12 ta’ Ġunju: Santa Pawla Frassinetti

“Kunu fjakkoli u ħġejjeġ jaħarqu biex kull fejn tmissu taħarqu bin-nar tal-imħabba t’Alla”. ~  Santa Pawla Frassinetti

Paula Frassinetti 2781207816_0107fa361b.jpgSANTA PAWLA FRASSINETTI
Reliġjuża
1809 – 1882

Tagħrif: Din il-fundatriċi tas-sorijiet Dorotej twieldet f’Ġenova, tifla unika fost ħamest aħwa. L-erba’ ħutha subien kollha saru saċerdoti. Meta Pawla kellha 9 snin ommha mietet, u hi qiegħdet il-fiduċja tagħha f’Marija omm Ġesù, filwaqt li ddedikat lilha nfisha għal missierha u l-erba’ ħutha subien.

Missierha li kien ta’ karattru possessiv, ma riedx jibgħatha l-iskola, imma hu nnifsu għallimha taqra u tikteb. Pawla malajr xorbot ħafna tagħlim dwar ir-reliġjon u l-kultura mid-diskussjonijiet li kienu jagħmlu ħutha s-seminaristi ikbar minnha.

Pawla ntbagħtet għand ħuha l-kbir Dun Ġużepp, kappillan ta’ Quino għal xi żmien biex tieħu saħħitha. Hawn ġiet f’kuntatt mal-attivitajiet parrokkjali u malajr saret konxja tal-vokazzjoni tagħha. Ma kinitx trid ħlief li tgħallem u tieħu ħsieb ta’ tfal bniet oħra, l-aktar dawk fqar u emarġinati.

Bil-parir ta’ ħuha u saċerdoti oħra, ta’ 25 sena tat bidu għall-istitut “Figlie de Santa Fede” (Ulied il-Fidi Mqaddsa), li wara, l-isem inbidel f’dak ta’ Sorijiet ta’ Santa Dorotea. Imma l-ewwel grupp tferrex, u baqa’ biss dawk li kienu l-aktar dedikati. Ma’ dawn, fit-12 ta’ Diċembru tas-sena 1834, kellu bidu l-istitut il-ġdid.

Santa Pawla Frassinetti mietet fil-11 ta’ Ġunju tas-sena 1882, fl-età ta’ 73 sena. Ġiet ibbeatifikata fit-8 ta’ Ġunju tas-sena 1930, u l-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II fil-11 ta’ Marzu tas-sena 1984, iddikjaraha qaddisa.

Ħsieb: Bħal f’kull ħajja oħra tal-qaddisin u b’mod speċjali ta’ Fundaturi, id-diffikultajiet fil-ħajja ta’ Pawla ma naqsux; imma hi, b’kuraġġ, b’ġenerożità u b’fidi qawwija, baqgħet sejra ’l quddiem, tiftaħ diversi kunventi ta’ sorijiet tagħha ddedikati b’mod speċjali għat-tagħlim tal-bniet. Bagħtet l-ulied tagħha fil-Brażil u fil-Portugall, u llum tinsab imxerrda fi 15-il pajjiż. Hija kitbet ħafna ittri lis-sorijiet tagħha li juru kemm kienet tgħożżhom bħala wliedha, u li fihom kienet tagħtihom ħafna pariri sbieħ. L-ittri jikxfu wkoll kemm il-qaddisa kienet bniedma ta’ ħajja spiritwali għolja. F’ittra minnhom kitbet:

“Qawwi qalbek kemm tista’, u meta tħoss id-diffikultajiet tal-ħajja, dur spiss bit-talb lejn Alla. Kemm aħna xortina tajba aħna l-insara! M’hemm l-ebda sitwazzjoni fil-ħajja tagħna li fiha ma narawx lil Ġesù miexi quddiemna. Hu mhux biss jurina fejn għandna mmorru, imma Hu wkoll it-triq … Hu dejjem magħna biex itina l-kuraġġ.”

Waqt mumenti ta’ tiġrib, Pawla kienet tħeġġeġ lis-sorijiet tagħha b’dawn il-kelmiet: “Kunu fjakkoli u ħġejjeġ jaħarqu biex kull fejn tmissu taħarqu bin-nar tal-imħabba t’Alla”. Meta fis-sena 1878 miet il-Papa Piju IX li kellux ħlief stima u kliem ta’ kuraġġ għall-opra appostolika tagħha. Il-qaddisa mietet bil-kliem fuq fommha: “Madonna tiegħi qatt tinsa li jiena bintek.”

Is-sorijiet Dorotej, fosthom f’Malta, jagħtu s-sehem tagħhom fix-xandir tal-evanġelju permezz tal-edukazzjoni fl-iskejjel, it-tagħlim reliġjuż u l-formazzjoni tal-mexxejja, irtiri, ħidma missjunarja u ħafna forom oħra ta’ ħidma soċjali, b’mod speċjali fost it-tfal, il-foqra, l-emigranti, ż-żgħażagħ u n-nisa.

Is-Sorijiet ta’ Santa Pawla Frassinetti waslu f’Malta fl-1911 wara li ġew imkeċċija mill-Portugall fi żmien ta’ persekuzzjoni. Huma stabbilixxew ruħhom f’dar fl-Imdina u fl-1921 ittrasferew il-kunvent u l-iskola tagħhom għad-dar li ngħatat lilhom minn Mons. Alfredo Mifsud, li ħutu l-bniet ħadu l-edukazzjoni tagħhom mid-Dorotej f’Ruma, u waħda minnhom, Elena, ingħaqdet mal-istess sorijiet. Minbarra l-Iskola Sekondarja li ġiet trasferita mill-Imdina għall-kumpless il-ġdid f’Ħaż-Żebbuġ f’Settembru 1998, is-sorijiet għandhom ukoll skola f’Tas-Sliema li nfetħet fl-1958. L-iskola tal-Imdina ġiet trasferita għal tal-Virtu’ għal dsatax-il sena, u issa tinsab fil-kumpless il-ġdid f’Ħaż-Żebbuġ mill-1997.

Għal aktar informazzjoni, mur f’din il-link: http://thechurchinmalta.org/en/posts/1683/the-sisters-of-st-dorothy

Talba: Mulej, Int sejjaħt lil Santa Pawla Frassinetti biex taqdik fost iċ-ċkejknin tiegħek, l-aktar dawk foqra u li kienu jeħtieġu l-għajnuna; agħti lilna lkoll il-grazzja li nsibuk fl-oħrajn madwarna u li nservuk b’qalb imħeġġa bin-nar ta’ mħabbtek f’dawk l-aktar fil-bżonn. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/saint-paula-frassinetti.html

Alternative Reading: http://saintsresource.com/paula-frassinetti

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Paula_Frassinetti

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements