13 ta’ Ġunju: San Antnin ta’ Padova

“Il-ġust jiżhar bħal ġilju, u jħaddar għal dejjem quddiem il-Mulej. Jikseb it-tifħir fil-ġemgħa tal-magħżulin”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Antnin ta’ Padova (Hosea 14.6b; Salm 91(92):14; Sirak 24:1).

san antonio.jpgSAN ANTNIN TA’ PADOVA
Saċerdot u Duttur tal-Knisja: 1191 – 1231

Tagħrif: Padova hi l-isem tal-belt fl-Italja fejn San Antnin għex l-aħħar snin ta’ ħajtu. Twieled Lisbona, il-Portugall, fl-1191, minn familja nobbli, u fil-magħmudija semmewh Ferdinandu.

Beda l-iskola fil-Katidral ta’ Lisbona. Ta’ ħmistax-il sena daħal mal-Kanoniċi Regolari ta’ Santu Wistin, iżda billi kien qed ikollu ħafna żjajjar minn qrabatu u ħbiebu talab biex ibiddel il-monasteru, u ġie mibgħut f’Koimbra. Hawnhekk studja sew l-Iskrittura u s-Santi Padri, u ħa wkoll il-Quddiesa.

Fis-16 ta’ Jannar 1220 ġew maqtula fil-Marokk l-ewwel ħames martri Franġiskani, u f’dik is-sena stess ġabu l-iġsma tagħhom f’Koimbra. Meta Ferdinandu ra l-proċessjoni għaddejja tqanqal ħafna biex jidħol mal-Franġiskani ħalli jkun jista’ jmur il-Missjoni u jmut martri.

Fl-1221, daħal mal-Franġiskani Minuri u ħa l-isem ta’ Anton. Fil-ħarifa tal-istess sena telaq lejn il-Marokk. Hemmhekk marad, u wara ftit xhur kellu jirritorna lejn pajjiżu, iżda billi l-vapur li kien fuqu ltaqa’ ma’ tempesta, flok il-Portugall sab ruħu Sqallija ġo Messina.

Minn Messina mar Assisi fejn kellu jiltaqa’ l-Kapitlu Ġenerali, hawn ra u sema’ lil San Franġisk. Minn hemm mar Montepaulo mal-Provinċjal fejn għex ħajja ta’ ġabra. Darba minnhom ġie mitlub biex jagħmel kelmtejn fil-Katidral ta’ Forli, u tant ippriedka tajjeb li wara, il-Provinċjal talbu biex jagħti ruħu għall-priedki.

Hekk għamel, filwaqt li baqa’ jistudja u ħa d-Dottorat fit-Teoloġija. San Franġisk sema’ b’għerfu u ħatru biex jgħallem it-teoloġija lill-Patrijiet sħabu.

Għamel ħafna ġiri jippriedka fl-Italja, fi Spanja, u fi Franza. Fl-1224 kien Gwardjan, u fl-1226 ġie maħtur Ministru Provinċjal. Fl-1228 mar Ruma fuq xogħol tal-Ordni. Hemm ippriedka quddiem il-Papa Girgor IX, li sejjaħlu “Arka tat-testment u moħba tal-Iskrittura”.

Fl-1230, fuq talba tiegħu biex ikompli jippriedka, ġie meħlus mill-uffiċċju ta’ Ministru, u mar fil-Kunvent ta’ Padova li kien bena hu nnifsu. Hawn ħadem bla heda speċjalment għall-fqar, li sal-lum għadna nisimgħu bil-“ħobż ta’ San Antnin”.

Fil-priedki tar-Randan ta’ dik is-sena l-folla ta’ nies li marret tisimgħu laħqet it-30,000.

Miet meta kellu 40 sena mifni mill-predikazzjoni, fit-13 ta’ Ġunju 1231. Ħdax-il xahar wara, il-Papa Girgor IX iddikjarah Qaddis. Fl-1946 il-Papa Piju XII ipproklamah Duttur tal-Knisja. San Antnin hu meqjum ħafna fil-Bażilka li bnewlu l-Franġiskani Konventwali f’Padova, fejn hemm il-fdal tiegħu.

Ħsieb: Aktarx li dan il-qaddis hu fost l-aktar popolari fost l-insara. Hu kien jeħodha kontra l-vizzjijiet ta’ żmienu, bħalma huma l-użura (self b’imgħaxijiet għoljin) u x-xeħħa, b’linġwaġġ qawwi u kultant aħrax ukoll. Għalkemm Sant’Antnin kien ġej minn familja aristokratika, hu kien veru ħabib tal-fqar u tal-maħqurin. Jingħad li għamel ħafna mirakli, l-aktar wara mewtu. Sant’Antnin hu msejjaħ fil-każi ta’ ħwejjeġ mitlufin.

Dan li ġej huwa qari mid-Diskorsi ta’ Sant’Antnin ta’ Padova, saċerdot:

“Min ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu jitkellem b’bosta ilsna. Dawn il-bosta ilsna huma l-ħafna xhieda li tingħata lil Kristu, bħalma huma l-umiltà, il-faqar, is-sabar u l-ubbidjenza; li aħna nitkellmu bihom meta nuruhom lill-oħrajn fina nfusna. Għax il-kelma toħroġ ħajja jekk jitkellem l-għemil. Mela ħa jieqaf il-kliem u jitkellem l-għemil. Kliem għandna kemm irridu, imma fatti xejn, u għalhekk il-Mulej jisħetna, kif seħet is-siġra tat-tin għax fiha ma sabx frott imma weraq biss. Kif jgħid San Girgor: “Għall-predikatur hemm liġi li torbtu biex juri bl-għemil kull ma jxandar bil-kliem”. Għalxejn wieħed jiftaħar li jaf il-liġi jekk b’għemilu iġib fix-xejn it-tagħlim tiegħu.

L-Appostli kienu jitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu kien jagħtihom li jitkellmu. Hieni min jitkellem skont kif inebbħu l-Ispirtu s-Santu u mhux kif tgħidlu rasu! Għax hemm xi wħud li jitkellmu skont ma jħossu huma, jisirqu kliem ħaddieħor u jxandruh bħallikieku tagħhom, anzi jgħidu li hu tagħhom. Fuq dawn u oħrajn bħalhom, il-Mulej b’fomm Ġeremija jgħid: Arawni kontra l-profeti li jisirqu kliemi wieħed mingħand l-ieħor. Arawni kontra l-profeti, jgħid il-Mulej, li jħollu lsienhom u jxandru t-teħbir. Arawni kontra dawk li jħabbru ħolm giddieb, jgħid il-Mulej, u jgħiduh u jqarrqu bil-poplu bil-gideb tagħhom u bit-tpaċpiċ tagħhom, meta ma kontx jien li bgħatthom, anqas ikkmandajthom, u ma huma ta’ ebda fejda għal dan il-poplu, jgħid il-Mulej.

Mela nitkellmu skont mal-Ispirtu s-Santu jagħtina li nitkellmu; bl-umiltà u l-qima kollha nitolbuh isawwab fina l-grazzja tiegħu, biex nhar Għid il-Ħamsin niċċelebrawh sewwa bil-perfezzjoni tal-ħames sensi tagħna u bil-ħarsien ta’ l-għaxar kmandamenti nimtlew bi spirtu qawwi ta’ ndiema, nitkebbsu b’ilsna tan-nar ħa nfaħħruh, ninxtegħlu bid-dawl tal-glorja tal-qaddisin, u jistħoqqilna naraw lit-Trinita’ Alla wieħed”.

Din li ġejja hija silta minn priedka ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx u ma tkunux ikkundannati; aħfru u ssibu l-maħfra; agħtu u jingħatalkom.” Ara kif f’dis-silta tal-Vanġelu mqaddes hemm ħames ħwejjeġ ta’ importanza kbira: ħennu, tiġġudikawx, tikkundannawx, aħfru u agħtu.

Hu ħanin min jagħder in-nuqqasijiet ta’ ħaddieħor. Għalhekk fil-ħniena nsibu l-mogħdrija, bħallikieku l-ħniena ssir bil-mogħdrija. U billi l-ħniena tal-Missier tas-sema lejk għandha tliet uċuħ, hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ.

Il-ħniena tal-Missier hi għażiża, wiesgħa u għanja. Għażiża għax issaffi l-bniedem mill-vizzji, bħalma jgħid Bin Sirak: “Għażiża ħnientu fi żmien il-għawġ, daqs sħab tax-xita fi żmien in-nixfa.” Fi żmien il-għawġ, jiġifieri meta tkun magħkusa bid-dnubiet, tinżel fuqha xita ta’ grazzja li ġġeddidha u taħfrilha d-dnubiet.

Il-ħniena tal-Missier wiesgħa, għax hi u miexja ’l quddiem fiż-żmien, ir-ruħ tikber u titwessa’ bl-għemejjel it-tajba. Għalhekk fis-Salm insibu: “Tjubitek quddiem għajnejja, imxejt skont is-sewwa tiegħek.”

Il-ħniena tal-Missier hi għanja fil-għaxqa tal-ħajja taż-żmien li ġej. Dwarha fil-Ktieb ta’ Tobija nsibu dan: “Min jibża’ minnek jaf żgur li hu sa jikseb il-kuruna tal-ħajja jekk ħajtu tkun tqiegħdet fit-tiġrib; hu jkun meħlus mill-għawġ u jkun jista’ jilqa’ l-ħniena tiegħek jekk qabel jilqa’ t-twiddib.”

Hekk ukoll il-ħniena tiegħek lejn il-proxxmu għandu jkollha tliet uċuħ. Jekk dineb kontriek aħfirlu; jekk ħareġ mit-triq tas-sewwa għallmu; jekk bil-ġuħ itimgħu biex jiġi f’tiegħu”. 

U dawn żewġ talbiet ta’ Sant’Antnin ta’ Padova:

Spirtu Mqaddes, nar ta’ mħabba, ejja strieħ fuq kull wieħed minna, ħejjilna lsienna biex jistqarr ħtijietna, biex aħna u ngħidu kollox bla ma naħbu xejn, niksbu l-ħajja tal-ġenna biex hemm nissieħbu għal dejjem fit-tifħir flimkien mal-anġli. Dan jista’ jseħħ bil-għajnuna tiegħek, int li tgħix u ssaltan għal dejjem. Ammen.

Nitolbuk, Mulej Alla wieħed u tlieta, li r-ruħ li inti ħlaqt tasal għandek qawwija u sħiħa f’dak l-aħħar jum ta’ hemm u ta’ nar, x’ħin jinqasam il-ħabel fiddien, ilqagħaha, biex ħielsa min-nases tal-ħażen, tiġi għandek bil-ħelsien u l-glorja ta’ wlied Alla, bil-għajnuna tiegħek stess, Alla wieħed u tlieta, li int imbierek għal dejjem. Ammen.

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int ridt li l-poplu tiegħek ikollu f’Sant’Antnin ta’ Padova predikatur għaref u għajnuna kbira quddiemek fil-ħtiġiet tiegħu: agħmel li hu jieqaf dejjem magħna u jbegħedna minn kull hemm, ħalli nimxu sewwa skont it-tagħlim nisrani. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-anthony-of-padua.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-anthony-of-padua/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Anthony_of_Padua

Film on Saint Anthony of Padua:

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements