5 ta’ Ġunju: San Bonifaċju

Aħna għożżejniekom hekk li ridna naqsmu magħkom mhux biss l-Evanġelju ta’ Alla imma ħajjitna stess, Daqskemm sirtu għeżież għalina. Uliedi, minħabba fikom jien qiegħed inħoss mill-ġdid l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar ġewwa fikom”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Bonifaċju (1Tessalonkin 2:8; Galatin 4:19).

06-05-St-BonifaceSAN BONIFAĊJU
Isqof u Martri
673 – 754

Tagħrif: San Bonifaċju, l-Appostlu tal-Ġermanja, twieled f’Devonshire, l-Ingilterra fis-sena 673, bl-isem ta’ Winfrid.

Ta’ seba’ snin beda l-edukazzjoni tiegħu għand il-Benedittini fil-monasteru ta’ Exeter, u ta’ erbatax, daħal mal-benedittini ta’ kunvent qrib Exeter, u wara mar f’dak ta’ Nursling, qrib Winchester, fejn kien id-direttur tal-iskola, u kiteb l-ewwel grammatika Latina li qatt inkitbet fl-Ingilterra.

Sar saċerdot meta kellu 30 sena b’xewqa kbira li jmur missjunarju fil-Ġermanja. Qata’ xewqtu fis-sena 719, meta bil-Barka Appostolika tal-Papa Girgor II mar il-Ġermanja.

Inċident li ġara, għenu ħafna fil-konverżjoni tal-Ġermanja. Kien hemm siġra kbira f’Hessja, iddedikata lil wieħed mill-allat foloz, u n-nies kienu jmorru jagħmlu ċerimonji reliġjużi, jitolbu u joffru s-sagrifiċċji quddiemha. San Bonifaċju ddeċieda li jeqridha, u bil-għajnuna ta’ xi Nsara qaċċatha. Hu ħaseb li kien ser jinqala’ nkwiet kbir, u forsi anke jitlef ħajtu, iżda ġara l-kuntrarju għax tribù wara tribù bdew ġejjin għandu biex jikkonvertu, tant li kellu jitlob lis-Superjuri tiegħu biex jibagħtulu iżjed patrijiet u magħhom sorijiet biex jgħinuh.

Fis-sena 722, mar Ruma biex jagħti tagħrif dwar il-ħidma tiegħu, u qabel ma telaq lura lejn il-missjoni tiegħu, ġie kkonsagrat isqof mill-Papa San Girgor II, u bidel ismu f’Bonifazju (jagħmel tajjeb).

Fis-sena 748, il-Papa San Żakkarija ħatar lil Bonifaċju Arċisqof ta’ Mainze u Primat tal-Ġermanja.

Protett u megħjun mir-Re Karlu, imsejjaħ “il-Martell”, irnexxielu jikkonverti bosta pagani. Ma damux ma ngħaqdu miegħu bosta missjunarji ingliżi oħra. Bonifaċju waqqaf id-djoċesijiet ta’ Erfurt, Buraburg u Wurzburg, kif ukoll dik ta’ Eichstatt, waqt li hu baqa’ isqof ta’ Mainz.

Ippresieda fil-konċilji li saru fi Franza mis-sena 743 sas-sena 747 u l-Papa San Żakkarija ħatru Primat tal-Ġermanja. Kien Bonifaċju li nkuruna lir-Re Pepin, bin Karlu l-Martell fi Soissons. Imma Bonifaċju kellu jinkuruna l-ħajja appostolika tiegħu bil-martirju.

Fil-5 ta’ Ġunju 754, lejlet il-Pentekoste, meta kellu madwar 73 sena, peress li wara l-mewt ta’ San Willibrordu (ara San Willibrordu), xi nsara fl-Olanda kienu qed jerġgħu jsiru pagani, kien jinsab fl-Olanda biex jamministra l-Griżma tal-Isqof lil numru ta’ Nsara li kienu għadhom kemm ikkonvertew. Ġara li waqt li kien qed ilesti ruħu għaċ-ċerimonja grupp ta’ pagani qabżu fuqu u qatlu lilu flimkien ma’ San Eoban u xi ħamsin Nisrani li kienu preżenti, bid-daqqiet tax-xwabel f’Dokkum.

Il-fdal ta’ San Bonifaċju, l-“Appostlu tal-Ġermanja”, jinsab meqjum fl-Abbazija ta’ Fulda, l-iktar waħda importanti mill-Abbaziji kollha li Bonifaċju waqqaf fil-Ġermanja, fejn bosta mirakli seħħew fuq qabru.

Ħsieb: Qari mill-Ittri ta’ San Bonifaċju, isqof u martri, bit-titlu ‘Raghaj imħeġġeġ, jishar fuq il-merħla ta’ Kristu’:

“Il-Knisja qisha dgħajsa kbira qiegħda taqsam il-baħar tad-dinja, il-mewġ tal-ħafna tiġrib iħabbatha f’din il-ħajja. U għalhekk ma tridx min jitlaqha weħidha, imma min imexxiha. Il-missirijiet ta’ l-imgħoddi jagħtuna eżempju, Klement u Kornelju u ħafna oħrajn f’Ruma, Ċiprijanu f’Kartaġni, Atanasju f’Lixandra, fi żmien l-imperaturi pagani, baqgħu jmexxu d-dgħajsa ta’ Kristu, anzi l-għarusa għażiża tiegħu, jiġifieri l-Knisja, u għallmuha, iddefendewha, u tħabtu u batew għaliha saħansitra sat-tixrid ta’ demmhom.

Jien u naħseb f’dawn in-nies u f’oħrajn bħalhom, inħossni nitkexkex u nirtogħod bil-biża’, u d-dlamijiet ta’ dnubieti jdawrruni. U kont nagħżel bil-qalb kollha li nitlaq għalkollox it-tmun tal-Knisja li darba ħadt f’idejja, li kieku din il-ħaġa stajt inwettaqha bl-eżempju ta’ xi ħadd mill-Missirijiet jew bl-Iskrittura Mqaddsa.

Din hi l-verità. U billi l-verità tista’ tkun imħabbta, imma ma tistax tintrebaħ u titqarraq, l-ispirtu mħabbat tiegħi jmur jistkenn għand dak li permezz ta’ Salamun qal: Ittama f’Alla b’qalbek kollha, u tistrieħx fuq il-fehma tiegħek. Fi triqatek kollha aħseb fih, u hu jwittilek il-mogħdijiet tiegħek. U qal ukoll: Isem il-Mulej hu torri qawwi: fih jistkenn il-ġust u jkun salv.

Nieqfu fis-sewwa u nħejju ruħna għat-tiġrib, biex nistennew l-għajnuna mingħand Alla u ngħidulu: Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.

Nittamaw f’dak li għabbiena bit-toqol tiegħu. Dak li ma nifilħux inġorru aħna, inġorruh bil-qawwa ta’ dak li jista’ kollox u li qalilna: Il-madmad tiegħi ħelu, u t-toqol tiegħi ħafif. Nieqfu qawwijin fit-taqbida sa jum il-Mulej, għax ġew fuqna jiem ta’ dwejjaq u niket. U, jekk Alla jogħġbu, ħa mmutu għall-liġi mqaddsa ta’ missirijietna, biex jistħoqqilna niksbu magħhom il-wirt ta’ dejjem.

Ma nkunux bħal klieb li ma jinbħux, ma nagħmlux bħal min jibqa’ jħares sieket, ma nkunux ħaddiema mħallsa li jaħarbu mill-lupu, imma nkunu rgħajja mħeġġa, jishru fuq il-merħla ta’ Kristu, ixandru l-kelma lill-kbar u ż-żgħar, lill-għonja u l-foqra, ta’ kull grad u ta’ kull għomor, skont il-ħila li Alla jagħtina, f’ħin f’waqtu jew le, kif qalilna San Girgor fil-ktieb tiegħu fuq il-ħidma pastorali.

Bonifaċju kien għamel mossa tajba favur il-kristjaneżmu, fl-attentat tiegħu biex jeqred is-superstizzjoni pagana. Ġurnata waħda, fil-preżenza ta’ folla kbira, qabad mazza u qaċċat siġra tal-ballut li kienet fuq il-muntanja Gudenburg. Din is-siġra kienet meqjusa sagra. Din waqgħet u nqasmet f’erba’ biċċiet. Il-folla stenniet li l-allat tagħhom jeqirdu lil Bonifaċju, iżda x’ħin raw li ma ġara xejn, għarfu li l-allat tagħhom kienu bla qawwa u ma jeżistux. Mill-bċejjeċ tas-siġra għamel planki li bihom bena kappella”.

  • U int u jien, kemm aħna kapaċi nuru l-fidi tagħna fil-pubbliku?

Talba: Agħtina, Mulej, l-għajnuna bit-talb tal-martri San Bonifaċju, li għallem il-fidi tiegħek u ta xhieda għaliha bit-tixrid ta’ demmu; agħmel li aħna wkoll inżommu sħiħ fl-istess fidi u b’qalbna qawwija nistqarruha bl-għemil. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-boniface.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-boniface/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Boniface

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements