10 ta’ Ġunju: Santa Margerita

Verżjoni Vidjo: Santa Margerita

“Margerita qanqlet lir-re għall-opri ta’ ġustizzja, ħniena, karità u virtujiet oħra li fihom kollha, bil-grazzja ta’ Alla, hi wasslitu biex iwettaq ix-xewqat tagħha. Għaliex hu, billi ra li Kristu kien jgħammar fil-qalb tar-reġina, kien dejjem lest biex jimxi fuq il-parir tagħha.” – Kitba li għandna dwar Santa Margerita minn wieħed kontemporanju.

tumblr_n5i8unAIgw1tqs7hlo1_500SANTA MARGERITA
Reġina tal-Iskozja
†1093

Tagħrif: Margerita kienet prinċipessa Ingliża li kienet imrobbija fil-qorti ta’ San Stiefnu, re tal-Ungerija.

Wara li rritornat l-Ingliterra hija baqgħet biss għal żmien qasir fil-qorti tar-re Edwardu l-Konfessur, għaliex meta n-Normanni rebħu l-Ingilterra (1066) hi kellha terġa’ tmur fl-eżilju.

Sabet kenn fil-qorti ta’ Malcolm Canmore, re tal-Iskozja, li aktar tard iżżewwiġha. Din il-mara istruwita u twajba bilfors li ħalliet impressjoni qawwija fuq ir-re, li kien mexxej kapaċi, u fuq il-poplu ta’ dan il-pajjiż imbiegħed li, f’dak iż-żmien, kien għadu xi ftit primittiv.

Għandna miktub dwarha minn wieħed kontemporanju: “Hi qanqlet lir-re għall-opri ta’ ġustizzja, ħniena, karità u virtujiet oħra li fihom kollha, bil-grazzja ta’ Alla, hi wasslitu biex iwettaq ix-xewqat tagħha. Għaliex hu, billi ra li Kristu kien jgħammar fil-qalb tar-reġina, kien dejjem lest biex jimxi fuq il-parir tagħha.”

Margerita kienet mudell ta’ mara miżżewġa u omm eċċellenti. Kellha tmien ulied; tlieta minnhom okkupaw, wieħed wara l-ieħor, it-tron tal-Iskozja.

Kienet tonfoq il-ġid tagħha fuq opri ta’ karità, il-ħin liberu tagħha fit-talb u l-kura tal-morda u tal-iltiema. Il-prudenza u l-viżjoni tagħha bħala mara li tara fil-bogħod, ġiebu l-introduzzjoni ta’ kultura avvanzata barranija u ta’ drawwiet Rumani fis-saltna tagħha, mingħajr iżda ma ġiebu magħhom nuqqas ta’ qbil jew skuntentizza.

Santa Margerita Reġina mietet fl-10 ta’ Ġunju, 1093, erbat ijiem biss wara żewġha. It-tnejn kienu midfunin fil-knisja tal-abbazija ta’ Dunfermline (fil-Majjistral ta’ Edinburgh) li huma kienu waqqfu. Kienet ikkanonizzata fl-1250 u fl-1673 Klement X ddikjaraha patruna tal-Iskozja.

Ħsieb: Ir-Reġina Santa Margerita kienet il-mara li jkellimna fuqha tant tajjeb il-ktieb tal-Proverbji, kapitlu 31:

“Mara ta’ ħila min isibha? Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar. Fuqha tistrieħ qalb żewġha, u dan żgur ikunlu ta’ ġid. Risq tajjeb iġġiblu, u mhux ħażin, il-jiem kollha ta’ ħajjitha. Tħażżem ġenbejha bil-qawwa, u ssaħħaħ għax-xogħol dirgħajha. Tara r-risq tax-xogħol tagħha; lanqas bil-lejl ma titfi l-musbieħ tagħha. Tiftaħ mal-fqir idejha, tmidd idejha lejn l-imsejken. Żewġha magħruf f’bieb il-belt, meta joqgħod mal-kbarat tal-pajjiż. Tilbes bil-ġieħ u l-qawwa, tħares daħkana lejn il-ġejjieni. Kliem l-għerf għandha fuq fommha, kliem it-tjieba fuq ilsienha. Ħsiebha fit-tmexxija ta’ darha, minn ħobż l-għażż ma tiekol qatt. Uliedha jqumu u hienja jsejħulha; u żewġha wkoll ifaħħarha u jgħidilha: ‘Ħafna nisa wrew ħila kbira imma inti lkoll għaddejthom.’ Qarrieqa l-ħlewwa tal-mara, fiergħa sbuħitha; mara li tibża’ mill-Mulej ta’ min ifaħħarha. Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha. Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha” (ara Proverbji 31:10-31).

Margerita kienet il-reġina li għexet b’qalb u b’fidi kbira dak li jgħidilna Ġesù fil-kapitlu 25 ta’ San Mattew:

“Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, mberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.’ Imbagħad iweġbuh il-ġusti, ‘Mulej,’ jgħidulu, ‘meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?’ U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.’” (Mattew 25:34-40).

Dan il-kliem, ifakkarna fil-wegħda li jagħmel Ġesù lil dawk kollha li jħennu minn qalbhom għall-proxxmu tagħhom, bħalma ħennet din ir-reġina f’ħajjitha. “Ħenjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mattew 5:7). Il-karità kbira li wettqet f’ħajjitha man-nies ta’ pajjiżha, tant li idha x-xellugija ma kinitx taf x’kienet qed tagħmel idha l-leminija, tat il-frott tagħha bid-deher. Kienet il-mara “li fetħet idejha beraħ mal-fqir,” kif ifakkarna l-Ktieb tal-Proverbji.

Fil-poeżija Waħdi Dun Karm kiteb hekk: “Omm! … xi ħlewwa, xi tjieba ta’ isem! Omm, il-kelma tal-faraġ fil-hemm, Omm, il-kelma tal-ħniena fil-ħtija, Omm, il-kelma li trażżan id-demm.” Margerita, omm imfawra bl-imħabba lejn żewġha, uliedha u n-nies fil-bżonn ta’ żminijietha. Margerita, li resqet lill-familja tagħha lejn Ġesù. Margerita, li bl-għaqal tagħha għenet lil żewġha r-re biex imexxi s-saltna bil-ġustizzja, bil-prudenza u bil-virtujiet insara bħala l-pedament.

  • Alla u n-nies li jafuk, xi jsibu xi jfaħħru fik?
  • Tmexxi ħajtek u dik ta’ min hu qribek bil-għaqal, bil-ġustizzja, bil-ħniena, bil-karità  u bil-virtujiet insara l-oħra?
  • Kif qed tinfluwenza lil ħaddieħor?
  • In-nies jistgħu jilmħu lil Ġesù fik?

Talba: O Mulej, kif fl-isfond tal-ħajja tiegħek kellek lil ommok Marija li ħeġġitek tgħin lill-koppja tat-tieġ ta’ Kana fil-bżonn tagħhom, hekk ir-reġina Margerita kienet il-mara ta’ ħila li qanqlet lil żewġha r-re u lil uliedha, biex jgħixu skont it-tagħlim tiegħek; agħtina li aħna wkoll nitlibsu bis-sentimenti tiegħek u b’hekk ninfluwenzaw lil xulxin għat-tajjeb skont il-Vanġelu. Bi Kristu Sidna.  Ammen.

English Version: https://www.historic-uk.com/HistoryUK/HistoryofScotland/St-Margaret/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-margaret-of-scotland/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Margherita_of_Savoy

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements