28 ta’ Ġunju: San Irinew

Verżjoni Vidjo: San Irinew

“Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ’l Alla u tithenna bi tjubitu.” – San Irinew

SOD-0628-SaintIrenaeus-790x480.jpgSAN IRINEW
Isqof u Martri
130 – 202

Tagħrif: San Irinew wieħed mill-akbar teoloġi tat-tieni seklu, twieled fi Smirna, fil-Friġja (illum Ismir fit-Turkija) fis-sena 130. Hu kellu l-privileġġ li jkun dixxiplu ta’ San Polikarpu li kien ħabib ta’ San Ġwann l-Appostlu.

Fis-sena 154 jew 155 San Irinew mar Ruma flimkien ma’ San Polikarpu. Min Ruma mar Lyon, Franza, fejn kien ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Lyon, San Potinu.

Fis-sena 177, l-Isqof Potinu bagħtu Ruma b’ittra għall-Papa San Elewterju. Sadattant l-Isqof Potinu u numru ta’ Nsara ġew maqtula fil-persekuzzjoni tal-Imperatur Mark Awrelju.

Meta San Irinew reġa’ lura f’Lyon, fis-sena 178, ġie elett Isqof bħala suċċessur ta’ San Potinu.

Fis-sena 190, San Irinew għen biex tinżamm il-paċi bejn il-Papa San Viktor I u l-Isqfijiet tal-Lvant fuq il-kwistjoni tad-data tal-festa tal-Għid.

Madwar is-sena 155, l-istess kwistjoni kienet ġiet ittrattata mill-Papa San Aniċetu u San Polikarpu. Ġiet solvuta għal kollox wara l-Konċilju ta’ Niċea (325), meta l-Knisja tal-Lvant minn rajha bdiet tiċċelebra l-festa tal-Għid bħall-Knisja tal-Punent.

San Irinew kiteb ħafna kontra t-tagħlim qarrieqi ta’ żmienu speċjalment kontra l-Injostiċi. L-iktar xogħol famuż tiegħu hu trattat f’ħames kotba jismu “Adversus Haereses” (Kontra l-Ereżiji).

X’aktarx li miet martri, fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Settimu Severu madwar is-sena 202, wara li kien ilu Isqof ta’ Lyon xi 24 sena. Billi San Irinew kien dixxiplu ta’ Polikarpu, u dan kien dixxiplu ta’ San Ġwann Appostlu, id-djoċesi ta’ Lyon għadha sal-lum il-knisja primarzjali ta’ Franza kollha minħabba l-qedem kbir tagħha.

Ħsieb: Dan il-qaddis, imsejjaħ “Missier it-Teoloġija Kattolika,” kien iben familja nisranija li kienet tgħix fl-Asja Minuri (Turkija). Irinew kellu jeħodha kontra l-eretiċi msejħa Njostiċi, li kienu jippretendu li kellhom tagħrif dwar is-salvazzjoni li kien superjuri għal dak li kienet toffri l-ġerarkija tal-Knisja. L-isqof Irinew jispjega li d-duttrina vera nisranija tinsab fl-Iskrittura u t-Tradizzjoni, u jinsisti li t-tradizzjoni appostolika hi miżmuma fis-safa kollha tagħha b’mod speċjali fil-Knisja ta’ Ruma.

Ix-xogħol kbir tiegħu ‘Adversus Haereses,’ ippreservat bil-Latin biss, temm l-injostiċiżmu bħala forza fil-knisja. Hu l-aktar teologu importanti tat-tieni seklu. Permezz tiegħu l-fidi sħiħa u ortodossa tat-tradizzjoni appostolika twasslet għandna bil-kitba.

San Irinew jibqa’ msemmi għall-mod kollu karità li bih kien jittratta l-avversarji tiegħu. Għex tassew it-tifsira ta’ ismu, li bil-Grieg tfisser “iħobb il-paċi.” Ħalla miktub: “M’hemmx Alla mingħajr tjubija.” u “Hu permezz tal-imħabba li l-Verb sar dak li aħna, biex aħna nsiru dak li hu Hu,” u lil dawk li kienu kontrih jiktbilhom: “Aħna noffrulkom idejna b’qalbna kollha, u ma nehdew qatt li noffruhielkom.” Irinew kiteb bil-Grieg; hu jiskuża ruħu li ma kitibx bi stil eleganti, “għaliex,” qal, “aħna qed ngħixu qalb iċ-Ċelti, u kemm hi lingwa stramba din li qed ikollna nitkellmu biha!”

Qari mit-Trattat tal-Isqof San Irinew, “Kontra l-Ereżiji”:

“Id-dija ta’ Alla tagħti l-ħajja; mela dawk li jaraw ‘l Alla jkollhom il-ħajja. Għalhekk Alla, li ma nistgħux nagħrfuh, nifhmuh u narawh, ġie fostna biex narawh, nifhmuh u nagħrfuh. U għalkemm il-kobor tiegħu qatt ma nistgħu naslu biex nagħrfuh, u t-tjieba tiegħu qatt ma nifhmuha, hu proprju minħabba l-kobor u t-tjieba tiegħu li hu juri lilu nnifsu lilna u jagħti l-ħajja lil dawk li jarawh. Ma jistax ikun li tgħix mingħajr il-ħajja, u ma hemmx ħajja jekk ma tiġix mingħand Alla, u jkollok il-ħajja mingħand Alla jfisser li tara ‘l Alla u tithenna bi tjubitu.

Il-bnedmin, mela, biex jgħixu, jridu jaraw ‘l Alla u jekk jaraw ‘l Alla jgħixu għal dejjem u jaslu sa għand Alla. Dan, kif għedtilkom, ħabbruh taħt xbihat il-profeti meta qalu li għad jaraw ‘l Alla dawk li għandhom l-Ispirtu tiegħu, u bla heda jistennew il-miġja tiegħu. Dan jgħid Mosè fid-Dewteronomju: F’dan il-jum naraw li Alla jista’ jkellem lill-bniedem, u dan jibqa’ ħaj.

Lil Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd, ħadd mill-ħlejjaq kollha ma’ jista’ jarah jew jifhmu, fil-qawwa u l-kobor tiegħu, għalkemm ma nistgħux ngħidu li ma jistgħux jagħrfuh: permezz tal-Verb tiegħu. Il-ħlejjaq kollha jitgħallmu li wieħed hu Alla l-Missier, li għamel kollox u kollox iżomm sħiħ fl-eżistenza tiegħu, kif insibu miktub fl-Evanġelju: Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier.

Mill-bidunett l-Iben għarrafna l-Missier, għax mill-bidu kien mal-Missier: hu, meta ried, fi żmien f’waqtu wassal lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, il-viżjonijiet tal-profeti, kull xorta ta’ kariżmi u grazzji, il-ministeru tiegħu, u s-sebħ ta’ Alla, ħaġa wara l-oħra, b’armonija liema bħalha: għaliex meta ħaġa tiġi wara l-oħra, f’ordni liema bħalu, jkun hemm l-armonija, u fejn hemm l-armonija hemm iż-żmien f’waqtu, u fejn iż-żmien hu f’waqtu hemm il-ġid ta’ kulħadd.

Għalhekk il-Verb qassam lill-bnedmin, għall-ġid tagħhom, id-doni tal-Missier: għalihom għamel dan kollu u wriehom lil Alla. Wera ‘l Alla lill-bnedmin, imma ried li Alla jibqa’ ma jidhirx għall-bnedmin, biex huma ma jaslux biex jistmerru lil Alla, imma jkollhom dejjem lilu għand min imorru; ried li Alla ma jkunx jidher għall-bnedmin, imma wrihulhom permezz tal-ħlejjaq tiegħu, biex il-bniedem ma jkunx għalkollox imċaħħad minn Alla, li ma jasalx biex jgħid li ma hemmx Alla. Hu glorja ta’ Alla l-bniedem ħaj, u hi l-viżjoni ta’ Alla l-ħajja tal-bniedem. Jekk ir-rivelazzjoni ta’ Alla permezz tal-ħolqien kienet biżżejjed biex tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq kollha tal-art, kemm aktar ir-rivelazzjoni tal-Missier permezz tal-Verb ma tagħtix il-ħajja lil dawk li jaraw ‘l Alla?”

  • U int, qed tirċievi l-kuraġġ mingħand Alla biex tgħix u tistqarr il-ħajja tal-fidi tiegħek fi Kristu Sidna?

Talba: O Alla, int tajt il-grazzja lill-isqof San Irinew biex iwettaq il-verità tat-tagħlim tal-Knisja u jħabrek sewwa għall-paċi tagħha; agħmel li, bit-talb tiegħu, niġġeddu fil-fidi u fl-imħabba, biex dejjem infittxu li nkunu magħquda qalb waħda bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-irenaeus-285

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-irenaeus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Irenaeus

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.