4 ta’ Ġunju: San Pietru minn Verona

Verżjoni Vidjo: San Pietru minn Verona

“CREDO IN DEUM” ~ L-ewwel tliet kelmiet tal-Kredu li San Pietru minn Verona kiteb fi stqarrija tal-fidi tiegħu, bid-demm li kien ħiereġ mill-feriti li għamlulu waqt il-martirju.

Peter-of-Verona-Full-e1425844752637SAN PIETRU MINN VERONA
Isqof
†1252

Tagħrif: Pietru twieled f’Verona fi tmiem is-seklu XII. Il-ġenituri tiegħu kienu eretiċi ħorox, mis-setta tal-Manikej.

Ta’ 15-il sena ġie mibgħut fl-Università ta’ Bolonja. Hawnhekk huwa ltaqa’ ma’ San Duminku li kien qed jipprepara għat-Tieni Kapitlu Ġenerali tal-Ordni fl-1221.

Darba minnhom waqt li S. Duminku kien qed jippriedka, Pietru ntlaqat bil-kliem mimli ħeġġa u qdusija tal-qaddis, intefa’ f’riġlejh u talbu jidħol fl-Ordni. Huwa rċieva l-libsa dumnikana minn idejn il-fundatur stess u ħa minn għandu ż-żelu u l-kuraġġ qawwi tal-ewwel dixxipli dumnikani.

Meta kien qed jipprepara għas-saċerdozju, kellu jgħaddi minn prova kbira. Wieħed minn sħabu, waqt li bil-lejl kien għaddej minn ħdejn il-kamra ta’ Pietru deherlu li sema’ ilħna ta’ nisa f’kamartu. Pietru ġie mixli u mogħti l-kastig. Huwa aċċetta kollox bl-umiltà u ġie mibgħut f’Ancona biex jagħmel penitenza.

Hu talab ħafna u ħass ħafna l-qawwa tat-talb imma bħala bniedem ħass ukoll l-għajb tal-kastig. Darba minnhom imbikkem talab lil Alla: “Mulej, inti taf li jien innoċenti għal dan kollu; għaliex tippermettilhom jemmnu dan fuqi?” Imbagħad instemgħet vuċi ġejja mill-Kurċifiss, “U jien, Pietru x’għamilt biex għamlu dan kollu fuqi?” Minn dakinhar Pietru reġa’ kiseb il-ferħ u s-serenità ta’ qalbu.

Imma l-verità fl-aħħar rebħet. Pietru reġa’ mar mal-komunità, kompla jistudja u ġie ordnat saċerdot. Hu kien jitlob biex ikollu l-ferħ li jmut mewta ta’ martri.

Fl-1251, irċieva l-inkarigu biex jaħdem kontra l-ereżija fi Cremona, u fl-inħawi tal-viċin. Fl-istess żmien ġie magħżul pirjol tal-kunvent ta’ Como. Fis-6 ta’ April 1252, huwa u sejjer Milan minn Como, l-eretiċi qabduh u tawh il-martirju, għat-tjieba tal-fidi u l-ubbidjenza lejn il-Knisja ta’ Ruma.

Interessanti li qabel miet, Pietru qal il-Kredu b’leħen għoli u bid-demm li ħareġ mill-feriti tiegħu għamel l-istqarrija tal-fidi, “CREDO IN DEUM”. Wieħed mill-qattiela jismu Karinu, milqut bid-dehra tal-qaddis, ftit wara, daħal dumnikan.

Ħsieb: Dan li ġej huwa kliem Br. Brother Louis Camilleri f.s.c. (li tiegħu għaddejja kawża ta’ Venerazzjoni):

“San Pietru jdawwalna fil-ħajja tal-fidi tagħna. Għalkemm aħna qegħdin ngħixu fi żminijiet differenti għandna sfidi ġodda quddiemna. Ix-xhieda tal-fidi tagħna trid tidher fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fil-kelma, fl-eżempju u fil-ħidma tagħna biex inkunu dak li Ġesù ried minna: li nkunu dawl tad-dinja u melħ tal-art.

Bħal Pietru jrid ikollna l-kuraġġ li nuru li nemmnu tabilħaqq fil-valuri nsara. Hekk naslu biex nitqabdu t-taqbida t-tajba tal-fidi tagħna u nirbħu għal Kristu għadd kbir ta’ erwieħ.

San Pietru ħabb ħafna l-Knisja. Fi żminijietna, kollox qed jiġi ġġudikat u kkritikat, saħansitra l-Knisja. Forsi aktar milli wieħed jikkritika l-Knisja ikun aħjar jekk l-ewwel nistaqsu kemm qed ngħixu ta’ membri ħajjin u attivi f’din il-Knisja. Anzi kemm lesti biex nissagrifikaw ruħna għaliha. Dan il-qaddis huwa dawl għalina lkoll illum. Ejjew inkunu verament ġebel ħaj fid-dar tal-għarus ta’ Kristu”.

Fir-realta’ lanqas il-passat tagħna ma jgħodd ladarba qerrejnieh, imma dak li verament jgħodd huwa kif qed ngħixu l-fidi tagħna fil-mument, fid-djar tagħna, fil-gruppi tagħna, fil-komunitajiet tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol tagħna, fis-soċjeta’ tagħna u fid-dinja tagħna. Jeħtieġ nistudjaw lilna nfusna ħalli naraw kif naħsbuha, kif naġixxu u kif ngħixu: kultant nilbsu l-maskra biex nuru dak li aħna ma aħniex, biex nogħġbu lid-dinja u ninsew lil Alla.

Kif trid tkun il-ħajja tagħna biex nkunu xiehda awtentiċi tal-Kelma t’Alla bħalma kien il-qaddis tal-lum?

Trid tkun leali għar-rieda t’Alla. Ħafna drabi nkunu qegħdin ngħixu fil-ħolm u allura ma nindunawx bl-iżbalji tagħna. Irridu nqumu fuq tagħna u ma nintelqux. Inkissru l-katina tal-għażż fil-ħwejjeġ t’Alla. Ħafna drabi, anzi dejjem insibu ħin għall-ħtiġijiet materjali tagħna, għall-mistrieħ tagħna iżda lil Alla noffrulu biss skużi. Insib ħin għall-quddiem it-TV, ħin għall-logħob, iżda lil Alla ngħidlu biex jiskużani għax ma għandiex ħin biex nisma’ quddiesa jew ngħid xi talb ieħor, għax il-lum tħabatt ħafna u ninsab għajjien. Il-fidi jeħtieġ li nuruha bil-fatti u kultant irridu nagħmlu s-sagrifiċċju biex ma nħalluhiex mitluqa jew kważi mitfija.

Qatt ma għandna niefqu fil-mixja tagħna lejn Alla. Ċertament ikun hemm mumenti li nħossuna għajjenin u irridu nintelqu, iżda bħal Pietru fil-Vanġelu, ngħajtu lill-Imgħallem tagħna u ngħidulu: “Mulej salvana, għax ser negħrqu.” Imma sostnuti bit-talb u l-grazzja t’Alla nipperseveraw sal-aħħar”. Imberkin dawk li jipperseveraw sal-aħħar,” jgħid il-Mulej Ġesu’. Jalla ‘l-iva’ tagħna lil Alla tibqa’ miexja magħna sa ma’ ruħna tħalli lil ġisimna.

  • U int, issostni ruħek bit-talb u tfittex li tilqa’ l-grazzji kollha li l-Mulej qed jagħtik kull mument ħalli tibqa’ tippersevera sal-aħħar nifs ta’ ħajtek bħal San Pietru minn Verona?

Talba: Qanqal, Mulej, fil-Knisja tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lil San Pietru minn Verona biex ta ħajtu għalik, u, bit-talb tiegħu, qawwina bl-istess spirtu ħalli ma nsibuhiex bi tqila li aħna wkoll nagħtu ħajjitna għalik u għal ħutna. Bi Kristu Sidna. Ammen.  

English Version: https://sanctoral.com/en/saints/saint_peter_of_verona.html

Alternative Reading: https://dominicanfriars.org/st-peter-verona-peter-martyr/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_of_Verona

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements