23 ta’ Ġunju: Santa Eteldreda

“Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?” ~ Ġesu’ f’Mattew 16:26.

Capture.PNGSANTA ETELDREDA
Badessa
?-679

Tagħrif: Eteldreda jew Audrey kienet bint ir-Reġina Anna ta’ East Anglia fl-Ingilterra u oħt it-tliet qaddisin Benedittini Etelburga, Seksburga u Witburga. Twieldet Suffolk u għad li laħqet reġina tan-Northumbria, u żżewġet darbtejn, baqgħet dejjem verġni.

Difatti saret hija wkoll Benedittina f’Coldingham, fejn irċeviet il-velu minn idejn Sant’Ebba, oħt San Oswald, re tan-Northumbria. Minn hemm però, marret Ely, fejn waqqfet il-monasteru, li tiegħu kienet l-ewwel Badessa.

Kellha direttur spiritwali lil San Wilfred, abbati ta’ Ripon u wara arċisqof ta’ York. Għexet ħajja tal-ikbar sempliċità, umiltà u qdusija u l-ferħ tagħha kien isofri għal Kristu.

Mietet fil-monasteru ta’ Ely fit-23 ta’ Ġunju 679 u l-ġisem tagħha baqa’ nkorrot għal żmien. Indifnet fil-Knisja tal-monasteru ta’ Ely, (illum katidral protestant), imma jdejha, li għadha sħiħa, tinsab meqjuma fil-knisja tagħha (Kattolika) ta’ Ely.

Insibu f’Londra knisja ddedikata lilha, li tinsab f’idejn il-Patrijiet Rosminjani u tissejjaħ l-eqdem knisja kattolika tal-Ingilterra, għax għad li ilha mibnija minn qabel l-ereżija Protestanta tinsab f’idejn il-Kattoliċi.

Eteldreda hi waħda mill-iktar qaddisin popolari Anglo-Sassoni, u ġiet imfaħħra minn San Beda Venerabbli. Tissejjaħ Reġina ta’ Northumbria għax it-tieni raġel li żżewġet kien ir-Re Egfrid ta’ dik is-saltna.

Ħsieb: Jgħidu li ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’ u li ‘bla flus, la tgħannaq u lanqas tbus’, imma jgħidu wkoll li ‘ħdejn il-paċi u l-kuntentizza tal-qalb, ma joqgħod xejn’.Nistgħu ngħidu li l-flus huma kollox, jew li min għandu l-flus hu l-aktar bniedem kuntent u li ma jonqsu xejn? Kristu jwissina: “Xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ruħu?” (Mattew 16:26) Il-paċi u s-serħan tal-moħħ u l-qalb, li jiġu biss minn Alla, huma b’xejn. Madanakollu, biex wieħed jakkwistahom, ma jridx ikollu qalbu mimlija b’xi ħaġa oħra li m’għandha l-ebda valur etern – bħall-flus! Dan Santa Eteldreda għarfitu sew u qalbha nħallet minn mal-ġid tan-nobbilta’ u ntrabtet ma’ Kristu, l-Għajn ta’ kull ġid. Poter u pożizzjoni kellha wkoll imma għażlet li tgħix għar-Re tar-rejiet li r-renju tiegħu jibqa’ għal dejjem.

  • Int u jien marbuta mal-flus jew ma’ Kristu? Qed ngħixu għar-Renju etern?

Fl-omelija tiegħu dwar il-poter u l-flus minn Dar Santa Marta (Il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru 2013), il-Papa Franġisku jgħid hekk:

“Hemm bżonn li noqogħdu attenti miċ-ċediment għat-tentazzjoni tal-adorazzjoni tal-flus. Dan ifisser li niddebolixxu l-fidi tagħna u hekk nissugraw li naċċettaw l-qerq ta’ xewqat bla sens u perikolużi, tali li jwasslu l-bniedem fil-punt li jifga fir-rovina u fit-telfien.  

Ġesù fil-Vanġelu, qalilna bl-iktar mod ċar u definittiv li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus. Hemm xi ħaġa li mhix f’postha bejn dawn it-tnejn. Hemm xi ħaġa fl-atteġġjament tal-imħabba lejn il-flus li tbegħedna minn Alla. Fl-ewwel ittra ta’ San Pawl lil Timotju (6:2-12), insibu: “dawk li jridu jsiru sinjuri jaqgħu fit-tentazzjoni tal-qerq ta’ bosta xewqat bla sens u perikolużi, li jġegħelu jifgaw l-bnedmin fir-rovina u fit-telfien.”

Ir-rebgħa nfatti hija l-għerq ta’ kull ħażen. Maħkuma minn din ix-xewqa, uħud iddevjaw mill-fidi u ġabu fuqhom bosta turmenti. Huwa hekk kbir il-poter tal-flus li jġiegħlek tiddevja mill-fidi pura. Ineħħulek il-fidi, idgħejfuha u inti titlifha. Jekk xi ħadd jgħallem b’mod differenti u ma jsegwix il-kliem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u d-duttrina li taqbel mal-vera reliġjożità huwa mogħmi mill-kburija, ma jifhem xejn u huwa fanatiku ta’ kwistjonijiet bla sens u diskussjonijiet inutli.

Imma San Pawl imur iktar minn hekk jikteb li huwa propju minn dan li jinbtu l-għira, il-ġlied, it-tqasqis, is-suspetti ħżiena, il-konflitti ta’ bnedmin korrotti fil-moħħ, u neqsin mill-verità li jikkonsidraw ir-reliġjon bħala fonti ta’ qligħ. Il-flus jġiegħluk tiżloq bil-mod il-mod fit-telfien tiegħek. U għal dan Ġesù huwa tant deċiż: ma tistax taqdi lil Alla u lill-flus, ma tistax: jew il-wieħed jew lill-ieħor. U dan mhux komuniżmu, dan huwa l-Vanġelu pur. Dawn l-affarijiet huma kliem Ġesù.

X’jiġri mela bil-flus? Il-flus joffrulek ċertu ġid: tmur tajjeb, tħossok xi ftit importanti u mbagħad tidħol il-vanità. Il-flus hawn isiru idolu u int tadurahom. U minħabba f’hekk Ġesù jgħidilna: ma tistax taqdi l-idolu flus u lil Alla ħaj. Jew wieħed jew l-ieħor. L-ewwel Missirijiet tal-Knisja jgħidu kelma qawwija: il-flus huma d-demel tax-xitan. Huwa hekk, għaliex jagħmluna idolatri u jmarrdulna moħħna bil-kburija u jagħmluna fanatiċi ta’ kwistjonijiet għażżiena u jbegħduna mill-fidi. Jikkorrumpuna. L-Appostlu Pawlu mill-banda l-oħra jgħidilna biex inżommu mal-ġustizzja, mal-ħniena, mal-fidi, mal-karità, mas-sabar. Kontra l-vanità, kontra l-kburija tinħtieġ il-manswetudni.

Din hija t-triq ta’ Alla, mhux dik tal-poter idolatriku li jistgħu jtuna l-flus. Hija t-triq tal-umiltà ta’ Kristu Ġesù li għalkemm għani sar fqajjar biex jistagħna propju bil-faqar. Din hija t-triq biex naqdu lil Alla. U jalla l-Mulej jgħinna lkoll biex ma naqgħux fin-nassa tal-idolatrija tal-flus”.

U din hija t-triq li għażlet Santa Eteldreda u issa ssaltan għal dejjem mar-Re u s-Sid li ma jqarraqx bina. Int miexi warajH?

Talba: Bl-interċessjoni tiegħek, Santa Eteldreda, agħmel li aħna nagħrfu npoġġu l-valur tal-flus bħala dak li hu, dak li jgħinna ngħaddu hawn f’din l-art u ngħinu lil dawk li nieqsa mill-ħtiġijiet tal-ħajja. J’Alla fuq l-eżempju sabiħ tiegħek, qalbna tintrabat dejjem iżjed ma’ Alla u mhux mal-ġid li jgħaddi. Ammen.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-etheldreda-280

Alternative Reading: https://www.marypages.com/etheldreda-en.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/%C3%86thelthryth

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements