22 ta’ Ġunju: Madonna ta’ Pinu

“Għid tlett Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġismi dam fil-qabar”. ~ Il-leħen ġej mill-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu li semgħet Karmni Grima.

background.pngMadonna ta’ Pinu

Tagħrif: Illum f’Għawdex, fil-Bażilka tal-Madonna ta’ Pinu ssir it-tifkira ta’ meta l-Verġni Mbierka kellmet lit-twajba Karmena Grima fl-1883.

Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu jinsab fil-Punent ta’ Għawdex ftit qabel ma tidħol fir-raħal tal-Għarb. F’dan il-post sa minn qabel l-1545 kien hemm kappella li ġiet profonata fl-1575. Iżda wara 1615 Pinu Gauci għen biex terġa’ tiġi msewwija u fl-1619 irregala t-titular li hemm illum, jiġifieri l-Madonna mtellgħa s-Sema, xogħol tal-pittur Amadeo Perugino. Minn dan il-benefattur ġej l-isem “Ta’ Pinu”.

Fl-1663 il-kappella reġgħet ġiet ipprofonata għal ftit taż-żmien iżda reġgħet ġiet għan-normal permezz tal-għajnuna tal-benefatturi u minn dak iż-żmien baqgħet teżisti bħala kappella komuni sakemm fit-22 ta’ Ġunju 1883, Karmni Grima (ara Karmni Grima) semgħet leħen ġej mill-kwadru li qalilha: “Għid tlett Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġismi dam fil-qabar”.

Wara li seħħ fejqan mirakuluż ta’ mara wara talb lill-Madonna taħt dan it-titlu, kulħadd sar jaf li Karmni Grima kellmitha l-Madonna u hekk bdew il-pellegrinaġġi.

Għall-ewwel l-awtorijiet tal-Knisja mxew bi prudenza kbira u l-ewwel ġebla tas-Santwarju preżenti ġiet mbierka fit-30 ta’ Mejju 1920. Ġiet ikkonsagrata fit-13 ta’ Diċembru 1931 u l-kwadru tagħha ġie inkurunat fis-19 ta Ġunju 1935.

Fis-26 ta’ Mejju 1990 San Ġwanni Pawlu II żejjen ix-xbieha tal-Madonna b’kuruna ta’ stilel.

Il-Papa Benedittu XVI, waqt il-quddiesa ta’ fuq il-fosos tal-Furjana, nhar it-18 t’April, 2010, irregala lill-Madonna ta’ Pinu l-Warda tad-Deheb.

ĦsiebNhar is-Sibt 10 ta’ Mejju 2008, Mons Isqof Mario Grech mexxa l-Velja ta’ talb ta’ Pentekoste li saret fis-Santwarju Madonna ta’ Pinu, u waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija qal dan id-diskors fl-omelija:

“Il-lejla qegħdin f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu. Għażilna li niġu hawn din is-sena għaliex qegħdin niċċelebraw il-mija u ħamsa u għoxrin anniversarju minn meta Karmni Grima ħasset dik il-vuċi ssejħilha mill-Kwadru, u tgħidilha, ‘Ejja’. Il-lejla jien inħossni qiegħed fiċ-ċenaklu flimkien ma’ l-appostli mdawrin ma’ Marija. U dan bix-xieraq. Għaliex kif Marija kienet preżenti għall-magħmudija ta’ l-appostli dakinhar ta’ Għid il-Ħamsin permezz ta’ l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuqhom u fuq il-Knisja, hekk il-lejla qalbna timtela bil-ferħ u l-qawwa, mhux biss għax nemmnu fl-Ispirtu s-Santu imma wkoll għax nemmnu fil-qawwa materna ta’ Marija.

Din l-omm ippreparat lid-dixxipli bil-kelma li hija rċeviet mingħand Kristu. Min jaf kemm-il darba Marija qalet lil appostli, ‘Ejja’, bħalma qalet lil Karmni Grima u bħalma tgħid lilna llum: “Ejjew f’dan is-santwarju ħalli nkun jien li ngħinkom tieħdu l-ħajja mill-għajn tal-ħajja li hija l-magħmudija”. Kien wara din il-preparazzjoni u wara din il-magħmudija bl-inżul tal-Ispirtu s-Santu li l-appostli u l-aħwa minn nies mejta saru nies mimlijin enerġija u entużjażmu apostoliku u ħarġu fil-belt ta’ Ġerusalemm”.

U dan x’qal il-Papa Benedittu XVI, 15 t’Awwissu, 2012:

“Is-Solennità ta’ Marija Mtellgħa s-Sema hija stedina biex infaħħru l’Alla, u biex nitfgħu ħarsitna fuq il-kobor tal-Omm tagħna, għaliex insiru nafu min hu Alla mill-uċuħ ta’ dawk li huma Tiegħu.

Għaliex Marija hija glorifikata bit-Tlugħ tagħha fis-Sema? San Luqa jara l-għeruq tal-eżaltazzjoni u tifħir ta’ Marija fil-kliem ta’ Eliżabetta: “Ħienja dik li emmnet…” (Luqa1:45). U l-Manifikat, dan il-kantiku lil Alla, attiv u ħaj fl-istorja, huwa innu ta’ Fidi u mħabba, li jnixxi mill-qalb tal-Verġni Marija”.

Imbagħad, nhar l-Erbgħa 22 ta’ Ġunju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tiegħu f’quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni tat-Tifkira tas-sejħa tal-Madonna lil Karmni Grima, fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Għawdex, qal hekk:

“Il‑Madonna ta’ Pinu nisslet kelma, il‑leħen ħelu tagħha stedinna biex nersqu lejha: “ejja”. Din hija stedina biex nimxu warajha u nsegwu lil binha Ġesù. Se tgħaddina wkoll mit‑tieġ ta’ Kana tal‑Galilija imma minnha wkoll tgħaddina fit‑toroq ta’ Kafarnaum sal‑għolja tal‑Golgota.

Il‑Madonna sseħibna u tgħidilna ‘ejja’ anke fit‑toroq tas‑slaleb tagħna. Qiegħda magħna, imma ssejħilna wkoll biex ħarsitna tissammar fiha, glorjuża, fil‑misteru tat‑tlugħ tagħha fis‑sema.

Il‑privileġġ li kien taha lil ommu, li hi dduq il‑glorja tal‑qawmien mill‑imwiet, hu għalina l‑ikbar ħniena. Sidtna Marija mtellgħa s‑sema hija konferma għalina, li dak li l‑Mulej għamel f’ibnu u fl‑irxoxt tiegħu, hu kapaċi jagħmlu magħna, u se jagħmlu ma’ kull wieħed u waħda minna; beda minn ommu biex aħna nindunaw li din hija opra tal‑ħniena, opra ta’ mħabba, u li aħna wkoll se jkollna sehem minn din il‑glorja, bil‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien.

Jalla l‑ħniena tal‑Mulej permezz tal‑indiema tagħna, permezz tal‑wasla tagħna għas‑Sagrament tal‑Qrar, permezz tal‑opri tal‑ħniena li aħna nużaw ma’ xulxin, jalla din il‑ħniena wkoll tinfirex fi żmienna biex hekk tassew il‑ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien”.

Talba: O Verġni Mqaddsa Omm Alla Marija, mgħollija s-sema bir-ruħ u l-ġisem, li permezz ta’ Karmni Grima għażilt dan il-post biex minnu xxerred xita ta’ grazzji fuq min jitlob l-għajnuna tiegħek, agħti, nitolbok, ħarsa ta’ ħniena fuq id-dinja mqallba u mbeżżgħa, biex kif int ħlist mill-hemm lill-għarajjes ta’ Kana, hekk ukoll teħles lill-umanità minn kull periklu tar-ruħ u tal-ġisem.

Agħmel li l-bnedmin kollha jħobbu lil xulxin bi mħabba ta’ aħwa. Ħares ukoll, Omm l-aktar ħanina, il-familji tagħna, li minnhom tissawwar is-soċjetà umana, biex jgħixu ħajja onesta, hienja u qaddisa fl-għaqda dejjiema taż-żwieġ.

Imma fuq kollox, nitolbok, ħenn għalija li qed inbati taħt it-toqol tas-salib. Jekk mhux ta’ deni għal ruħi, agħmel li (semmi l-grazzja li tixtieq taqla’) … Iżda jekk hija r-rieda tal-Mulej li jiena ma naqlax il-grazzja li qed nitolbok, agħtini l-qawwa li nerfa’ din it-tbatija u ngħaqqadha mas-salib ta’ Ibnek Ġesù.

Omm tiegħi Marija, għinni biex bħalek, b’ħarsti kollha lejn Alla, naċċetta bil-qalb ir-rieda tiegħu, u miegħek nistqarr: “Ħa jsir minni skont kelmtek”. O Madonna Ta’ Pinu, żommni taħt il-ħarsa materna tiegħek biex niżgura ruħi li s-sabar ta’ din il-ħajja jwassalni għall-hena tal-ħajja ta’ dejjem, fis-sema pajjiżna. (Talba lill-Madonna Ta’ Pinu)

Riżorsi dwar il-Madonna ta’ Pinu: http://www.laikos.org/mtp.htm

English Version: https://www.baronholidayhomes.com/ta-pinu-a-tale-of-miracles-and-pilgrims-on-gozo/

Alternative Reading: https://www.worldpriest.com/shrine-blessed-virgin-mary-ta-pinu-gozo-malta/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ta%27_Pinu

Wikipedia on Carmni Grima: https://en.wikipedia.org/wiki/Karmni_Grima

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Għal aktar dwar il-Verġni Marija u d-Devozzjoni vera lejha, żur is-sit bil-Malti ddedikat għaliha billi tagħfas din il-link: https://ruzarji.wixsite.com/devozzjonilejnmarija

Nota: It-Tagħrif dwar din il-Festa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements