24 ta’ Ġunju: It-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista

Verżjoni Vidjo: It-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista

“Eliżabetta tat iben lil Żakkarija: Ġwanni l-Battista, ir-raġel kbir u prekursur tal-Mulej.” – Antifona mil-Liturġija tas-Sigħat tas-Solennità tat-Twelid ta’ San Ġwann il-Battista.

John-the-Baptist-212x300.jpgIS-SOLENNITA’ TAT-TWELID TA’ SAN ĠWANN IL-BATTISTA

Tagħrif: Is-soltu l-Knisja tagħmel il-festa tal-Qaddis fil-jum tal-mewt tiegħu. Illum, qed tagħmel eċċezzjoni għax qed tiċċelebra l-festa ta’ San Ġwann il-Battista fil-jum tat-twelid tiegħu, “għax hu jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu.” (Luqa 1:15)

Missieru kien Żakkarija, qassis mit-tribù ta’ Aronne u mill-ordni ta’ Abija, u ommu kien jisimha Eliżabetta, ukoll mit-tribù ta’ Aronne.

Ġara li Żakkarija kien fit-tempju meta deherlu l-Arkanġlu Gabrijel u qallu li martu, li kienet imdaħħla fiż-żmien, kien se jkollha tarbija. Żakkarija ddubita, u tbikkem u baqa’ mbikkem sat-twelid ta’ ibnu.

Ftit taż-żmien wara, l-istess Arkanġlu deher lill-Madonna u ħabbrilha li hi kellha ssir omm il-Messija, u nfurmaha wkoll li Eliżabetta kien ser ikollha tarbija sitt xhur qabilha.

Min jaf kemm ferħet il-Madonna b’din l-aħbar! Fil-fatt ħalliet kollox u marret tħaffef biex tgħin u ddur bil-kuġina tagħha sakemm welldet, u forsi wkoll sa wara ċ-ċirkonċiżjoni tat-tarbija.

Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tifel qabeż fil-ġuf tagħha u ġie mnaddaf mid-dnub. Imbagħad, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu, kienet l-ewwel waħda li sellmet lil Marija bħala Omm il-Mulej. Bi tweġiba l-Madonna nfexxet tfaħħar ’l Alla bil-“Magnificat”. (Luqa 1:46)

Meta t-tarbija twieldet inħall ilsien Żakkarija li tenna kliem ta’ tifħir ’l Alla, il-“Benedictus.” (Luqa 1:57)

Sakemm kellu tletin sena San Ġwann għex ħajtu fid-deżert. Imbagħad beda l-missjoni li għaliha kien mibgħut fid-dinja billi kien jinsisti man-nies biex jindmu għall-maħfra tad-dnubiet. “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ‘Wittu triq il-Mulej’.”(Ġwanni 1:23)

Ġwanni kien ikun ħdejn ix-xmara Ġordan jgħammed, u meta darba waħda ra ’l Ġesù riesaq lejh, urieh lin-nies u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.” (Ġwanni 1:29)

Ġesù faħħru fuq li faħħru. Darba minnhom qal għalih: “Fost ulied in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista.” (Luqa 7:28)

Ġesù beda l-missjoni tiegħu billi ġie jitgħammed mingħand Ġwanni li meta għaraf lil Ġesù qal li “lanqas il-qorq Tiegħu ma kien jistħoqqlu jħoll” (Ġwanni 1:26) bil-kemm ried jgħammdu. Iktar tard, Ġwanni bl-umiltà tiegħu qal: “Jeħtieġ li jikber hu u niċkien jien.” (Ġwanni 3:30) Xi kummentaturi jinnutaw li wara l-24 ta’ Ġunju, id-dawl tax-xemx ta’ matul il-ġurnata jkun qed jonqos, waqt li wara l-25 ta’ Diċembru, ikun qed jiżdied.

San Ġwann temm ħajtu b’rasu maqtugħa mis-Sultan Erodi, għax kien ċanfru fuq ir-relazzjoni adultera li kien qed ikollu ma’ Erodja, il-mara ta’ ħuh.

Ħsieb: Santu Wistin ifisser kemm hu xieraq li f’din il-festa l-ġranet jibdew jiqsaru fil-waqt li sitt xhur wara, fit-twelid ta’ Kristu jibdew, jitwalu. Bħal-lum f’ħafna pajjiżi nsara kienu jsiru l-ħġejjeġ. F’Malta, il-Konkatedral fil-belt Valletta hu ddedikat lil dan il-qaddis u fih issir il-festa ta’ twelidu b’solennità kbira. F’Għawdex ir-rotunda tax-Xewkija hi dedikata lil San Ġwann il-Battista. Sal-1947, il-festa ta’ llum kienet miżmuma bħala kmandata għal Malta.

Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin bit-titlu ‘Leħen jgħajjat fid-deżert: ‘

“Il-Knisja tagħti ġieħ lit-twelid ta’ Ġwanni u tiċċelebrah b’ċertu mod. Fost il-missirijiet tal-imgħoddi, ma hemm ħadd li niċċelebraw it-twelid tiegħu bis-solennità. Niċċelebraw it-twelid ta’ Ġwanni, u niċċelebraw it-twelid ta’ Kristu: dan ma jistax jonqos, u jekk forsi ma għandniex ħila nfissru tajjeb din il-ġrajja, tant hu kbir il-ġieħ li jistħoqqilha, ikun aktar ta’ ġid jekk naħsbu fuqha sewwa. Twieled Ġwanni minn xwejħa li ma setax ikollha tfal, u twieled Kristu minn xbejba verġni.

Il-missier ma emminx li kien se jitwilidlu Ġwanni, u lsienu żammlu; l-omm emmnet li kien se jitwildilha Kristu, u nisslitu bil-fidi. Jien diġà għedtilkom x’se naraw flimkien, diġà għedtilkom fuqiex se nitħaddtu; imma għedtilkom dan minn qabel, u jekk aħna la għandna ħila u lanqas żmien biżżejjed biex niflu misteru hekk kbir fl-irqaqat kollha tiegħu, ikun aħjar jekk jgħallimkom dak li jkellimkom ġewwa fikom, ukoll meta ma nkunux magħkom aħna, dak li fuqu taħsbu b’tjieba kbira, dak li lqajtu f’qalbkom, dak li sirtu tempju tiegħu.

Ġwanni qisu t-tarf bejn iż-żewġ testmenti, il-qadim u l-ġdid. Il-Mulej stess xehed għalih li hu qisu t-tarf, għax qal: ‘Il-liġi u l-profeti sa Ġwanni.’ Tah ġieħ bħala rappreżentant tal-ġejjieni. Bħala dak li qiegħed jidher għall-imgħoddi, twieled mix-xjuħ: bħala dak li jidher għall-ġejjieni, ixxandar bħala profeta sa minn ġuf ommu. Kien għadu ma twelidx: ġiet Marija, u qabeż bil-ferħ f’ġuf ommu. Intwera sa minn ġuf ommu, intwera sa minn qabel ma twieled; ixxandar bħala prekursur ta’ dak li kien għadu anqas biss rah b’għajnejh. Dawn huma misteri ta’ Alla; aħna l-bnedmin dgħajfa wisq biex nifhmuhom. Imbagħad twieled, tawh ismu, u lsien missieru nħall. Qis dawn il-ġrajjiet, u orbothom mat-tifsira tagħhom.

Żakkarija jiskot u ma jistax jitkellem; jitwieled Ġwanni, il-prekursur tal-Mulej, u jiftaħlu fommu. Xi jfisser dan is-skiet ta’ Żakkarija: Ifisser li l-profezija kienet għadha ma seħħitx, kienet għadha qisha moħbija u magħluqa sa ma jixxandar Kristu. Ġie Kristu, u l-għeluq tagħha nfetaħ; ma baqgħetx aktar moħbija meta wasal dak li kien ilu mħabbar. Il-ftuħ ta’ fomm Żakkarija fi twelid Ġwanni nistgħu nqabbluh mat-tiċrit tal-velu tat-tempju fil-mewt ta’ Kristu fuq is-salib. Kieku Ġwanni xandar lilu nnifsu, fomm Żakkarija ma kienx jinfetaħ. Dan il-fomm infetaħ għax il-leħen twieled; infatti Ġwanni, li ġa kien qiegħed ixandar il-Mulej, meta staqsewh ‘Int min int?’ wieġeb: ‘Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert. ‘Ġwanni ma kienx ħlief leħen iżda l-Mulej fil-bidu kien il-Verb, il-Kelma. Ġwanni kien il-leħen għal ftit taż-żmien, Kristu l-Kelma li kienet ġa eterna fil-bidu.”

Din li ġejja hija meditazzjoni fuq San Ġwann minn San Franġisk de Sales:

“Irrid nurikom xemx li ddiet dawl l-aktar qawwi, ruħ li kienet tabilħaqq ħielsa u maqtugħa minn kollox, mgħannqa biss mar-rieda ta’ Alla. Ta’ spiss kont naħseb fuq liema hu mill-qaddisin kollha, l-aktar mortifikat, u wara riflessjoni twila wasalt għall-konklużjoni li kien San Ġwann il-Battista. Huwa mar fid-deżert meta kellu biss ħames snin u kien jaf li s-Salvatur kien ġà ġie fid-dinja, u kien qed jgħix fil-qrib, bejn wieħed u ieħor vjaġġ ta’ ġurnata jew tnejn. Kemm kienet imqanqla qalbu bl-imħabba tas-Salvatur tiegħu, mill-mument li kien f’ġuf ommu u xtaq jifraħ bil-preżenza tiegħu! Madanakollu jgħaddi ħamsa u għoxrin sena mingħajr ma jara lill-Mulej. Jgħallem u jistenna lill-Mulej jiġi għandu.”

Talba: Mulej, Int, bil-kelma u l-eżempju tal-Battista, urejtna t-triq tal-indiema: rattbilna qalbna u reġġagħna lura lejn il-kmandamenti tas-saltna tiegħek. (Mill-Brevjar – Preċi ta’ Sbiħ il-Jum)

Agħtina, o Alla li tista’ kollox, li nimxu fit-triq tas-salvazzjoni skont it-twissijiet ta’ San Ġwann il-Battista li ħejja t-triq għall-Mulej, biex hekk naslu żgur għand dak li kien imħabbar minnu: Ibnek Ġesù Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.franciscanmedia.org/solemnity-of-the-nativity-of-saint-john-the-baptist/

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/scripture-speaks-nativity-john-baptist

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Nativity_of_Saint_John_the_Baptist

Nota: It-Tagħrif dwar din is-Solennita’ tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.