18 ta’ Ġunju: San Girgor Barbarigo

Verżjoni Vidjo: San Girgor Barbarigo

“U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ‘l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.” – 1 Pietru 2:5.

St.-Gregeory-Barbaringo.jpgSAN GIRGOR BARBARIGO
1625 – 1697

Tagħrif: Dan il-qaddis kien qarib tal-Venerabbli Marcantonio Barbarigo, kardinal u Isqof ta’ Montefiascone u twieled f’Venezja minn familja nobbli.

Studja f’Padova u daħal fis-servizz diplomatiku. Meta kien Munster, bħala segretarju tar-rappreżentant tar-repubblika Venezjana, iltaqa’ mal-legat tal-papa Fabio Chigi, li inkuraġġih biex isir qassis. Kien ordnat qassis f’Venezja f’Diċembru, 1655.

Sadattant Fabio Chigi (li qabel kien Inkwiżitur Malti u li kien ġie kkonsagrat Isqof fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta) kien intgħażel Papa bl-isem ta’ Alessandru VII. Dan il-Papa sejjaħ lil Girgor Barbarigo Ruma bħala refendarju taż-żewġ tribunali supremi tas-Santa Sede (Signature) u għamluh prelat domestiku.

Meta kien Ruma l-qaddis wera dedikazzjoni erojka matul il-pesta. Ġie magħżul isqof ta’ Bergamo (1658), kardinal (1660) u fl-aħħar isqof ta’ Padova (1664).

Il-qaddis baqa’ msemmi għall-karità, irriforma s-seminarji taż-żewġ djoċesijiet li tagħhom kien Isqof, ħadem ħafna għall-għaqda tax-Xiżmatiċi tal-Lvant mal-Knisja Kattolika, u waqqaf stamperija fejn ħarġu kitbiet bil-Grieg, Ebrajk, Sirjan, Persjan u Slavoniku għall-Insara tal-Orjent, u għal dawk taħt il-Misilmin, u librerija mill-aqwa, tant li, minħabba speċjalment kemm wettaq tajjeb ir-riformi ordnati mill-Konċilju ta’ Trento, bdew isejħulu t-tieni San Karlu Borromeo (ara San Karlu Borromeo).

San Girgor Barbarigo miet fit-18 ta’ Ġunju, 1697, fl-għomor ta’ 72 sena. Il-Papa Ġwanni XXIII żammu bħala mudell speċjali matul iż-żmien li għadda fis-seminarju u fl-1960 tah “kanonizzazzjoni ekwivalenti” billi iddispensah mill-ħtieġa tas-soltu ta’ mirakli oħra barra dawk li kien hemm bżonn fil-proċess tal-beatifikazzjoni. Il-fdalijiet tiegħu jinsabu meqjuma fil-Katidral ta’ Padova.

Ħsieb: Mhux ta’ b’xejn li lil San Girgor Barbarigo kienu jsejħulu t-tieni San Karlu Borromeo. Bħalu ħadem u stinka b’għaqal u għerf kbir u bl-għajnuna ta’ Alla kien strumentali ħafna għall-Knisja fi żminijietu. Kemm-il darba nisimgħu min jikkritika u juri ċertu dissens fil-Knisja. Dan ħafna drabi ma jkunx ġej minn diskussjoni għaqlija (bħal filkaż ta’ kummissjonijiet pastorali, sinodi, laqgħat ta’ evalwazzjoni eċċ.) imma jkun ġej minn sens ta’ suppervja għaliex l-iskop huwa ta’ ħsara. Fil-Knisja llum, neħtieġu nies bħal San Girgor Barbarigo, nies li minflok jikkritikaw kulma jsir min naħa tal-Knisja, jagħrfu jsaħħuha, jirriformaw fejn meħtieġ u jibnuha minflok iħottuha!

F’omelija tiegħu, waqt quddiesa mal-Kardinali fil-Kappella Sistina nhar il-Ħamis, 14 ta’ Marzu, 2013, il-Papa Franġisku, spjega kif fil-Knisja, wieħed jeħtieġ li jimxi, jibni u jistqarr. Ifissirha b’dan il-mod:

Mixja: ‘Ejja, dar ta’ Ġakobb, ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej!’ (Isaija 2:5) Din hija l-ewwel ħaġa li Alla qal lil Abram: ‘Imxi quddiemi u kun perfett.’ (Ġenesi 17:1-2). Mixja: Ħajjitna hija mixja u meta nieqfu, hemm xi ħaġa ħażina. Nimxu dejjem fil-preżenza tal-Mulej, fid-dawl tal-Mulej, waqt li nfittxu li ngħixu bla ħtija kif Alla talab lil Abram, fil-wegħda tiegħu.

Nibnu: Nibnu il-Knisja. Jissemma l-ġebel. Il-ġebel sod; imma ġebel ħaj, ġebel midluk mill-Ispirtu s-Santu. Li nibnu l-Knisja, l-Għarusa ta’ Kristu, fuq dik il-ġebla tax-xewka, li huwa l-Mulej stess. Dan huwa moviment ieħor f’ħajjitna: li nibnu.

Nistqarru: Aħna nistgħu nimxu kemm irridu, aħna nistgħu nibnu tant ħwejjeġ, imma jekk ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, hemm xi ħaġa ħażina. Insiru bħal organizzazzjoni ta’ assistenza non-governattiva (NGO), imma mhux Knisja, Għarusa tal-Mulej. Meta ma timxix, tieqaf. Meta ma tibnix fuq il-ġebel, x’jiġri? Jiġri dak lil jiġri lit-tfal f’xatt meta jagħmlu binjiet bir-ramel, jaqa’ kollox, għax m’hemmx sodizza. Meta ma tistqarrx lil Ġesù Kristu, jiġini f’moħħi dak li qal Léon Bloy: ‘Min ma jitlobx lill-Mulej, jitlob lix-xitan.’ Meta ma nistqarrux lil Ġesù Kristu, nistqarru l-mundanità tax-xitan, il-mundanità tad-demonju.

Timxi, tibni u tistqarr. Imma dan mhux daqshekk faċli, għaliex fil-mixi, fil-bini, fl-istqarrija, kultant hemm l-iskossi. Hemm movimenti li ma jmexxukx ‘il quddiem, imma jitfgħuk lura.

Fil-Evanġelju, dak l-istess Pietru li stqarr lil Ġesù Kristu, jgħidlu: ‘Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla ħaj.’ Jiena nimxi warajk, imma ma nitkellmux dwar Salib. Dan ma jidħolx. Nimxi warajk b’possibiltajiet oħra, imma bla Salib. Meta nimxu bla Salib, meta nibnu bla Salib, u meta nistqarru lil Kristu bla Salib, m’aħniex dixxipli tal-Mulej: aħna tad-dinja, aħna Isqfijiet, aħna Qassisin, aħna Kardinali, aħna Papiet, imma mhux dixxipli tal-Mulej.

Jiena nixtieq li lkoll ikollna l-kuraġġ, propju l-kuraġġ li nimxu fil-preżenza tal-Mulej, bis-Salib tal-Mulej; li nibnu l-Knisja bid-demm tal-Mulej li huwa mxerred fuq is-Salib; u li nistqarru l-unika glorja: Kristu Msallab. Huwa b’dan il-mod li l-Knisja timxi ‘l quddiem.”

  • U int, titlob li l-Mulej jagħtik il-grazzja: li timxi, tibni, u tistqarr lil Ġesù Kristu Msallab tul il-vjaġġ tal-ħajja tiegħek hekk kif għamel San Girgor Barbarigo?

Talba: Ħares, Mulej, fil-poplu tiegħek dak l-ispirtu li bih imlejt lil San Girgor Barbarigo, ħalli l-Knisja tiegħek tiġġedded bla heda u tkun xbieha ta’ Kristu biex tista’ turih lid-dinja. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://catholicsaints.info/saint-gregory-barbarigo/

Alternative Reading: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=188

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Gregorio_Barbarigo

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements