9 ta’ Ġunju: San Efrem

Verżjoni Vidjo: San Efrem

“Iċċaħħadniex, Mulej, mis-sinjali tal-preżenza spiritwali tiegħek fostna; twarrabx minn qalbna l-qawwa u l-ħlewwa tal-preżenza tiegħek. Agħtina, li nħaffu lejn is-sema pajjiżna, u agħtina minn issa xi ħjiel tiegħu.” – San Efrem.

246-EphremSyrian-ppa-55-800-471x600SAN EFREM
Djaknu u Duttur tal-Knisja
306 –373

Tagħrif: San Efrem twieled fis-sena 306, fil-belt ta’ Nisibi, fil-Mesopotamja li dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma tar-Rumani (illum Nusaybin fit-Turkija qrib il-fruntiera mas-Sirja).

Kellu biss 7 snin meta Kostantinu ħareġ l-editt ta’ Milan. Madanakollu jidher li Efrem ma setax igawdi l-libertà tal-qima fil-familja, għax missieru kien saċerdot pagan u kien ftit li xejn lest li jaċċetta din il-formazzjoni nisranija ta’ ibnu minn ommu. Efrem kien imkeċċi mid-dar.

Ta’ tmintax-il sena sar Nisrani, u ma damx ma’ sar ħabib kbir tal-Isqof ta’ Nisibi, San Ġakbu, li probabbilment akkumpanjah fil-Konċilju ta’ Niċea, fis-sena 325.

Dak iż-żmien, l-Imperu Ruman kien qed jiddgħajjef, u kien qed jitlef ħafna artijiet, lill-Persjani. Fis-sena 363, Nisibi mhux b’inqas waqgħet f’idejn il-Persjani, li kienu qed jippersegwitaw bl-aħrax lill-Insara, Efrem, li kellu madwar 57 sena, ħarab flimkien ma’ għadd kbir ta’ Nsara, mar f’Edessa (illum Urfa fit-Turkija).

Hemmhekk ġie ordnat djaknu minn San Bażilju l-Kbir, imma ma riedx isir saċerdot.

Intefa’ għall-kitba. Fost kollox kiteb ħafna innijiet biex jitkantaw fil-knejjes, tant li ġie msejjaħ “l-Arpa tal-Ispirtu s-Santu”. It-tradizzjoni tfakkru bħala bniedem riġidu. Huwa kien ixerred it-tagħlim tal-knisja ġenwinament imma ma kitibx il-poeżiji għall-ġieħ letterarju iżda bħala mezz pastorali. Kiteb ukoll ħafna kummentarji fuq il-Bibbja, u ddefenda t-tagħlim nisrani kontra l-ereżija ta’ żmienu.

Miet f’Edessa, fid-9 ta’ Ġunju fis-sena, 373. Hu l-uniku Duttur tal-Knisja li kien Sirjan, u hu u San Ġustinu huma l-uniċi Missirijiet tal-Knisja li ma kellhomx l-Ordni tas-Saċerdozju.

Ħsieb: San Efrem huwa wkoll il-poeta tal-Madonna għaliex kiteb 20 innu Marjan. Lejha kellu devozzjoni u lilha kien isejjaħ bħala l-aktar splendida mix-xemx, għaqda bejn is-sema u l-art, paċi, ferħ u saħħa tad-dinja, kuruna tal-verġni, kollha pura, immakulata, bla taħsir, beatissma, venerabbli, onorabbli … Ta’ min japprofondixxi dwar id-devozzjoni lejn Marija, f’dawn iż-żminijiet bikrin tal-Knisja.

Din li ġejja hija kitba ta’ Patri Mario Attard OFM Cap dwar Marija fil-Knisja tal-Bidu:

“Missirijiet il-Knisja bikrija fissru r-rwol teoloġiku ewlieni tal-Imqaddsa Verġni Marija bħala ‘l-Eva l-Ġdida.’ X’kien l-għarfien bażiku ta’ Marija bħala ‘Eva l-Ġdida’ fil-Knisja bikrija? Eva, ‘l-omm oriġinali tal-ħajjin kollha,’ kellha rwol mill-akbar importanti, għalkemm sekondarju, fid-dnub ta’ Adam li wassal għall-waqgħa traġika mill-grazzja ta’ Alla. Madankollu, Marija, bħala l-Omm il-ġdida tal-ħajjin kollha, hija wkoll kellha rwol importanti, għalkemm sekondarju, għar-rwol ta’ Ġesù, Adam il-Ġdid, fil-fidwa u t-tiġdid tal-ħajja tal-grazzja tal-familja umana.

Bil-għan li napprezzaw iżjed dan l-iżvilupp importanti fil-Marjoloġija (l-istudju dwar Marija) ikun interessanti jekk neżaminaw ftit dan l-għarfien dejjem jikber tar-rwol spiritwali u matern ta’ Marija bħala ‘Eva l-Ġdida,’ li hija l-‘Omm il-ġdida tal-ħajjin kollha’, fit-tisħib tagħha ma’ Kristu fit-tiġdid tal-grazzja lill-familja umana.

San Ġustinu Martri (miet fl-165), l-ewwel apoloġista kbir tal-Knisja tal-bidu, jiddeskrivi lil Marija bħala ‘verġni ubbidjenti’ li, permezz tagħha, l-umanità irċeviet il-Feddej tagħha. Marija tikkuntrasta bil-kbir ma’ Eva, ‘il-verġni diżubbidjenti,’ li ġabet mewt u diżubbidjenza lir-razza umana. San Irinew ta’ Lyon (miet fl-202), difensur kbir tal-ortodossija Nisranija u għal xi wħud huwa l-ewwel Marjologu per eċċellenza, jgħid li Marija hija Eva l-Ġdida li tieħu sehem ma’ Ġesù Kristu fix-xogħol tal-fidwa. Bl-ubbidjenza tagħha Marija ssir ‘il-kawża tal-fidwa għaliha u għall-umanità kollha.’ It-tagħlim ta’ San Irinew juri biċ-ċar l-fidi u l-għarfien tal-Knisja tal-Bidu li Marija tikkopera b’mod ħieles u waħdieni ma’ u taħt Ġesù, l-Adam il-Ġdid, fil-fidwa tar-razza umana. Dan l-għarfien patristiku bikri tal-koperazzjoni ta’ Marija jiżviluppa fit-teoloġija iktar reċenti u speċjalizzata tal-korendenzjoni ta’ Marija.

San Ambroġ (miet fl-397) jissokta jiżviluppa l-għarfien ta’ Eva l-Ġdida għaliex jirreferi għal Marija bħala “Omm is-Salvazzjoni”. San Ambroġ jikteb: ‘Kien permezz ta’ raġel u mara li l-ġisem kien imkeċċi mill-Ġenna. Kien permezz ta’ verġni li l-ġisem kien maqgħud ma’ Alla … Eva hija msejħa omm ir-razza umana imma Marija hija msejħa Omm il-fidwa.’ Minn naħa tiegħu San Ġirolmu (miet fl-420), b’reqqa kbira jiġbor l-għarfien patristiku kollu ta’ Eva l-Ġdida fl-espressjoni mimlija tifsira: ‘Mewt permezz ta’ Eva ħajja permezz ta’ Marija.’

Ix-xhieda Nisranija tal-ewwel sekli tal-Knisja tipprovdilna wkoll eżempji ta’ talb dirett lil Marija bħala mezz ta’ interċessjoni għall-grazzji u l-ħarsien minn Binha. Għal San Irinew Marija hija ‘l-Avukata’ jew l-għajnuna interċessura kemm għal Eva u kif ukoll għas-salvazzjoni tagħha. San Gregorju Tawmaturgu (miet fl-350) jpinġi lil Marija bħala dik li titlob għal dawk fid-dinja mill-post tagħha fis-Sema.

San Efrem (miet fl-373), id-duttur kbir u djaknu tal-Lvant, li tiegħu qed niċċelebraw il-festa llum, jindirizza direttament lill-Verġni Mqaddsa f’ħafna mill-omeliji Marjani. Talb dirett lil Marija huwa misjub wkoll f’omelija tal-kbir Missier il-Knisja tal-Lvant, San Girgor Nazjanzenu (330-389). Sal-aħħar parti tar-raba’ u l-bidu tal-ħames seklu għandna għadd ta’ eżempji ċari ta’ talb dirett lil Omm Alla bħal, ngħidu aħna, fil-kitbiet ta’ San Ambroġ u kif ukoll f’dawk ta’ San Epifanju.

L-iktar talba sħiħa u qadima lill-Verġni Imbierka li hija storikament ippreservata tissejjaħ Taħt il-Ħarsien tiegħek. Din it-talba tmur lura għas-sena 250 WK. It-test tagħha jgħid hekk: ‘Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm qaddisa ta’ Alla: la twarrabx minn quddiemek it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna, u eħlisna dejjem minn kull tiġrib, o Verġni glorjuża u mbierka.’

Nagħlaq bil-kelmiet ta’ Dante mill-kitba klassika La Divina Commedia, li tfisser sewwa il-qawwa tad-devozzjoni tal-Verġni Imbierka li ġiet murija fl-istorja tal-Knisja, imsejsa fuq il-verità kif imnebbħa fil-Bibbja u t-Tradizzjoni Appostolika: ‘Mal-bnedmin li jmutu int għajn ta’ tama ħajja. Xebba, int tant int kbira u għandek tant ġieħ li, jekk xi ħadd ifittex il-grazzja u ma jtirx lejk xewqatu hija bħal titjira mingħajr ġwienaħ.’ Għax tassew Marija hija dik li ttajjarna ilkoll lejn Binha Ġesù!”

  • U int, aċċettajt lil Marija bħala ommok u ddur lejha bħala binha/bintha?

Talba: Fit-tjieba tiegħek, Mulej, sawwab fi qlubna l-Ispirtu s-Santu, li nebbaħ lid-djaknu Sant’Efrem biex jinseġ innijiet ta’ tifħir fuq il-misteri tiegħek u mlieh bil-qawwa biex jaqdi lilek waħdek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-ephrem.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-ephrem/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ephrem_the_Syrian

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements