 60,000 membru fi 80 nazzjon. L-aktar ktieb magħruf tiegħu ‘It-Triq,’ jinsab maqlub ukoll bil-Malti.

Ħsieb: Il-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II hu magħruf sew għal kemm mexxa ’l quddiem l-għarfien mill-Knisja ta’ eluf ta’ qaddisin u beati ġodda. Xi wħud minnhom kellhom il-kawża għall-kanonizzazjoni ilha tistenna s-snin sħaħ. Oħrajn fittex li jħaffef il-proċess tagħhom minkejja li għexu fi żmienna bħall-Beata Tereża ta’ Kalkutta u Josemaria Escriva. Se naraw għaliex …

It-talba tal-Kolletta mil-Liturġija tal-lum, tikkonferma l-verita’ pproklamata mill-Konċilju Vatikan II u, b’referenza għal San Josemarìa Escrivà de Belaguer, iżżid: “Agħtina li bl-interċessjoni u l-eżempju tiegħu nistgħu, permezz tal-ħidma tagħna ta’ kuljum, niġu ffurmati fuq ix-xbieha ta’ Ġesu’ Ibnek.” Din il-petizzjoni tiġbor fiha t-triq tagħna fuq din l-art: biex insiru aktar bħal Ġesù f’din id-dinja, permezz ta’ attività hekk familjari magħna bħax-xogħol.

Id-dawl tal-fidi jkabbar l-orizzonti tax-xogħol tagħna: jagħmilna naraw li l-bniedem kien maħluq minn Alla, u tqiegħed “fil-ġnien tal-Eden biex jikkoltivah u jżommu” (Ġenesi 2:15). Id-dinja ġiet fdata lill-umanità bħala ġnien li għandu jiġi kkultivat u mrawwem kuljum, spazju b’possibbiltajiet enormi, li għandna niskopru u niżviluppaw għall-glorja ta’ Alla u għas-servizz tal-aħwa.

L-Ispirtu s-Santu huwa l-protagonist kbir f’din it-triq tal-qdusija fil-ħajja ta’ kuljum. Kif San Pawl jgħid lir-Rumani: “Irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajjtu: ‘Abbà! Missier!’ (Rumani 8:15). Hija karba, talba, li l-Ispirtu s-Santu jpoġġi fuq ix-xofftejn tagħna, u li nistgħu nirrepetu matul il-ġurnata, per eżempju meta aħna nesperjenzaw għejja fl-attivitajiet professjonali tagħna, u għandna nkomplu naħdmu. Il-fatt li nafu li aħna wlied Alla, għandu jimliena bil-kuraġġ biex nitolbu u nservu lil kulħadd, u ma nibqgħux indifferenti quddiem dawk li jsofru minn diversi sitwazzjonijiet bħalma huma l-qgħad jew xogħol insikur.

Id-dawl tal-Ispirtu s-Santu jwassalna għand Ġesù, li jiġi biex jiltaqa’ magħna, bħalma fittex lill-ewwel dixxipli ma’ xatt ix-xmara ta’ Ġenesaret. Huwa jidħol fil-ħajja tagħna bl-istess mod kif daħal fid-dgħajsa ta’ Pietru u l-ħbieb tiegħu. U l-istess dgħajsa li rat falliment professjonali – lejl sħiħ ta’ taħbit bla ma nqabad ħut – issir is-siġġu tat-tagħlim tal-Imgħallem, il-post minn fejn juri l-misteri tar-Renju ta’ Alla. U f’dik l-istess dgħajsa tibda avventura sopranaturali, prefigurata bil-qabda mirakuluża tal-ħut. Il-preżenza ta’ Kristu tittrasforma x-xogħol tagħna, id-dgħajsa antika tagħna, fil-post fejn jaġixxi Alla. U dan jista’ jsir b’ġesti li huma sempliċi imma mimlija bil-karità: għajnuna lil kollega li nsibuha diffiċli li ngħinu, iżda li jeħtieġ pariri prattiċi biex itemm il-ħidma tiegħu, jew forsi niddedikaw ftit minuti lil xi ħadd, jekk nafu li għandhom bżonn jitkellmu għax minn wiċċhom jidhru nkwetati.

Il-Mulej jitlobna nkunu strumenti f’idejh, biex nġibu l-ferħ u l-paċi f’din id-dinja li tant hi nieqsa minnhom. Huwa jindirizzalna l-istess stedina li għamel lil Pietru: “Aqdef ‘il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.” (Luqa 5:4). Ix-xbieki, din id-darba, jintefgħu f’dak ix-xogħol mimli bil-grazzja divina, sabiex jinħoloq lok għax-xhieda Nisranija, ta’ għajnuna sinċiera lill-kollegi tagħna u lin-nies kollha taħt il-kura tagħna. Nistgħu niftakru hawn fl-istedina tal-Papa Franġisku: “Meta l-isforzi tiegħek biex terġa’ tħeġġeġ il-fidi fil-ħbieb tiegħek jidhru li huma għal xejn, bħall-isforzi tas-sajjieda tul il-lejl, ftakar li Ġesù kollox jibdel. Il-Kelma tal-Mulej mliet ix-xbieki u l-Kelma tal-Mulej tagħmel il-ħidma missjunarja tad-dixxipli tiegħu effettiva” (22 ta’ Settembru, 2013).

L-Ispirtu s-Santu, li jgħix magħna, iħeġġiġna, jekk nippermettulu, biex nitfgħu fil-fond ix-xbieki tagħna, jiġifieri li nidħlu f’dawk l-orizzonti appostoliċi li aħna niskopru kuljum: fil-familja tagħna, fl-ambjent professjonali tagħna, fir-relazzjonijiet mal-ħbieb u konoxxenti. Il-mirakli se jiġu ripetuti, kif San Josemaría qal: “Meta Ġesù mar f’xatt il-baħar mad-dixxipli tiegħu ma kienx qed jaħseb biss dwar il-qbid tal-ħut. U għalhekk meta Pietru jaqa’ fuq irkupptejh u umilment jammetti: ‘Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena raġel midneb,’ il-Mulej wieġbu: ‘Tibżax; minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies'(Luqa 5:10). F’din il-ħidma ġdida tas-sajd, il-poter u l-effettività ta’ Alla se jkunu wkoll disponibli: l-appostli huma strumenti għall-ħidma ta’ stagħġib kbir, minkejja n-nuqqasijiet personali tagħhom” (Ħbieb ta’ Alla, nru 261). Aħna wkoll għandna nkunu appostli, appostli f’nofs ix-xogħol tagħna u r-realtajiet umani kollha li fihom aħna msejħa biex inġibu lil Alla.

Il-Madonna hija r-Reġina tal-Appostli, kif ngħidulha fil-litanija tar-Rużarju. Ejjew nitolbu lil Marija biex tgħallimna nassistu b’mod attiv il-missjoni tal-Knisja għas-salvazzjoni tad-dinja. Din hija x-xewqa li ġarr f’qalbu San Josemarìa Escrivà de Belaguer: li nqiegħdu lil Kristu fiċ-ċentru u fl-għerq ta’ kull attività umana, f’unjoni mal-Knisja kollha: omnes cum Petro ad Iesum per Mariam!

Talba: O Mulej, Int dawwalt lil San Josemarìa Escrivà de Belaguer u wrejtu kif isir aktar bħal Ibnek Ġesù f’din id-dinja, permezz tal-attivitajiet ordinarji ta’ kuljum u hu għallem dan fil-Knisja, agħtina li bl-interċessjoni u l-eżempju tiegħu nistgħu, permezz tal-ħidma tagħna ta’ kuljum, niġu ffurmati fuq ix-xbieha ta’ Ġesù Ibnek. Bl-istess Ibnek Ġesù  Sidna. Ammen.  

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-josemaria-escriva-de-balaguer-734

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-josemaria-escriva-de-balaguer/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Josemar%C3%ADa_Escriv%C3%A1

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Ġunju: Beata Jutta ta’ Turinġia

Verżjoni Vidjo: Beata Jutta ta’ Turinġia

“Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.” – Ġesù f’Mattew 25:40.

JuttaBEATA JUTTA TA’ TURINĠIA
Nobbli
1184 – ċ.1264

Tagħrif: Jutta twieldet fl-1184 ġewwa l-Ġermanja. Kienet l-ewwel bint ta’ Hermann I ta’ Turinġia u l-ewwel mara tiegħu Sofia.

Fl-1196, hija żżewġet lil Dietrich I ta’ Meissen u kellhom ħamest itfal. Il-virtù u d-devozzjoni kienu fuq quddiem nett fil-ħajja tal-koppja. Fl-1221, kienu qed jivjaġġaw f’pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa, meta Dietrich miet.

Wara li rat li wliedha ma jkun jonqoshom xejn, ingħatat ħajjitha għal Alla. Qassmet l-ilbies lussuż tagħha, il-ġojjelli kollha tagħha, l-għamara u l-fajjenza, il-grad tagħha, u daħlet sekular Franġiskan.

Bdiet tiddedika ħajjitha għall-proxxmu, tieħu ħsieb il-morda l-iżjed il-lebbrużi, il-foqra, il-persuni b’diżabbiltà, l-għomja u kienet tilqagħhom f’darha. Kienet tara wiċċ Alla f’kull wieħed u waħda minnhom, għad li ħafna nies kienu jiddieħku biha.

Fis-sena 1260, ftit biss qabel mietet, Jutta marret f’eremitaġġ ġewwa parti pagana fil-Ġermanja. Ma kinitx tieqaf titlob għall-konverżjoni tagħhom. Aktarx mietet fis-sena 1264. Hija l-Patruna tal-Prussja.

Ħsieb: Il-Beata Jutta ta’ Turinġia semgħet is-sejħa tal-Mulej u ddedikat ħajjitha f’atti ta’ karità lejn il-proxxmu. Imma din hija s-sejħa li Alla jagħmel lil kulħadd, b’mod speċjali lin-nisrani li qed jimxi fuq il-passi ta’ Kristu li kien moħħu kif se jkun hemm u jservi lin-nies. Il-karità  lejn il-proxxmu hi s-sinjal tan-nisrani. Minn dan is-sinjal, in-nies tagħraf li aħna veri segwaċi ta’ Kristu. Imma x’tip ta’ karità hi mistennija minna? Il-Knisja tgħallem li jeħtieġ li nipprattikaw dawk li ssejħilhom: L-Opri tal-Ħniena.

Dan hu dak li spjega l-Papa Franġisku fl-Udjenza tal-Erbgħa 12 ta’ Ottubru, 2016:

“Ġesù qalilna: ‘Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Luqa 6:36). Dan hu impenn li jisfida l-kuxjenza u l-għemil ta’ kull Nisrani. Fil-fatt, mhux biżżejjed tagħmel esperjenza tal-ħniena ta’ Alla fil-ħajja tiegħek; hemm bżonn li kull min jirċeviha jsir ukoll sinjal u strument tagħha għall-oħrajn. Barra minn hekk, il-ħniena mhix riservata biss għal xi mumenti partikulari, imma tħaddan il-ħajja kollha tagħna ta’ kuljum.

Għalhekk, kif nistgħu nkunu xhieda tal-ħniena? Ejja ma naħsbux li dan ifisser li nagħmlu xi sforzi kbar jew ġesti ikbar milli nifilħu ta’ bnedmin li aħna. Le, mhuwiex hekk. Il-Mulej jurina triq wisq iżjed sempliċi, magħmula minn ġesti żgħar li, imma, f’għajnejh għandhom valur għoli, tant li hu qalilna li fuq dawn għad isir ħaqq minna. Fil-fatt, fost l-isbaħ paġni tal-Vanġelu ta’ Mattew insibu t-tagħlim li b’xi mod nistgħu nsejħulu t-‘testment ta’ Ġesù’ min-naħa tal-evanġelista, li daq direttament fil-ħajja tiegħu l-għemil tal-Ħniena. Ġesù jgħidilna li kull darba li nagħtu x’jiekol lil min hu bil-ġuħ u x’jixrob lil min hu bil-għatx, li nlibbsu persuna għarwiena u nilqgħu lil barrani, li nżuru lill-marid jew lill-ħabsi, dan inkunu nagħmluh lilu stess (ara Mattew 25:31-46). Il-Knisja dawn sejħitilhom ‘opri tal-ħniena korporali’, għax huma għajnuna lill-persuni fil-ħtiġijiet materjali tagħhom.

Imma hemm ukoll seba’ opri tal-ħniena msejħa ‘spiritwali,’ li jolqtu ħtiġijiet daqstant ieħor importanti, fuq kollox illum, għax imissu l-intimu tal-persuni u spiss joħolqu tbatija ikbar. Żgur li lkoll kemm aħna niftakru waħda li daħlet ħafna fil-lingwaġġ komuni: ‘Nieħdu bis-sabar lill-persuni li jdejquna.’ U minn dawn hawn; persuni li jdejquna nsibu ħafna! Taf tidher ħaġa ftit li xejn importanti, li ġġibilna tbissima, imma fiha sentiment ta’ mħabba kbira; u dan jgħodd ukoll għas-sitta l-oħra, li tajjeb infakkruhom: agħti parir tajjeb lill-ħosbien, għallem lil min ma jafx, widdeb lill-midinbin, farraġ lill-imnikktin, aħfer il-ħtijiet, itlob ’l Alla għall-ħajjin u għall-mejtin. Dawn ħwejjeġ tal-ħajja ta’ kuljum! ‘Kieku taf kemm inħossni mdejjaq…’ – “Dak Alla jgħinek, imma jien m’għandix ħin….’ Le! Nieqaf, nisimgħu, nagħtih il-ħin u nfarrġu, dak hu ġest ta’ ħniena u dan inkun nagħmlu mhux biss miegħu, imma nkun nagħmlu ma’ Ġesù!

Matul is-sekli, tant persuni sempliċi qegħduhom fil-prattika, u hekk taw xhieda ġenwina tal-fidi. Barra dan, il-Knisja, fidila lejn Sidha, għandha mħabba preferenzjali għall-iżjed dgħajfa. Spiss huma l-eqreb nies lejna li għandhom bżonn tal-għajnuna tagħna. M’hemmx bżonn noħorġu nfittxu għemejjel kbar xi nwettqu. Aħjar nibdew minn dawk l-iżjed sempliċi, li l-Mulej jurina bħala l-iżjed urġenti. F’dinja li b’xorti ħażina hi milquta mill-marda tal-indifferenza, l-opri tal-ħniena huma l-aħjar mediċina. Fil-fatt, jedukawna għall-attenzjoni lejn l-iżjed ħtiġijiet bażiċi tal-‘iċken fost ħutna’ (Mattew 25:40), li fihom hemm preżenti Ġesù. Ġesù hu dejjem preżenti hemm. Fejn hemm bżonn, persuna li hi fil-bżonn, kemm jekk materjali u kemm jekk spiritwali, hemm jinsab Ġesù.

Li nagħrfu wiċċu f’dak ta’ min hu fil-bżonn hi tassew sfida kontra l-indifferenza. Tgħinna biex nishru dejjem, u nevitaw li Kristu jgħaddi minn biswitna bla ma nagħrfuh. Tiġini f’moħħi l-frażi ta’ Santu Wistin: ‘Timeo Iesum transeuntem’ (Serm., 88, 14, 13), ‘Nibża’ mill-Mulej għaddej’ u jien nibqa’ ma nagħrfux, li l-Mulej jgħaddi minn quddiemi f’waħda minn dawn il-persuni ċkejknin, fil-bżonn u jien ma nintebaħx li dan hu Ġesù. Nibża’ li l-Mulej jgħaddi u jien nibqa’ ma nagħrfux! Staqsejt lili nnifsi għaliex Santu Wistin qal li jibża’ mill-Mulej għaddej. Sfortunatament it-tweġiba qiegħda fil-mod kif inġibu ruħna aħna: għax spiss aħna moħħna band’oħra, indifferenti, u meta l-Mulej jgħaddi qrib tagħna aħna nitilfu l-okkażjoni li niltaqgħu miegħu.

L-opri tal-ħniena jerġgħu jqajmu fina l-ħtieġa u l-ħila li l-fidi nżommuha ħajja u ħawtiela bl-imħabba. Jiena konvint li permezz ta’ dawn il-ġesti sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum nistgħu nġibu rivoluzzjoni kulturali vera, kif seħħ fl-imgħoddi. Jekk kull wieħed u waħda minna, ta’ kuljum, jagħmel minn dawn l-opri, din tkun rivoluzzjoni fid-dinja! Imma lkoll kemm aħna, kull wieħed u waħda minna. Kemm qaddisin għadhom imfakkra sal-lum mhux għall-opri kbar li wettqu, imma għall-imħabba li għarfu jgħaddu!

Naħsbu f’Madre Tereża, ikkanonizzata ftit ilu: ma nfakkruhiex għal ħafna djar li fetħet mad-dinja kollha, imma għax kienet tmil lejn kull persuna li kienet issib f’nofs ta’ triq biex troddilha d-dinjità tagħha. Kemm tfal mitluqa għafset ma’ dirgħajha; kemm moribondi sieħbet fuq l-għatba tal-eternità hi u taqbdilhom idejhom! Dawn l-opri ta’ ħniena huma l-karatteristiċi tal-Wiċċ ta’ Ġesù Kristu li jieħu ħsieb tal-iċken fost ħutu biex lil kull wieħed u waħda jwassal il-ħlewwa u l-qlubija ta’ Alla. Ħa jgħinna l-Ispirtu s-Santu, ħa jkebbes fina l-Ispirtu s-Santu x-xewqa li ngħixu b’dan l-istil ta’ ħajja: tal-inqas nagħmlu waħda ta’ kuljum, tal-inqas! Nitgħallmu mill-ġdid bl-amment l-opri tal-ħniena korporali u spiritwali u nitolbu lill-Mulej jgħinna nqegħduhom fil-prattika ta’ kuljum u kull darba li naraw lil Ġesù f’persuna fil-bżonn.”

Talba: O Alla, int tajt lill-Beata Jutta ta’ Turinġia l-grazzja li tagħraf u tweġġaħ lil Kristu fin-nies ta’ madwarha u f’kull xorta ta’ bżonn tagħhom: bit-talb tagħha, agħmel li nħobbu bi mħabba kbira lil kulħadd, l-aktar lill-foqra, l-imġarrba u lil dawk li huma diffiċli li nħobbuhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://www.franciscanmedia.org/blessed-jutta-of-thuringia/

Alternative Reading: http://reginamag.com/saint-jutta-of-thuringia-widow/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Jutta_of_Thuringia

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

24 ta’ Ġunju: It-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista

Verżjoni Vidjo: It-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista

“Eliżabetta tat iben lil Żakkarija: Ġwanni l-Battista, ir-raġel kbir u prekursur tal-Mulej.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista.

John-the-Baptist-212x300.jpgIS-SOLENNITA’ TAT-TWELID TA’ SAN ĠWANN IL-BATTISTA

Tagħrif: Is-soltu l-Knisja tagħmel il-festa tal-Qaddis fil-jum tal-mewt tiegħu. Illum, qed tagħmel eċċezzjoni għax qed tiċċelebra l-festa ta’ San Ġwann il-Battista fil-jum tat-twelid tiegħu, “għax hu jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.” (Luqa 1:15)

Missieru kien Żakkarija, qassis mit-tribù ta’ Aronne u mill-ordni ta’ Abija, u ommu kien jisimha Eliżabetta, ukoll mit-tribù ta’ Aronne.

Ġara li Żakkarija kien fit-tempju meta deherlu l-Arkanġlu Gabrijel u qallu li martu, li kienet imdaħħla fiż-żmien, kien se jkollha tarbija. Żakkarija ddubita, u tbikkem u baqa’ mbikkem sat-twelid ta’ ibnu.

Ftit taż-żmien wara, l-istess Arkanġlu deher lill-Madonna u ħabbrilha li hi kellha ssir omm il-Messija, u nfurmaha wkoll li Eliżabetta kien ser ikollha tarbija sitt xhur qabilha.

Min jaf kemm ferħet il-Madonna b’din l-aħbar! Fil-fatt ħalliet kollox u marret tħaffef biex tgħin u ddur bil-kuġina tagħha sakemm welldet, u forsi wkoll sa wara ċ-ċirkonċiżjoni tat-tarbija.

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tifel qabeż fil-ġuf tagħha u ġie mnaddaf mid-dnub. Imbagħad, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, kienet l-ewwel waħda li sellmet lil Marija bħala Omm il-Mulej. Bi tweġiba l-Madonna nfexxet tfaħħar ’l Alla bil-“Magnificat”. (Luqa 1:46)

Meta t-tarbija twieldet inħall ilsien Żakkarija li tenna kliem ta’ tifħir ’l Alla, il-“Benedictus.” (Luqa 1:57)

Sakemm kellu tletin sena San Ġwann għex ħajtu fid-deżert. Imbagħad beda l-missjoni li għaliha kien mibgħut fid-dinja billi kien jinsisti man-nies biex jindmu għall-maħfra tad-dnubiet. “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu triq il-Mulej’.”(Ġwanni 1:23)

Ġwanni kien ikun ħdejn ix-xmara Ġordan jgħammed, u meta darba waħda ra ’l Ġesù riesaq lejh, urieh lin-nies u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.” (Ġwanni 1:29)

Ġesù faħħru fuq li faħħru. Darba minnhom qal għalih: “Fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.” (Luqa 7:28)

Ġesù beda l-missjoni tiegħu billi ġie jitgħammed mingħand Ġwanni li meta għaraf lil Ġesù qal li “lanqas il-qorq Tiegħu ma kien jistħoqqlu jħoll” (Ġwanni 1:26) bil-kemm ried jgħammdu. Iktar tard, Ġwanni bl-umiltà tiegħu qal: “Jeħtieġ li jikber hu u niċkien jien.” (Ġwanni 3:30) Xi kummentaturi jinnutaw li wara l-24 ta’ Ġunju, id-dawl tax-xemx ta’ matul il-ġurnata jkun qed jonqos, waqt li wara l-25 ta’ Diċembru, ikun qed jiżdied.

San Ġwann temm ħajtu b’rasu maqtugħa mis-Sultan Erodi, għax kien ċanfru fuq ir-relazzjoni adultera li kien qed ikollu ma’ Erodja, il-mara ta’ ħuh.

Ħsieb: Santu Wistin ifisser kemm hu xieraq li f’din il-festa l-ġranet jibdew jiqsaru fil-waqt li sitt xhur wara, fit-twelid ta’ Kristu jibdew, jitwalu. Bħal-lum f’ħafna pajjiżi nsara kienu jsiru l-ħġejjeġ. F’Malta, il-Konkatedral fil-belt Valletta hu ddedikat lil dan il-qaddis u fih issir il-festa ta’ twelidu b’solennità kbira. F’Għawdex ir-rotunda tax-Xewkija hi dedikata lil San Ġwann il-Battista. Sal-1947, il-festa ta’ llum kienet miżmuma bħala kmandata għal Malta.

Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin bit-titlu ‘Leħen jgħajjat fid-deżert: ‘

“Il-Knisja tagħti ġieħ lit-twelid ta’ Ġwanni u tiċċelebrah b’ċertu mod. Fost il-missirijiet tal-imgħoddi, ma hemm ħadd li niċċelebraw it-twelid tiegħu bis-solennità. Niċċelebraw it-twelid ta’ Ġwanni, u niċċelebraw it-twelid ta’ Kristu: dan ma jistax jonqos, u jekk forsi ma għandniex ħila nfissru tajjeb din il-ġrajja, tant hu kbir il-ġieħ li jistħoqqilha, ikun aktar ta’ ġid jekk naħsbu fuqha sewwa. Twieled Ġwanni minn xwejħa li ma setax ikollha tfal, u twieled Kristu minn xbejba verġni.

Il-missier ma emminx li kien se jitwilidlu Ġwanni, u lsienu żammlu; l-omm emmnet li kien se jitwildilha Kristu, u nisslitu bil-fidi. Jien diġà għedtilkom x’se naraw flimkien, diġà għedtilkom fuqiex se nitħaddtu; imma għedtilkom dan minn qabel, u jekk aħna la għandna ħila u lanqas żmien biżżejjed biex niflu misteru hekk kbir fl-irqaqat kollha tiegħu, ikun aħjar jekk jgħallimkom dak li jkellimkom ġewwa fikom, ukoll meta ma nkunux magħkom aħna, dak li fuqu taħsbu b’tjieba kbira, dak li lqajtu f’qalbkom, dak li sirtu tempju tiegħu.

Ġwanni qisu t-tarf bejn iż-żewġ testmenti, il-qadim u l-ġdid. Il-Mulej stess xehed għalih li hu qisu t-tarf, għax qal: ‘Il-liġi u l-profeti sa Ġwanni.’ Tah ġieħ bħala rappreżentant tal-ġejjieni. Bħala dak li qiegħed jidher għall-imgħoddi, twieled mix-xjuħ: bħala dak li jidher għall-ġejjieni, ixxandar bħala profeta sa minn ġuf ommu. Kien għadu ma twelidx: ġiet Marija, u qabeż bil-ferħ f’ġuf ommu. Intwera sa minn ġuf ommu, intwera sa minn qabel ma twieled; ixxandar bħala prekursur ta’ dak li kien għadu anqas biss rah b’għajnejh. Dawn huma misteri ta’ Alla; aħna l-bnedmin dgħajfa wisq biex nifhmuhom. Imbagħad twieled, tawh ismu, u lsien missieru nħall. Qis dawn il-ġrajjiet, u orbothom mat-tifsira tagħhom.

Żakkarija jiskot u ma jistax jitkellem; jitwieled Ġwanni, il-prekursur tal-Mulej, u jiftaħlu fommu. Xi jfisser dan is-skiet ta’ Żakkarija: Ifisser li l-profezija kienet għadha ma seħħitx, kienet għadha qisha moħbija u magħluqa sa ma jixxandar Kristu. Ġie Kristu, u l-għeluq tagħha nfetaħ; ma baqgħetx aktar moħbija meta wasal dak li kien ilu mħabbar. Il-ftuħ ta’ fomm Żakkarija fi twelid Ġwanni nistgħu nqabbluh mat-tiċrit tal-velu tat-tempju fil-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. Kieku Ġwanni xandar lilu nnifsu, fomm Żakkarija ma kienx jinfetaħ. Dan il-fomm infetaħ għax il-leħen twieled; infatti Ġwanni, li ġa kien qiegħed ixandar il-Mulej, meta staqsewh ‘Int min int?’ wieġeb: ‘Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Ġwanni ma kienx ħlief leħen iżda l-Mulej fil-bidu kien il-Verb, il-Kelma. Ġwanni kien il-leħen għal ftit taż-żmien, Kristu l-Kelma li kienet ġa eterna fil-bidu.”

Din li ġejja hija meditazzjoni fuq San Ġwann minn San Franġisk de Sales:

“Irrid nurikom xemx li ddiet dawl l-aktar qawwi, ruħ li kienet tabilħaqq ħielsa u maqtugħa minn kollox, mgħannqa biss mar-rieda ta’ Alla. Ta’ spiss kont naħseb fuq liema hu mill-qaddisin kollha, l-aktar mortifikat, u wara riflessjoni twila wasalt għall-konklużjoni li kien San Ġwann il-Battista. Huwa mar fid-deżert meta kellu biss ħames snin u kien jaf li s-Salvatur kien ġà ġie fid-dinja, u kien qed jgħix fil-qrib, bejn wieħed u ieħor vjaġġ ta’ ġurnata jew tnejn. Kemm kienet imqanqla qalbu bl-imħabba tas-Salvatur tiegħu, mill-mument li kien f’ġuf ommu u xtaq jifraħ bil-preżenza tiegħu! Madanakollu jgħaddi ħamsa u għoxrin sena mingħajr ma jara lill-Mulej. Jgħallem u jistenna lill-Mulej jiġi għandu.”

Talba: Mulej, Int, bil-kelma u l-eżempju tal-Battista, urejtna t-triq tal-indiema: rattbilna qalbna u reġġagħna lura lejn il-kmandamenti tas-saltna tiegħek. (Mill-Brevjar – Preċi ta’ Sbiħ il-Jum)

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li nimxu fit-triq tas-salvazzjoni skont it-twissijiet ta’ San Ġwann il-Battista li ħejja t-triq għall-Mulej, biex hekk naslu żgur għand dak li kien imħabbar minnu: Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-the-nativity-of-saint-john-the-baptist/

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/scripture-speaks-nativity-john-baptist

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nativity_of_Saint_John_the_Baptist

Nota: It-Tagħrif dwar din is-Solennita’ tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.