19 ta’ Ġunju: San Romwaldu

“Jekk il-poplu tiegħi, li fuqu jissejjaħ ismi, jumilja ruħu u jitlob u jfittex lil wiċċi, u jerġgħu lura mit-triq il-ħażina, jien nismagħhom mis-sema, u naħfrilhom dnubiethom u nfejjqilhom ‘l arthom”. ~ Il-Mulej f’2Kronaki 7:14.

Guercino_san_Romualdo_big.jpgSAN ROMWALDU
Abbati
950 – 1027

Tagħrif: San Romwaldu twieled f’Ravenna, l-Italja, fis-sena 950, għand familja nobbli.

Meta kellu għoxrin sena ra lil missieru joqtol fi dwell lil wieħed raġel li kien jiġi minnu fuq kwistjoni ta’ propjeta’. Dan id-delitt daħħlu f’qoxortu, u baqa’ sakemm telaq mid-dar u daħal fil-monasteru “San Appollinare” tal-Benedittini fi Classe, qrib Ravenna.

Tliet snin wara ħalla dan il-monasteru u mar jgħix ħajja iktar iebsa, u sar eremita.

Madwar għaxar snin wara, ġie maħtur Abbati tal-monasteru San Appollinare.

Sadanittant, missieru kien sar patri, u issa San Romwaldu kien jiggwidah fil-ħajja spiritwali.

Fis-sena 990, San Romwaldu mar l-Ungerija bħala missjunarju, iżda billi marad kellu jirritorna f’qasir żmien.

Għadda l-kumplament ta’ ħajtu jiġri minn post għal ieħor isaħħaħ il-monasteri u l-eremitaġġi u jwaqqaf oħrajn ġodda.

Fl-1012 kien f’Toscana meta ddobba biċċa art minn għand ċertu wieħed jismu Maldolu. Fuq din il-biċċa art, li semmewha Camaldoli (Camp Maldoli – l-Għalqa ta’ Maldoli), San Romwaldu bena monasteru u fih beda l-Ordni tiegħu li ġie msejjaħ l-Ordni tal-Kamaldoleżi.

Fl-1027 mar jgħix fil-monsateru ta’ Val di Castro, fejn fid-19 ta’ Ġunju miet waħdu fiċ-ċella kif kien ħabbar snin qabel meta kien qed iżur dak il-monasteru.

Ħsieb: Romwaldu kien ġej minn familja dukali ta’ Ravenna. Minkejja li kien iħoss ġo fih xewqa għal ħajja qaddisa, iż-żgħożija tiegħu kienet moħlija fis-servizz tad-dinja u l-pjaċiri tagħha. Romwaldu, biex ipatti għad-delitt ta’ missieru, qatagħha li jidħol fl-abbazija ta’ Sant’Apollinare in Classe, f’Ravenna. Kellu dik il-ħabta 20 sena.

Wara biss tliet snin qala’ l-permess biex jgħix ħajja aktar solitarja, u malajr beda l-karriera tiegħu bħala riformatur tal-eremiti, iwaqqaf eremitaġġi u monasteri fl-Italja. Kullimkien kien iħeġġeġ għat-talb kontemplattiv bil-formula:

  • solitudni
  • silenzju
  • sawm.

Kien jagħti ħafna pariri sodi, ikkompona Kummentarju fuq is-Salmi u kien iħabbar ukoll il-ġejjieni. Imxennaq li jippriedka u jieħu l-martirju kiseb ukoll il-permess tal-papa li jmur ixandar il-vanġelu fl-Ungerija, imma kellu jirritorna minħabba saħħtu.

Erba’ snin qabel mewtu waqqaf l-eremitaġġi ta’ Camaldoli qrib Arezzo, fuq il-muntanji tat-Toskana, għoljin 3,200 pied. Magħqud ma’ dawn, għalkemm imbiegħed xi żewġ mili u elf pied inqas għoli, kien hemm monasteru taċ-ċenobiti, li kien iħarreġ in-novizzi, jieħu ħsieb il-morda, ix-xjuħ u l-mistednin u jmexxi l-affarijiet finanzjarji u legali. Ir-regola tal-Kamaldoliżi hi mibnija fuq dik ta’ San Benedittu modifikata, tgħaqqad fiha l-ħajja ċenobitika u eremitika.

U aħna kemm nagħtu importanza lis-silenzju fil-ħajja storbjuża tagħna? Papa Franġisku (21, ta’ Ottubru, 2016) jgħid li: “Bi sfortuna, illum l-għaġla u l-ħeffa li tiġi mill-bumbardament tal-istimoli li jdawruna, mhux dejjem iħallu lok għas-silenzju interjuri li fih tidwi s-sejħa tal-Mulej. Kultant jista’ jiġri li ngħaddu minn dar-riskju anki fil-komunitajiet tagħna: rgħajja u operaturi pastorali mgħaġġlin, ippreokkupati żżejjed b’dak li għandhom x’jagħmlu, li jirriskjaw li jaqgħu fl-attiviżmu organiżżattiv vojt”.

Illum in-nies għandhom bżonn minn jiggwidahom u jgħejnhom isibu dak li qegħdin ifittxu – li ħafna drabi lanqas huma stess ma jafu eżatt x’ikunu qed ifittxu. Għandhom bżonn minn jgħejnhom joħolqu u jsibu spazju għas-silenzju interjuri. Huwa f’dan is-silenzju, kif ġara fil-ħajja ta’ San Romwaldu li fittex silenzju dejjem akbar, li jistgħu jisimgħu l-vuċi ħelwa tal-Mulej.

Jekk tassew noħolqu dan l-ispazju u dan is-silenzju nistgħu nisimgħu aħna wkoll il-vuċi ġentili tal-Mulej, li hi l-vuċi tal-Verita’. Nafu li l-Verita’ m’għandix bżonn tkun storbjuża għax fiha nnifisha hi qawwija biżżejjed hekk li ħadd ma jista’ jmeriha jew jibdilha. Jekk tassew nagħrfu din il-vuċi u din il-Verita’ u ngħixu skont ma’ din tgħallem, inkunu mbagħad f’sintonija ma’ Alla, allura aħna wkoll insiru irġiel u nisa ta’ Paċi bħal ma kienu San Romwaldu u l-qaddisin kollha.

Ħafna drabi, iżda, jiġri li aħna wisq b’moħħna mifrux, stressati, nervużi, għejjiena u bla saħħa, jonqsuna mhux biss il-paċi, is-serenita’ u l-armonija, imma wkoll il-ħeġġa u l-ħajra li nkomplu ngħixu. Id-dwejjaq u l-malinkonija jsiru qieshom l-kumpanji ta’ ħajjitna. Mill-ħajja tagħna donnhom jisparixxu l-kuluri u kollox jibda jidher griż jew iswed! Dan jiġri għax ma nkunux f’sintonija mar-rieda tal-Mulej. U jekk inhu hekk, bilfors li nħossuna għajjiena! Bir-raġun kollu li nħossuna bla saħħa!

Hawn is-sigriet. Jekk irridu li jkollna il-paċi f’qalbna rridu bħal San Romwaldu nissintonizzaw ma’ dak li jixtieqna nagħmlu l-Mulej, irridu nagħmlu dak li Hu jrid minna. Irridu niskopru r-rieda tiegħu personalizzata u biex niskopru dan, jeħtieġilna naħdmu għas-silenzju tal-qalb.

Talba: O Alla, int xettilt mill-ġdid fil-Knisja tiegħek il-ħajja ta’ l-eremiti permezz ta’ San Romwaldu, abbati; agħmel li aħna niċħdu lilna nfusna u nimxu wara Kristu, biex naslu fil-hena ta’ dejjem. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-romuald-510

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-romuald/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Romuald

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements