14 ta’ Ġunju: San Metodju

Verżjoni Vidjo: San Metodju

“Urini l-ikoni li inti tqim, biex jien nista’ nifhem il-fidi tiegħek.” – San Ġwann Damaxxenu

40705166_1236496776_p_023.jpgSAN METODJU
Raħeb
† 847

Tagħrif: Dan il-qaddis kien l-ewwel wieħed biex jiċċelebra l-festa tal-Ortodossija, solennità miżmuma fil-liturġija biżantina fl-ewwel Ħadd tar-Randan, biex iġib ’il quddiem il-qima lejn ix-xbihat imqaddsa (ikoni) ta’ Kristu u tal-qaddisin.

It-tieni konċilju ta’ Niċea (787) kien iddistingwa b’mod ċar bejn il-qima lejn ix-xbihat u l-vera adorazzjoni riservata biss lil Alla. Il-konċilju ddefenda l-prattika li jinxtegħlu xemgħa u li jinħaraq l-inċens quddiem l-ikoni tal-qaddisin, u għamilha ċara li l-unur mogħti lix-xbiha hi fil-fatt realment mogħtija lill-persunaġġ li hija tirrappreżenta.

San Metodju twieled fi Sqallija, imma meta kien żagħżugħ mar Kostantinopli jfittex impjieg fil-qorti imperjali. Iżda raħeb ipperswadieh biex jagħżel il-ħajja monastika, u daħal fil-monasteru ta’ Chenolakhos.

Kien iżomm mal-isqof San Niċeforu matul it-tieni persekuzzjoni mqajma minn dawk li kienu kontra l-qima tax-xbihat (imsejħin ikonoklasti). Huwa għalhekk kellu jgħaddi 7 snin bi ftit ikel f’ħabs maħmuġ. Lill-imperatur Teofilu li kien iżomm mal-Ikonoklasti, qallu: “Ġa ladarba xbiha hija hekk bla valur quddiem għajnejk, kif inhi li, waqt li inti tikkundanna x-xbiha ta’ Kristu, inti wkoll ma tikkundannax il-qima li tingħata lix-xbihat tiegħek? Minflok, inti kontinwament tħabrek li jsiru aktar minnhom.”

Metodju sar patrijarka ta’ Kostantinopli sal-mewt tal-aħħar ikonoklasta, imma ma tantx dam f’dil-kariga għax miet erba’ snin wara bil-marda tal-idropsija, fl-14 ta’ Jannar, 847. Kiteb ħafna, u speċjalment dwar ħajjiet ta’ diversi qaddisin tal-ewwel żmien tal-knisja.

Ħsieb: Waħda mill-qaddisin li fuqha kiteb San Metodju hi Sant’Agata, Verġni, Martri u Patruna ta’ Malta. “Hija tassew Verġni għax twieldet mill-Kelma ta’ Alla.” Hekk jiddefinixxi lil Sant’Agata, San Metodju ta’ Sqallija, fis-seklu IX. Huwa jorbot il-Verġinità mat-twelid mill-Kelma ta’ Alla. B’dan il-kliem San Metodju jurina li kellu f’moħħu dak li jikteb San Ġwann fil-Ftuħ tar-Raba’ Evanġelju: li dak li ġie fid-dinja, “lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li twieldu mhux mid-demm, lanqas mir-rieda tal-ġisem, imma minn Alla.”

Inkwantu l-persekuzzjoni fi żmien San Metodju, mqajma minn dawk li kienu kontra l-qima tax-xbihat (imsejħin ikonoklasti), tajjeb nikkwota hawn Artiklu 68 dwar id-devozzjoni Marjana u l-kult tax-xbihat tal-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II (29 ta’ Ottubru, 1997) biex jippromwovi l-użu rett tax-xbihat sagri:

“Ix-xbihat, l-ikoni u l-istatwi tal-Madonna (u hawn nistgħu ninkludu wkoll dawk tal-qaddisin) preżenti fid-djar, fil-postijiet pubbliċi, u fi knejjes u kappelli bla numru, jgħinu lill-fidili biex isejħu l-preżenza kostanti tagħha u l-ħarsien ħanin tagħha fid-diversi ċirkostanzi tal-ħajja. Waqt li jirrendu pożittiva u kważi viżibbli l-ħlewwa materna tal-Verġni, huma jistiednu biex iduru lejha, biex jitolbuha b’fiduċja u biex jimitawha fl-ilqugħ b’mod ġeneruż tar-rieda divina.

Ebda waħda mix-xbihat magħrufa ma tirriproduċi l-wiċċ awtentiku ta’ Marija, bħal ma diġà kien jaf Santu Wistin; b’danakollu dawn jgħinu biex tkun stabbilita relazzjoni iktar ħajja magħha. Ikun inkuraġġit, konsegwentement, l-użu biex ikunu esposti x-xbihat ta’ Marija fil-postijiet tal-kult u fil-bini l-ieħor, biex tkun tistà tinħass l-għajnuna fid-diffikultajiet u s-sejħa mill-ġdid għall-ħajja dejjem iktar qaddisa u fidila lejn Alla.

Biex jippromwovi l-użu rett tax-xbihat sagri, il-Konċilju Niċen ifakkar li ‘«l-qima mogħtija lix-xbihat, fir-realtà tappartjeni lil dak li jkun irrapreżentat; u min iqim x-xbiha, iqim fir-realtà lil min fiha jkun riprodott».’

  • U inti, tħalli l-ikoni, is-santi jew l-istatwi, ifakkruk li ruħ waħda għandek u li l-bżonnijiet ta’ ruħek għandhom jiġu l-ewwel u qabel kollox fil-ħajja?
  • Timmedita ta’ spiss bl-użu ta’ ikoni, santi jew statwi, kemm ħabbna l-Mulej tant li sab bniedem bħalna u lejn l-aħħar ta’ ħajtu, bata biex ipatti għad-dnubiet tagħna l-bnedmin?
  • Tipprova tgħix fuq l-eżempju tal-Mulej, tal-Madonna u tal-Qaddisin li tagħhom tqim ix-xbihat?

Talba: O Mulej, bit-tagħlim u l-eżempju ta’ ħajtu, San Metodju wriena li l-iktar xogħol importanti f’ħajjitna hu li nieħdu ħsieb ruħna billi ninsġu ħajjitna f’għaqda kontinwa miegħek; agħtina, nitolbuk, għat-talb tiegħu għalina, li nużaw xbihat qaddisa bil-mod kif tixtieqna int, biex hekk naslu għal dik il-qdusija li trid tara fina. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/st-methodius.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-methodius-of-constantinople-506

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Methodios_I_of_Constantinople

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements