15 ta’ Ġunju: Santa Ġermana Cousin

“Is-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull mal-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù”. ~ Filippin 4:7

52.jpgSANTA ĠERMANA COUSIN
c. 1579 – 1601

Tagħrif: Missier Ġermana Laurent Cousin, kien ħaddiem fqir minn Pibracv, qrib Toulouse (Franza); ommha Marie Laroche mietet ftit wara t-twelid ta’ bintha. Ġermana twieldet b’diżabilità u marradija u idha l-leminija msawra ħażin u paralitika. Kienet tmur tirgħa n-nagħaġ f’Pibrac.

Missierha, li flok imħabba kellu aversjoni għaliha, reġa’ żżewweġ u din it-tieni mara tiegħu ukoll xejn ma kienet iġġibha lil Ġermana anzi kienet taħqarha u lanqas biss ma kienet tħalliha tersaq lejn uliedha, avolja kienet tħobbhom.

Kienet iġġagħalha torqod fl-istalla, jew taħt it-taraġ fuq gozz zkuk tad-dwieli. Skola ma kinetx taf, iżda Alla għanieha b’paċenzja soprannaturali u b’imħabba li biha kienet taqsam mat-tallaba l-bċejjeċ żgħar tal-ħobż li kienet taqla’.

Kienet dejjem bil-kuruna tar-Rużarju f’idejha; u titlob ’l Alla jħarsilha l-merħla sakemm kienet tmur tisma’ l-quddiesa ta’ kuljum. U Alla kien tassew iħarishomlha għax qatt ma sabet nagħġa waħda nieqsa minkejja l-għadd kbir ta’ lpup li kien hemm f’dawk l-inħawi.

Matul is-sigħat li kienet tgħaddi tirgħa n-nagħaġ hija tgħallmet tant ħwejjeġ fit-talb, li kienet kapaċi tiġbor t-tfal tar-raħal u tkellimhom fuq Alla.

Il-ġirien bil-mod il-mod għarfu l-qdusija tagħha u ftit qabel mewtha, li ġrat meta kellha 22 sena, il-familja tagħha bdiet tittrattaha tajjeb.

Il-ħafna mirakli li saru fuq qabarha taw bidu għall-proċessjoni kull sena lejn il-knisja ta’ Pibrac.

Ħsieb: Nistgħu kważi ngħidu li fil-ħajja ta’ Ġermana Cousin, l-istorja ta’ Cindirella tieħu l-ħajja … ma tibqax leġġenda! Din it-tifla msejkna li spiċċat waħeda bla ħadd iħobbha anzi jimmaltrattawha, skopriet li fil-fatt kien hemm xi Ħadd li qatt ma telaqha waħeda. Dan hu l-Mulej, li kien jieħu ħsiebha u anki tal-merħla tagħha sakemm tieħu sehem fil-quddies. Għexet miegħu u għaliH. Tkelmet u fetħet qalbha miegħU. Hu għallimha taħfer u tiskuża. Hu kabbarha fil-paċenzja. Hu għamilha qaddisa. Hu wassalha biex taħsad frott it-tbatija li ġarbet hawn, fis-Sema pajjiżha fejn ħejjielha l-prempju tal-ġusti. Kemm għandha raġun Santa Tereża ta’ Avila tgħid: “Min għandu l’Alla, ma jonqsu xejn. Alla waħdu kollox.”

  • X’post għandu Alla fil-qalb u fil-ħajja tiegħek?
  • Kemm tfittex li tkun miegħu fit-talb ħalli ssir tafu iżjed?
  • Qed tħallieH ikabbrek fis-sabar u l-paċenzja int u tgħaddi minn kull xorta ta’ tbatija f’dan il-wied tad-dmugħ?

Ġesu’ jixtieq ikun l-aqwa Ħabib tiegħek. Ħbiberija bħal din hi bbażata fuq l-imħabba t’Alla għalina u l-fidi tagħna fih u f’Ibnu. Ġesù stqarr: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kull min jemmen fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Hemm ħafna eżempji taʼ dawk li kellhom relazzjoni mill-qrib ma’ Ġesu’.

Il-ħbiberiji jsiru iktar profondi meta teżisti komunikazzjoni tajba. Illum, in-nies il-ħin kollu jużaw l-Internet u jibagħtu messaġġi bil-mowbajl. Imma dan kif jitqabbel mal-komunikazzjoni tagħna mal-aqwa Ħabib tagħna, Ġesu’? Tgħiduli bit-talb. Imma kemm spiss nieħdu l-inizjattiva biex nitkellmu miegħu u nikkonsultawh fit-talb?

X’jistaʼ jgħinna jekk insibuha diffiċli biex niftħu qlubna maʼ Missierna tas-sema?

Santa Ġermana Cousin ma sabitiex diffiċli tiftaħ qalbha ma’ Ġesu’ u tirċievi l-faraġ minn għandu. Xi drabi imma, issib nies li għalihom mhux faċli li jiftħu qlubhom u jesprimu l-emozzjonijiet profondi tagħhom. Madankollu, dak hu li jridna nagħmlu Ġesu’ fit-talb. (ara Salm 119:145; Lamentazjonijiet 3:41) Anki jekk insibu li espressjonijiet mill-qalb bħal dawn ikunu diffiċli biex nesprimuhom bil-kliem, m’aħniex mingħajr għajnuna. Pawlu kiteb lill-Insara f’Ruma: “Il-problema hi li ma nafux għalxiex għandna nitolbu kif hemm bżonn li nagħmlu, imma l-ispirtu nnifsu jitlob bil-ħniena għalina bi krib li ma jitlissinx. Iżda dak li jfittex fil-qlub jaf x’inhi t-tifsira tal-ispirtu, għax dan qed jitlob bil-ħniena f’armonija m’Alla għall-qaddisin.” (Rumuni 8:26-27) Il-meditazzjoni fuq il-kliem tal-Kotba Mqaddsa bħal Ġob, Salmi, u Proverbji u oħrajn jgħinuna nesprimu s-sentimenti l-iktar ġewwinin tagħna lejn Ġesu’.

Il-Mulej għandu kliem taʼ faraġ għalina? Pawlu f’Filippin 4:6-9, jgħidilna:

“Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù. Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu l-ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu. U Alla tas-sliem ikun magħkom”.

Komunikazzjoni bil-miftuħ bħal din mal-aqwa Ħabib tagħna żgur li tfarraġna u tikkonslana. Jalla dejjem ngħożżu l-paċi t’Alla li ma titqabbel maʼ xejn u li tassew tgħasses lil qlubna u l-qawwa mentali tagħna.

It-talb kif isaħħaħ il-ħbiberija tagħna m’Alla?

It-talb jgħinna nikkultivaw ħbiberija maʼ Ġesu’. Għalhekk, ejjew ‘nitolbu bla waqfien.’ (1 Tessalonikin 5:17) Jalla int ukoll bħal Santa Ġermana Cousin, issaħħaħ ir-relazzjoni prezzjuża tiegħek ma’ Ġesu’ u qatt ma tnaqqas mid-determinazzjoni tiegħek biex iġġib lil ħajtek fi qbil ma’ dak li jrid minnek Hu. U tinsa qatt twarrab ħin ta’ kwalita’ biex fih  timmedita fuq il-barkiet li tgawdi għax il-Mulej hu verament Missierna, u l-Ħabib tagħna.

Talba: O Mulej, Alla tagħna u l-akbar Ħabib, Int sabbart lil Santa Ġermana Cousin fin-niket tagħha hekk li hija sabet Fik l-għejxien u t-tama waħdenija tagħha, agħmel li aħna wkoll infittxuk bl-istess ħerqa li fittxitek hi u naslu li nħobbuK anki meta għaddejja minn bosta provi li toffrilna din il-ħajja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/06/saint-germaine.html

Alternative Reading: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-germaine-cousin-497

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Germaine_Cousin

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements