2 ta’ Ġunju: San Marċellinu u San Pietru

Verżjoni Vidjo: San Marċellinu u San Pietru

“Wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għas-sebħ tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa’ jqajjimkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem”. ~ 1 Pietru 5:10

june2SAN MARĊELLINU U SAN PIETRU
Martri
? – 304

Tagħrif: San Marċellinu kien qassis u San Pietru kien eżorċista.

Fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu għall-ħabta tat-303, Pietru kien mitfugħ il-ħabs minħabba l-fidi tiegħu. Fil-ħabs fejjaq lil bint il-kalzrier, jismu Arthemius, u minħabba f’hekk il-kalzrier, martu u bintu talbu li jsiru nsara.

Pietru ħadhom għand il-qassis Marċellinu biex jgħammidhom. Minħabba f’hekk issa anki Marċellinu ġie mixħut il-ħabs u mogħti l-moħqrija. Kemm damu l-ħabs saħħew il-fidi ta’ sħabhom il-priġunieri.

Mill-ħabs ħaduhom bil-moħbi ġewwa bosk imsejjaħ Silva Nigra, u hemm qatgħulhom rashom, madwar is-sena 304 u difnuhom malajr f’ħofra li kienu ħaffru minn qabel biex żgur li ħadd ma jkun jaf fejn ġew midfuna. Iżda ġara li l-bojja li qatilhom, hu stess sar Nisrani, u flimkien ma’ Nsara oħra ħadu l-iġsma tagħhom, u difnuhom ħdejn il-katakombi ta’ Triq Labicana, fejn wara, l-Imperatur Kostantinu l-Kbir bena Bażilka għall-unur tagħhom, u fiha difen ukoll lil ommu, Sant’ Elena.

Il-Papa Damasu I għamel skrizzjoni fuq il-qabar tagħhom, dwar dak li kien sema’ meta kien għadu tifel, minn fomm dak stess li kien qatalhom rashom.

Isimhom insibuh fil-Kanoni Ruman, tal-Ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa. Il-knisja tagħhom f’Ruma hi waħda mill-knejjes stazzjonali u kardinalizja.

Ħsieb: Min jaf kemm passaġġi mill-Iskrittura kienu jiġu f’moħħ dawk li kienu jafu li ser jiġu maħqura minħabba li huma Insara. Eżempji ta’ passaġġi, setgħu kienu dawn:

“Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax. S’issa ebda tiġrib ma laħaqkom li bniedem ma jiflaħx għalih; Alla hu fidil u ma jħallikomx tiġġarbu aktar milli tifilħu; jaħseb li mat-tiġrib jagħtikom il-qawwa u l-għajnuna biex tkunu tifilħu għalih”. 1Korintin 10 : 12,13

“Wara li tkunu batejtu għal ftit żmien, Alla li jagħti kull grazzja, li sejħilkom għas-sebħ tiegħu ta’ dejjem fi Kristu, hu nnifsu jerġa’ jqajjimkom, iwettaqkom, isaħħaħkom u jqegħedkom fis-sod. Tiegħu hi s-setgħa għal dejjem”. (1 Pietru 5:10)

U aħna, kemm aħna midħla tal-Iskrittura? Kemm infittxu li nissaħħu bil-Kelma ta’ Alla, b’mod speċjali f’mumenti iebsin? Fi Ġwanni 15:3, Ġesu’ jgħid lid-dixxipli: “Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom”. Xi jfisser dan ħlief li meta nsiru midħla tal-Kelma ta’ Alla, din issaffina u titrasformana, iddawwalna u ssaħħaħna, tagħmilna kapaċi nsofru għal Kristu?

Chiara Lubich fil-Kelma tal-Ħajja ta’ April 2012, tgħidilna hekk:

“Intom ġa ndaf minħabba l-kelma li għidtilkom” (Ġwanni 15:3). “Intom ġa ndaf…”. Din x’indafa hi li qed jitkellem fuqha? Qed jitkellem fuq meta aħna nkunu lesti li niftħu qalbna għal Alla, meta ma jkun hemm xejn li jtellef (ngħidu aħna d-dnub), jew li jeħodha kontra l-kuntatt mal-affarijiet sagri, mal-laqgħa tagħna m’Alla. Biex ikollna din l-indafa neħtieġu l-għajnuna mis-Sema.

Fit-Testment il-Qadim, il-bniedem kien ġa ntebaħ li ma jistax jersaq lejn Alla bil-ħila tiegħu biss. Kien jeħtieġ li Alla jsaffilu qalbu, li jagħtih qalb ġdida. Salm mill-isbaħ jgħid hekk: “… oħloq fija, o Alla qalb safja” (Salm 51 «50», 12). Skont Ġesù hemm mezz biex insiru safjin: il-kelma tiegħu. Dik il-kelma li d-dixxipli kienu semgħu, żammew sħiħ fiha u li kienet issaffihom. Fil-fatt, il-kelma ta’ Ġesù mhijiex bħal kliem il-bniedem. Fiha hemm Kristu, bħalma jinsab b’mod ieħor fl-Ewkaristija. Biha Kristu jidħol fina. Meta aħna naċċettawha u ngħixuha, inkunu qed inħallu ’l Kristu jitwieled u jikber f’qalbna.

Il-Papa Pawlu VI kien jgħid:

“Ġesù kif ikun preżenti f’qalbna? Ikun preżenti bix-xandir tal-Kelma li biha jasal ħsieb Alla, jasal il-Verb, l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Nistgħu ngħidu li l-Mulej jitwieled fina meta aħna naċċettaw li l-Kelma tiġi tgħammar fina”. 

Il-Kelma ta’ Ġesù tixbah ukoll lil żerriegħa li tinxteħet fil-fond ta’ qalb il-bniedem li jemmen. Meta l-bniedem jilqagħha, hi tidħol fih u bħal żerriegħa tiżviluppa, tikber, tagħti l-frott, “tikkristifikah” u tagħtih is-sura tiegħu.

Meta l-Ispirtu s-Santu jqiegħed il-Kelma fil-fond ta’ qalbna, hi jkollha tassew il-qawwa li żżomm l-insara ’l bogħod mill-ħażen: sa ma’ l-Kelma taħdem fihom, u huma jinħelsu mid-dnub. Għalhekk ikunu safja. Jidneb biss min ma jismax mis-sewwa.

Mela kif irridu ngħixu biex ikun jixirqilna dan il-kliem ta’ tifħir ta’ Ġesù?

Irridu ngħixu kull Kelma t’Alla, u nitrejqu biha mument wara l-ieħor, biex ħajjitna hawn fl-art tkun dejjem mibnija fuq il-Vanġelu. Dan biex naslu li jkollna l-istess ħsibijiet u xewqat ta’ Ġesù, biex nerġgħu ngħixu lilu fid-dinja, biex lis-soċjetà, li ħafna drabi hi mħassra bil-ħażen u d-dnub, nuruha s-safa t’Alla, dan id-dawl ċar li joħroġ mill-Vanġelu.

Ejjew nippruvaw ngħixu l-aktar dik il-Kelma li turina l-kmandament tal-imħabba lejn xulxin. Nagħmlu hekk jekk nistgħu, jiġifieri jekk hemm oħrajn li jaħsbuha bħalna. Tant hu hekk li San Ġwann l-Evanġelista, li mill-Vanġelu tiegħu ttieħdet din il-Kelma tal-ħajja, jorbotha mal-kmandament il-ġdid.

Skont dan l-Evanġelista, meta aħna ninħabbu bejnietna, inkunu qed ngħixu l-Kelma li tħalli l-effetti tagħha ta’ tisfija, ta’ qdusija, ta’ ħelsien mid-dnub, ta’ grazzji, u hekk nersqu aktar qrib t’Alla. Wieħed waħdu, maqtugħ mill-oħrajn, ma jkunx jiflaħ iżomm sod għal ħafna żmien quddiem il-ġibdiet tad-dinja. Imma meta jkun hemm l-imħabba bejnietna huwa jsib ambjent b’saħħtu li jkun jista’ jgħinu jħares il-ħajja nisranija ġenwina tiegħu”.

  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li kkonvertiet lil Arthemius, u minħabba f’hekk il-kalzrier, martu u bintu talbu li jsiru nsara.
  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li għamlet il-qalb lill-priġunieri kollha magħqudin flimkien fl-istess stqarrija tal-fidi li mbagħad kienu lesti għat-tortura u l-mewt.
  • Kienet il-Kelma ta’ Alla li mexxiet il-ħajja ta’ San Marċellinu u San Pietru hekk li wasslithom għall-glorja tal-martirju u għall-premju kbir fis-sema?
  • U għalik, hi l-Kelma ta’ Alla l-pedament ta’ ħajtek, dik li timmotivak, iddawwallek it-triq u l-fehmiet ta’ moħħok u dik li tgħinek tagħmel l-aqwa għażliet?

Talba: O Alla, inti turina mħabbtek u tħarisna għall-merti tax-xhieda glorjuża li tawk il-martri San Marċellinu u San Pietru; agħmel li aħna nimxu fuq l-eżempji li tawna u nħossu l-għajnuna tat-talb tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-marcellinus-and-peter-487

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-marcellinus-and-peter/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Marcellinus_and_Peter

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements