31 ta’ Lulju: San Injazju ta’ Loyola

“Jekk wieħed għandu d-don tal-kelma, jinqeda bih qisu kliem ta’ Alla; jekk wieħed għandu d-don tal-ministeru, iħaddmu qisu bis-setgħa li qiegħed jagħtih Alla, biex f’kollox ikun imsebbaħ Alla permezz ta’ Ġesù Kristu. Fuq kollox, ikollkom imħabba qawwija lejn xulxin”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Injazju ta’ Loyola (1 Pietre 4:11. 8a).

St_Ignatius_of_Loyola_(1491-1556)_Founder_of_the_Jesuits.jpgSAN INJAZJU TA’ LOYOLA
Saċerdot
1491 – 1556

Tagħrif: San Injazju twieled fil-kastell ta’ Loyola f’Azpeitia, Spanja, fl-1491, minn familja nobbli. Kien l-iżgħar fost tużżana tfal, u tawh l-isem ta’ Inigo li hu stess bidel f’Injazju f’madwar l-1540.

Beda jaħdem bħala paġġ fil-qorti tar-Re Ferdinandu V, u mbagħad daħal suldat u sar Kaptan fl-armata tal-Viċire ta’ Navarra.

Fl-1521, fil-battalja ta’ Pamplona kontra l-Franċiżi, balla ta’ kanun qasmitlu l-qasba ta’ siequ l-leminija u fetħitlu beraħ il-pexxun ta’ siequ l-oħra. Midrub kif kien, bagħtuh lura fil-kastell tal-familja tiegħu ta’ Loyola biex ifieq.

Meta kien qed jirkupra ġew żewġ kotba f’idejh: “Il-Ħajja ta’ Ġesù” u “Il-Ħajja tal-Qaddisin”. Tant laqtuh li ddeċieda li jagħti ħajtu lil Ġesù, u jaħdem “għall-ikbar glorja t’Alla”, kliem li kellu jsir il-motto tas-Soċjeta’.

Meta fieq għamel pellegrinaġġ lis-Santwarju tal-Madonna f’Montserrat. Is-sentejn ta’ wara għaddiehom f’Manresa. Kien f’dawn is-sentejn ta’ talb u ġabra li hu beda jikteb il-ktieb famuż tiegħu “L-Eżerċizzi Spiritwali”.

Fl-1523 telaq minn Manresa u mar jagħmel pellegrinaġġ għall-Art Imqaddsa. Meta reġa’ lura Spanja fl-1524, ra li mingħajr edukazzjoni soda ma setax iwettaq il-missjoni tiegħu, u telaq lejn Barċellona biex jibda jistudja l-Latin.

Fl-1528, mar l-Universita’ ta’ Pariġi. Hawnhekk iltaqa’ u sar ħabib kbir ma’ sitt studenti li wieħed minnhom kien San Franġisk Saverju (ara San Franġisk Saverju), u ieħor San Pietru Faber.

Fl-1534, San Injazju u sħabu għamlu l-vot tal-kastita’ u tal-poverta’ fil-kappella ta’ Montmartre, u wegħdu li jmorru jippriedkaw il-Vanġelu fil-Palestina u joffru s-servizzi tagħhom dirett lill-Papa Pawlu III. Hekk twaqqfet is-Soċjeta’ ta’ Ġesù, jew il-Ġiżwiti kif huma magħrufin illum.

Fl-1537, San Injazju u l-kumpanni tiegħu li issa kienu saru disgħa, marru Venezja u ġew ordnati saċerdoti. Billi ma setgħux imorru l-Art Imqaddsa, marru Ruma u offrew lilhom infushom lill-Papa Pawlu III. Hekk l-Ordni ġie uffiċjalment imwaqqaf fl-1540.

Fl-1541, San Injazju ġie magħżul biex ikun l-ewwel Superjur Ġenerali, u għadda l-kumplament ta’ ħajtu f’Ruma, imexxi s-Soċjeta’ ta’ Ġesù. Miet f’Ruma, fil-31 ta’ Lulju 1556. Kien ikkanonizzat fl-1622.

Aktar dettalji
Meta Injazju beda jaqra l-Ħajja ta’ Kristu u volum b’ħajjiet ta’ qaddisin, infetħet dinja ġdida quddiemu u ra l-vojt tal-ambizzjoni tad-dinja. Dehra mill-Madonna bil-Bambin għamlitlu kuraġġ kbir. Injazju għamel vot tal-kastità, mar fil-knisja tal-Madonna ta’ Montserrat, għamel qrara ġenerali u wara lejl talb ta l-armatura tiegħu ta’ kavallier lil wieħed tallab. Huwa għadda 11-il xahar f’Manresa jgħin fi sptar, jagħmel penitenza, isofri minn skrupli, iħoss konsolazzjonijiet, jitlob u jikteb l-Eżerċizzi Spiritwali.

Ħsieb: Qari mill-Atti ta’ Ludoviku Consalvo, kif ġabarhom minn fomm San Injazju bit-titlu ‘L-ispirti stħarrġuhom, ħa taraw ikunux ġejja minn Alla’:

“Injazju kien iħobb ħafna jaqra kotba mimlijin frugħat u kliem b’ieħor fuq il-ġrajjiet ta’ nies kbar u magħrufa. Meta ħass ruħu tajjeb, talab biex iġibulu minn dawn il-kotba biex iqatta’ ż-żmien. Billi f’dik id-dar ma kienx hemm kotba minn dawn, tawh tnejn li kien jisimhom wieħed “Il-ħajja ta’ Kristu” u l-ieħor “Ward il-qaddisin”, it-tnejn bl-Ispanjol.
Meta beda jaqra dawn il-kotba ħass fih ġibda kbira għal dak kollu li kien hemm miktub fihom, iżda xi kultant kien idawwar ħsibijietu minn dak li kien jaqra f’dawn il-kotba għal dak li kien jaqra fl-imgħoddi, u xi kultant ukoll ħsibijietu kienu jieqfu fuq il-ħafna frugħat u kliem b’ieħor li qabel kienu tant jiġbduh.

Imma mbagħad Alla, fil-ħniena tiegħu, flok dawn il-ħsibijiet fiergħa, permezz tal-kotba li kien qiegħed jaqra, kien iġiblu f’moħħu ħsibijiet oħra. Meta kien jaqra l-ħajja ta’ Kristu Sidna jew dik tal-qaddisin, kien jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: “Min jaf, kieku nagħmel dak li kien jagħmel San Franġisk? Jew dak li kien jagħmel San Duminku?” Kien jaħseb ħafna fuq hekk, iżda wara li kien idum jaħseb mhux ħażin fuq dawn il-ħwejjeġ kienet tinqala’ xi ħaġa li treġġgħu lura għall-ħsibijiet fiergħa ta’ l-imgħoddi u fuqhom kien jaħseb ukoll fit-tul. Dam ħafna żmien għaddej f’din il-ħajja, b’ħafna ħsibijiet kontra xulxin ġejjin f’moħħu wieħed wara l-ieħor.

F’dan it-taqlib kollu ta’ ħsibijiet, fl-aħħar beda jintebaħ li kull darba li kien ikollu ħsibijiet tad-dinja, kien, iva, iħoss hena kbir, iżda mbagħad meta kien jegħja jaħseb, kien iħoss ruħu vojta u mdejjqa. Intebaħ ukoll li meta kien jaħseb fuq it-tgħakkis li kienu jagħmlu l-qaddisin, mhux biss kien iħoss hena f’ruħu waqt li jaħseb fuqhom, imma l-hena kien jibqa’ wkoll f’ruħu meta kien jieqaf jaħseb. Hu ma għarafx mill-ewwel din id-differenza u għalhekk ma rax is-siwi tagħha, iżda mbagħad, meta fetaħ għajnejn ruħu, stagħġeb biha, u, mill-istess esperjenza tiegħu, għaraf li l-ħsibijiet tad-dinja, meta jgħaddu, kienu jħalluh imdejjaq, waqt li ħsibijiet tas-sema kienu jagħmluh hieni. Din kienet l-ewwel konklużjoni li għaliha wasal dwar il-ħwejjeġ ta’ Alla. Wara li għamel l-eżerċizzi spiritwali, din l-esperjenza għamel użu minnha biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu id-dixxerniment tal-ispirti”.

Sant’Injazju u xi ħbieb tiegħu kienu qed jivjaġġaw. Kellhom pjan li wara ċerta distanza jieqfu biex jitolbu flimkien. Għal tul il-vjaġġ tagħhom krew wieħed biex iġorrilhom il-bagalji. Dan ir-raġel li krew kien josserva dan il-waqfien ġurnata wara l-oħra biex jitolbu. Fl-istess ħin osserva l-impatt ta’ dan il-mumenti ta’ talb fuq dan il-grupp u fl-aħħar beda jixtieq li jitlob magħhom. Meta Injazju ġie infurmat bix-xewqa tal-kerrej, stiednu biex jingħaqad magħhom. Fl-istess ħin Injazju, ra li x-xewqa tal-kerrej, li ġurnata wara l-oħra kien jitlob magħhom, kienet minnha nnifisha talba stupenda.

  • U jien kemm ngħaddi ħin fit-talb, tul il-vjaġġ ta’ ħajti?
  • Kemm-il darba nieqaf biex nitlob? F’ġurnata? F’ġimgħa? F’xahar? F’sena?

Fil-ħajja nsibu ruħna f’ċirkostanzi, fejn il-ħsibijiet huma talba. Għandna mumenti, huma x’inhuma l-attitudni ta’ ġisimna, fejn ir-ruħ tkun għarkupptejha titlob.

Għal informazzjoni dwar il-Ġiżwiti f’Malta:
https://jesuit.org.mt/jesuits-in-malta/
http://thechurchinmalta.org/mt/posts/1922/the-jesuits-s-j
https://www.youtube.com/watch?v=GloI-yRJjzc
https://www.youtube.com/watch?v=bk0-CsDQXIM

Talba: Ilqa’, Mulej, u ħu l-libertà tiegħi kollha, il-memorja, il-fehma, u r-rieda kollha tiegħi. Kull ma għandi, int tajtuli, u għalhekk jiena nerġa’ rroddulek u nħallih f’idejk kollu kemm hu biex tmexxini skont ir-rieda mqaddsa tiegħek. Agħtini biss imħabbtek u l-grazzja tiegħek. B’dawn biss, inkun għani biżżejjed u xejn aktar ma nkun neħtieġ. Ammen. (Talba ta’ San Injazju ta’ Loyola)

O Alla, int bgħatt fil-Knisja tiegħek lil San Injazju ta’ Loyola biex jaħdem għat-tixrid ta’ l-akbar glorja ta’ Ismek; agħmel li jkollna l-għajnuna tiegħu u nħabirku bħalu fuq l-art, ħalli niksbu miegħu l-premju fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/st-ignatius-of-loyola-confessor.html

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-ignatius-of-loyola/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Ignatius_of_Loyola

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements

30 ta’ Lulju: San Pietru Krisologu

“Min jieħu gost max-xitan,ma jistax jifraħ ma’ Ġesù”. ~ San Pietru Krisologu

img-Saint-Peter-Chrysologus.jpgSAN PIETRU KRISOLOGU
Isqof u Duttur tal-Knisja
380 -450

Tagħrif: San Pietru twieled f’Imola, l-Italja, għal ħabta tas-sena 380. L-Isqof ta’ Imola, Kornelju, ħa ħsieb l-edukazzjoni tiegħu u ordnah Djaknu.

Fis-sena 433, il-Papa Sistu III ħatru Arċisqof ta’ Ravenna.

Kien difensur kbir tal-fidi Kattolika, ħadem bis-sħiħ biex jeqred il-paganiżmu mid-djoċesi tiegħu, u b’kuraġġ kbir ipprojbixxa l-festi immorali li kienu jinżammu fil-bidu ta’ Jannar.

Tant kien predikatur tajjeb li qala’ l-isem ta’ Krisologu, li jfisser “Kliemu tad-Deheb”.

Il-priedki tiegħu kienu jkunu dejjem qosra. Hemm 176 priedka tiegħu, li għadhom ippreservati sal-lum. Kien iħeġġeġ ħafna lin-nies biex jitqarbnu spiss.

Huwa kien jeżorta bil-qawwa kollha lil Ewtiku, wara li dan kien ġie kkundannat fis-Sinodu ta’ Kostantinopli (448), biex jaċċetta l-misteru ta’ l-inkarnazzjoni u joqgħod għat-tagħlim tal-Knisja.

San Pietru kien iċ-Ċelebrant li mexxa l-funeral ta’ San Ġermanu ta’ Auxerre fis-sena 448.

Miet fit-2 ta’ Diċembru tas-sena 450 f’Imola, fejn kien mar biex iqim il-martri Kassjanu, protettur tiegħu.

Il-Papa Benedittu XII ipproklamah Duttur tal-Knisja fis-sena 1729.

Ħsieb: Ħsieb għall-ewwel jum tar-Randan: mill-Omelija 43 ta’ San Pietru Krisologu, Isqof ta’ Ravenna:

“Tlieta huma l-affarijiet, ħuti, li permezz tagħhom il-fidi tibqa’ sħiħa, id-devozzjoni titkattar u l-virtù tiżdied: it-talb, is-sawm u l-ħniena. Dak li t-talb jixtieq, is-sawm jittallab għalih b’suċċess u l-ħniena tirċevih. It-talb, is-sawm u l-ħniena: dawn it-tlieta jmorru dejjem flimkien. Huma jagħtu l-ħajja lil xulxin, huma inseparabbli. Għax is-sawm huwa r-ruħ tat-talb, u l-ħniena hija l-ħajja tas-sawm.

Jekk bniedem għandu waħda minnhom biss, jew m’għandux it-tlieta li huma f’daqqa, dan ma għandu xejn. Għaldaqstant dak li jitlob għandu wkoll isum, u dak li jsum għandu wkoll juri ħniena. Dak li jrid li jiġi mismugħ meta jitob xi ħaġa, għandu jisma’ meta xi ħadd jitlob xi ħaġa lilu. Dak li ma jagħlaqx widnejh għat-talb ta’ min jitolbu, jiftaħ widnet Alla għat-talb tiegħu. Jekk xi ħadd irid li Alla jinduna li hu bil-ġuħ, għandu hu wkoll jagħraf min madwaru hu bil-ġuħ. Min jittama li jsib il-ħniena, għandu juri l-ħniena hu wkoll. Min jixtieq il-ħlewwa ta’ missier, għandu juriha l-ewwel hu. Min jixtieq li xi ħadd joffrilu xi ħaġa, għandu joffri lil ħaddieħor hu. Ma jistħoqqlux jitlob min jirrifjuta li jagħti lil ħaddieħor dak li qed jittallab għalih hu. O bniedem, ħu dan bħala l-qjies għall-ħniena li turi: uri int ħniena ma’ ħaddieħor bl-istess mod, bl-istess ammont u bl-istess ħeffa li tixtieq li ssir ħniena miegħek.

Għalhekk, ejjew inħallu t-talb, il-ħniena u s-sawm ikunu talba waħda quddiem Alla. Ejjew inħalluhom ikunu għajnuna waħda għalina. Dawn huma l-ħwejjeġ li jżommu sħiħa l-belt tal-ġenna, li jħabbtu fuq il-bieb tal-kmamar ta’ Alla l-imħallef tagħna, li jsegwu l-ġrajjiet tal-bnedmin quddiem it-tribunal ta’ Kristu, li jittallbu l-ħniena għall-inġust, li jirbħu l-maħfra għall-ħatjin. Il-bniedem li m’għandux dawn bħala l-avukati tiegħu fil-ġenna lanqas ma għandu pożizzjoni żgura fuq l-art. Ladarba għandhom qawwa daqshekk kbira fil-ġenna, huma jaffettwaw il-ġrajjiet fuq l-art; imexxu l-ġid u jkeċċu d-dnewwa; jitfu l-vizzji u jkebbsu l-virtù; isaffu l-iġsma u jippurifikaw il-qlub; iġibu l-paċi lill-membri tal-ġisem u l-kwiet lill-moħħ; jibdlu s-sensi fi skejjel ta’ dixxiplina u kontroll; iwasslu l-qalb tal-bniedem biex issir tempju ta’ Alla. Permezz tagħhom il-bniedem jidher bħall-anġli, u jwasslulu l-ġieħ mingħand Alla.

Għalhekk, ħuti, jekk aħna nixtiequ li jkollna sehem mill-merti tal-qaddisin kollha, ejjew nipperseveraw fit-talb, insibu l-ħin biex insumu, u nkunu attenti għall-ħniena. In-nisrani – li huwa mlibbes l-armatura tal-Mulej, li għadda ħajtu fil-prattika ta’ dawn u ssaħħaħ permezz tagħhom – mhux se jibża’ mil-lanez tad-dnub, mill-armi tax-xitan, mill-makakkerija tad-dinja, mill-ifilsa tal-vizzji, mill-ħażen tal-ġisem, min-nasses tal-pjaċiri jew mill-armi tal-mewt.

Ejjew ninġabru kull filgħodu u nitolbu, jekk mhux immexxijin mill-imħabba, almenu mmexxijin mix-xewqa li neħilsu mill-ħażen. Jekk nitraskuraw lil Alla, niġbdu fuqna żminijiet koroh. Għalhekk ejjew niksbu lura permezz tas-sawm dak li tilfna minħabba t-traskuraġni tagħna. Ejjew noffru rwieħna permezz tas-sawm, għax m’hemm xejn aqwa x’nistgħu nagħtu lil Alla. Imma biex nagħmlu dawn it-tnejn sbieħ, ejjew ma noqgħodux lura milli nuru l-ħniena. Is-sawm ma jagħmlix frott jekk ma jkunx imsoqqi bil-ħniena. Jekk il-ħniena tixxotta, is-sawm ibati n-nixfa, għax il-ħniena hija għas-sawm dak li x-xita hija għall-art.

Mill-kitbiet ta’ San Pietru Krisologu:

Dwar il-frażi ‘Jitqaddes Ismek’ fit-talba tal-Missierna: “Nitolbu ‘l Alla biex jitqaddes Ismu għax bil-qdusija jsalva u jqaddes il-ħolqien kollu … Hu Ismu li jagħti s-salvazzjoni lid-dinja li ntilfet, iżda aħna nitolbu li dan l-Isem ta’ Alla jkun imqaddes fina b’ħajjitna. Għaliex jekk ngħixu ħajja tajba, l-Isem ta’ Alla jkun imbierek” (minn Omelija 71).

Dwar l-Inkarnazzjoni: “Meta kien għadu ma twelidx bħala bniedem, mit-tajn mhux mittiefes Alla sawwar il-bniedem; meta twieled bħala bniedem sawwar il-ġisem tiegħu ta’ bniedem minn ġisem mhux mittiefes. Dak li għoġbu jieħu ftit tajn f’idu biex jagħmel il-bniedem, għoġbu wkoll jieħu ġisem għas-salvazzjoni tagħna … Ħa n-natura tagħna l-bnedmin biex il-bniedem ma jiġġarrafx aktar; hu li ħalaq il-bniedem tal-art, ried jagħmlu wkoll bniedem tas-sema” (minn Omelija 148).

Dwar id-dinja: Alla ra d-dinja mqallba minħabba l-biża’, u minnufih beda jaħdem biex jerġa’ jsejjħilha bl-imħabba jistedinha bil-grazzja, jżommha miegħu bl-għożża, u jħaddanha ma’ qalbu.

Talba: O Alla, int għażilt lill-isqof San Pietru Krisologu biex b’qawwa kbira jxandar il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb tiegħek; bit-talb tiegħu, agħtina li nimmeditaw bla heda l-misteri tas-salvazzjoni u bl-għemil nagħtu xhieda tal-fidi tagħna fihom. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-peter-chrysologus-546

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-peter-chrysologus/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Peter_Chrysologus

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei. Parti mill-Ħsieb huwa artiklu tas-Soċjetà Patristika Maltija (traduzzjoni ta’ Dun Jonathan Farrugia).

29 ta’ Lulju: Santa Marta

“Wara li Ġesù qajjem lil Lazzru mill-imwiet, għamlulu ikla f’Betanja, u Marta bdiet isservi. Marija ħadet libbra żejt tan-nard safi, jiswa ħafna u dilket bih riġlejn Ġesù”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ Santa Marta.

Marthe-et-MarieSANTA MARTA
L-ewwel Seklu

Tagħrif: Santa Marta, oħtha Marija u ħuha Lazzru, kienu jgħixu f’Betanja, raħal xi 3 km ’l bogħod minn Ġerusalemm. Jidher li kienu ħbieb ħafna ma’ Ġesù, u kienu spiss jilqgħuh f’darhom. San Ġwann fil-Vanġelu tiegħu jgħidilna b’mod partikolari li Ġesù kien iħobbhom. (Ġwanni 11:5)

Marta aktarx li kienet il-kbira fost l-aħwa, isimha, bl-Aramajk ifisser il-“Padruna tad-dar”.

Darba waħda, meta Ġesù kien għandhom, hi kienet imħabbta ħafna tnewwel u taqdi, waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Ħin minnhom talbet lil Ġesù jgħid lil Marija biex tmur tgħinha. Ġesù weġibha b’dik is-sentenza stupenda: ” Marta! Marta! Inti taħseb u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”. (Luqa 10:41)

Fil-Vanġelu nerġgħu niltaqgħu ma’ Marta fl-okkażjoni tal-qawmien mill-mewt ta’ Lazzru. Marta semgħet li Ġesù kien ġej għandhom, u marret tiġri tilqgħu meta kien għadu ftit ’il bogħod mid-dar. Qaltlu: “Mulej, li kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, naf li kull ma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Qalilha Ġesù: ”Jiena u l-qawmien u l-ħajja; u kull min hu ħaj u jemmen fija, ma jmut qatt. Temmen dan?” ”Iva, Mulej”, qaltlu hi, “Jien nemmen li int il-Messija, Bin Alla, li ġie fid-dinja.”

Marta marret tiġri d-dar tgħid lil oħtha li kien ġej għandhom Ġesù u li kien staqsa għaliha. Marija ħalliet kollox u marret tiġri tiltaqa’ ma’ Ġesù li kien għadu barra mir-raħal, fejn kienet iltaqgħet miegħu Marta.

Ġesù wasal għandhom meta Lazzru kien ġa ilu erbat ijiem midfun. Fl-aħħar Ġesù resaq lejn il-qabar fejn kien midfun Lazzru u ordna jneħħu l-ġebla li kienet tagħlaq id-daħla tal-qabar. Marta ħasbet li Ġesù ried jara lil ħabibu għall-aħħar darba u qaltlu: “Imma, Mulej, ilu ġa erbat ijiem mejjet”. Ġesù weġibha: “Mela ma għedtlekx jien, li jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Hawnhekk id-dmugħ tan-niket ta’ dawk preżenti nbidel fi dmugħ ta’ ferħ għax għall-kelma ta’ Ġesù, Lazzru qam mill-mewt. (Ġwanni 11: 1-44)

San Ġwann jerġa’ jsemmi lil Marta waqt ikla li hi u ħutha għamlu lil Ġesù. Hemm ukoll insibu Marta sservi.

Wara din il-ġrajja ma niltaqgħu qatt iktar magħha. Santa Marta hi l-Patruna tan-nisa tad-dar, tal-lukandiera u tal-koki.

Aktar dettali
Meta Ġesù kien fil-Ġudija, spiss kien imur darhom. San Luqa (38:42) jippreżentahielna l-ewwel darba titħabat biex taqdi ’l Ġesù waqt li Marija kienet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisma’ kliemu. Bdiet tgemgem ma’ Ġesù fuq oħtha għaliex ħallietha weħedha titħabat u talbitu biex jgħidilha ħalli tgħinha. Iżda Ġesù fissrilha li l-istess imħabba lejh li kienet iġġagħalha tħabrek biex taqdih, kienet iżżomm lil Marija msaħħra f’riġlejh.

Tennielha isimha darbtejn biex iwissiha bil-ħlewwa li waqt li kienet taqdih, ma kellhiex tgemgem u titlef il-paċenzja; u fl-istess ħin għarrafha li l-ħajja kontemplattiva ma hi xejn anqas għal qalbu mill-ħajja attiva. Anzi, l-aqwa unur li r-ruħ tista’ tagħmillu hi, li tħalli kollox biex tisma’ kliemu, bħalma għamlet Marija li għażlet l-aħjar parti, u dik li tibqa’ anki fis-sema – il-kontemplazzjoni u l-għaqda m’Alla.

Leġġenda tgħid li Marta, flimkien ma’ Marija u ma’ Lazzru, marret Marsilja fejn għexet ġo speċi ta’ għar ma’ nisa oħra u fejn mietet għanja bil-mertu u bil-grazzja.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin bit-titlu ‘Hienja għax laqgħu ‘l Kristu għandhom’:

“Sidna Ġesù Kristu jwissina li, fost il-ħafna taħbit ta’ din id-dinja, aħna mexjin lejn xi mkien. Mexjin għax għadna ‘l bogħod biex nidħlu f’postna; għadna fit-triq, ma wasalniex id-dar; għadna bix-xewqa tagħha, ma bdejniex ingawduha. Imma mexjin, mexjin bla ma nitgħażżnu jew nieqfu, biex xi darba jirnexxielna naslu.

Marta u Marija kienu żewġt aħwa mhux biss fil-ġisem iżda wkoll fis-sentimenti reliġjużi tagħhom. It-tnejn ingħaqdu mal-Mulej, it-tnejn b’qalb waħda qdew lill-Mulej meta kien fid-dinja. Marta laqgħetu għandha, kif wieħed jilqa’ l-għorba; iktar minn hekk, laqgħetu kif il-qaddejja tilqa’ lil Sidha, il-marida lis-Salvatur li jfejjaqha, il-ħlejqa lill-Ħallieq. Hi, li kienet teħtieġ l-għajxien ta’ l-Ispirtu, laqgħet lil dak li kien jeħtieġ l-għajxien bħala bniedem. Għax il-Mulej għoġbu jidher taħt sura ta’ qaddej, u f’din is-sura ta’ qaddej ried ikun moqdi bl-ikel mill-qaddejja tiegħu, għax hekk għoġbu, mhux għax kien minnu nnifsu qaddej. Deher bħala wieħed li jenħtieġ l-għajxien, u din ukoll kienet umiljazzjoni tiegħu. Deher bħala bniedem f’ġisem li jagħmel bih il-ġuħ u jieħdu l-għatx.

Marta mela laqgħet bil-qalb lil Sidha bħala qarib, lil dak li ġie f’daru, u niesu ma laqgħuhx; imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla; hu ta’ l-adozzjoni lill-qaddejja u għamilhom ħutu, ta’ l-fidwa lill-ilsiera u għamilhom werrieta flimkien miegħu.

Qisu li ħadd minnkom ma jgħid: “Henjin dawk li stħaqqilhom jilqgħu lil Kristu għandhom!” Issewwidx qalbek u tgemgimx jekk twelidt fi żmien meta ma tistax tara lill-Mulej fil-ġisem: għax hu ma ċaħħdekx minn dan il-ġieħ. Qallek: Kemm għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.

Mill-bqija, Marta, ħallini ngħidlek: imbierka int li tajt servizz hekk tajjeb; bħala ħlas tat-taħbit tiegħek m’intix tfittex ħlief il-mistrieħ. Għalissa qiegħda tieħu rasek u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ, u hawnhekk trid taħseb għall-ikel ta’ min hu bniedem, ukoll jekk qaddis. Taħseb int li, meta tasal f’dik id-dar, se ssib iżjed għorba li tilqagħhom għandek bil-qalb? Li se ssib iżjed min hu bil-ġuħ biex titimgħu, min hu bil-għatx biex tisqih, min hu marid biex iżżuru, min hu mitlewwem biex tagħmlu paċi, min hu mejjet biex tidfnu?

Le, hemmhekk m’int se ssib xejn minn dan. Mela x’se ssib? Issib dak li għażlet Marija; insibu min jgħajjex lilna, mhux ngħajjxu lill-oħrajn. Jiġifieri, dak li Marija għażlet hawnhekk, hemm insibuh fil-milja sħiħa tiegħu; ma niġbrux il-frak, kif għamlet Marija hi u tisma’ l-kelma tal-Mulej, imma nsibu mejda għanja. Tridu tafu xi nsibu hemmhekk? Il-Mulej stess qal għall-qaddejja tiegħu: Tassew, ngħidilkom, li jqegħedhom fuq il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom”.

Marta qalet lil oħtha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Ġesù qed isejjaħ lil kull wieħed u waħda minna – lilek ukoll li qed taqra dan bħalissa!

  • Min ma jagħtix kas u jibqa’ indifferenti,
  • u min jeħoda kontrieh u joffendih, u
  • min jilqgħu u jsir iħobbu bis-serjeta’, u jobdi Kelmtu.

Inti f’liema kategorija taqa’?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, Ibnek Ġesù għoġbu li Santa Marta tilqgħu għandha bil-qalb; bit-talb tagħha, agħtina li naqdu bil-fedeltà lil ħutna kollha fi Kristu, biex inti tilqagħna għandek fis-sema. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/st-martha-528

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-martha/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martha

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

28 ta’ Lulju: Santa Alfonsa Muttathupadatu

“Kull ġurnata li fiha jiena ma nsofrix għall-Mulej, dik tkun ġurnata mitlufa”. ~ Santa Alfonsa Muttathupadatu

img2Santa Alfonsa Muttathupadatu
Reliġjuża
1910 – 1946

Tagħrif: Alfonsa, li qabel ma daħlet reliġjuża kien jisimha Anna, twieldet minn familja kattolika fl-Indja. Tilfet ’l ommha meta kellha biss tlett xhur u bdiet tieħu ħsiebha oħt ommha.

Sa minn ċkunitha kienet turi mogħdrija u mħabba kbira lejn il-foqra u l-batuti u xtaqet tiddedika ħajjitha għalihom. Imma zitha kellha pjanijiet oħra għaliha.

Meta kibret biżżejjed, għażlulha l-għarus u saru l-arranġamenti meħtieġa biex iżewġuha. Din il-ħaġa inkwetat ħafna lit-tfajla u ddeċidiet li tħarbat kollox. Ġieha f’rasha li ddaħħal sieqha fin-nar u ħarqitha tant li sfiguratha.

Ta’ 18-il sena (2 t’Awwissu 1928) daħlet mas-Sorijiet Klarissi fejn tawha l-isem ta’ Alfonsa Marija. Kienet kważi mibgħuta ’l barra mill-kunvent għax kienet dejjem marida, iżda Alla riedha tibqa’ miġbura fejn kienet u malajr biddel il-fehma tas-superjuri.

Fis-sodda għal ħajjitha, imqabra b’uġigħ qawwi, kultant bil-malarja, ulċera f’riġlejha, emoraġija, eċċ., bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, il-mudell li għażlet hija stess, Alfonsa għexet kull mument ta’ ħajjitha bħal tifla żgħira, b’fiduċja u b’telqa ta’ mħabba fir-rieda ta’ Alla.

Santa Alfonsa Muttathupadatu ġieli talbet għal aktar sofferenzi. Tant hu hekk li meta darba semgħet li wieħed isqof kien marid, Alfonsa talbet lil Ġesù biex il-mard u d-deni tal-isqof jgħaddu fuqha għax, irraġunat, “Jiena ma nista’ nagħmel xejn iżjed ħlief insofri; għalhekk għandi nieħu fuqi dak id-deni wkoll.” U t-talba tagħha kienet mismugħa.

F’għajnejn xi nies, il-ħajja ta’ Alfonsa kienet moħlija u bla skop għax ma wettqet xejn speċjali. Kull ġurnata li tgħaddi kienet biss ġurnata ta’ sofferenzi bħall-oħrajn. U biex iżjed titnikket f’qalbha, Alfonsa kienet ħafna drabi mifhuma ħażin minn dawk stess li kienu jduru biha, anki minn wieħed predikatur tal-irtiri u saħansitra mill-istess superjuri tagħha.

Bla ma tgerger, waqt li żżomm kollox f’qalbha u ssofri kollox għal Ġesù, hija kienet propju tinfena rqiq irqiq. Kienet tgħid: “Kull ġurnata li fiha jiena ma nsofrix għall-Mulej, dik tkun ġurnata mitlufa.”

Swor Alfonsa Muttathupadatu mietet fit-28 ta’ Lulju 1946, 13-il ġurnata qabel ma għalqet 36 sena. Sa minn wara mewtha, eluf kbar ta’ pellegrini minn kull naħa tal-Indja, insara, indus u oħrajn bdew iżuru l-qabar tagħha biex jitolbuha. Kienet ibbeatifikata mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt vjaġġ appostoliku fl-Indja, fl-1986. Kienet dikjarata qaddisa mill-Papa Benedittu XVI.

ĦsiebMinkejja li Alfonsa kienet kuntenta bis-sofferenzi, is-superjura pperswadietha titlob ukoll għall-fejqan, u Alfonsa, b’ubbidjenza, talbet permezz ta’ novena lir-ruħ tajba ta’ Fr. Elias Chavara. Fl-aħħar tan-novena, Fr. Chavara dehrilha u fejjaqha b’mod tassew mirakoluż. Dan is-saċerdot Indjan kellu jiġi bbeatifikat flimkien magħha.

Tassew, li bħall-foqra, il-morda dejjem magħna u aħna l-insara obbligati mhux biss li ma nħarsux lejhom bħala dawk li ‘ma jiswew għal xejn’, imma li nagħmlu ħilitna kollha u anki nużaw kull mezz li nistgħu (fosthom is-Sagrament tal-Morda) biex inwassluhom għall-fejqan, jew għall-faraġ.

Il-Papa Franġisku, fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa 26 ta’ Frar 2014 dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, qal dan li ġej:

“Il-lum nixtieq inkellimkom dwar is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda, li jagħtina li mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Alla għall-bniedem. Fl-imgħoddi kien jissejjaħ “L-Aħħar Dilka”, għax konna nħarsu lejh bħala faraġ spiritwali għal min kien wasal biex imut. Jekk min-naħa l-oħra nitkellmu dwar “Dilka tal-Morda”, dan jgħinna nwessgħu l-ħarsa tagħna għall-esperjenza tal-mard u tat-tbatija, fid-dawl tal-ħniena ta’ Alla.

Hemm ikona Biblika li tesprimi fil-profondità kollha tiegħu l-misteru li joħroġ fid-Dilka tal-Morda: din hi l-parabbola tas-“Samaritan it-tajjeb”, fil-Vanġelu ta’ Luqa (10:30-35). Kull darba li niċċelebraw dan is-sagrament, il-Mulej Ġesù, fil-persuna tas-saċerdot, joqrob lejn min ikun qed ibati u hu marid serjament, jew anzjan. Il-parabbola tgħid li s-Samaritan it-tajjeb ħa ħsieb ta’ dak ir-raġel batut billi diliklu l-ġrieħi tiegħu biż-żejt u l-inbid. Iż-żejt ifakkarna f’dak li jiġi mbierek mill-Isqof kull sena, fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut nhar Ħamis ix-Xirka, sewwa sew fid-dawl tad-Dilka tal-Morda. L-inbid, min-naħa l-oħra, hu sinjal ta’ l-imħabba u tal-grazzja ta’ Kristu li joħorġu mid-don ta’ ħajtu għalina u jesprimu ruħhom fl-għana kollu tagħhom fil-ħajja sagramentali tal-Knisja. Fl-aħħar nett, il-persuna batuta tiġi fdata f’idejn tal-lukanda, biex jista’ jkompli jieħu ħsiebha, mingħajr ma joqgħod jagħti kas ta’ l-ispejjeż. Issa min hu dan tal-lukanda? Hi l-Knisja, il-komunità Nisranija, aħna, li lilna l-lum il-Mulej Ġesù qed jafdalna lil dawk kollha li huma mħabbtin, fil-ġisem u fir-ruħ, biex nistgħu nkomplu nsawbu fuqhom bla heda l-ħniena u s-salvazzjoni tiegħu.

Fil-fatt Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex juru l-istess għożża għall-morda u l-batuti u tahom il-ħila u l-missjoni li f’ismu u skont is-sentimenti ta’ qalbu jkomplu jxerrdu s-serħan u l-paċi, permezz tal-grazzja speċjali ta’ dan is-sagrament. Imma dan ma jridx jintilef fit-tiftixa ossessiva tal-miraklu jew fil-preżunzjoni li jista’ dejjem u f’kull każ jikseb il-fejqan. Imma hu jiżgura lil min hu marid li Ġesù hu qrib tiegħu, u anki lill-anzjan, għax kull anzjan, kull persuna ta’ fuq 65 sena, tista’ tirċievi dan is-sagrament, li permezz tiegħu Ġesù nnifsu hu li joqrob lejna.

Imma meta jkun hemm xi marid, xi drabi jgħaddilna minn moħħna l-ħsieb: “Inċemplu lis-saċerdot biex jiġi”; “Le, għax iġib xorti ħażina, ma nċemplulu xejn”, jew “għax imbagħad il-marid jitwerwer”. Għaliex naħsbu hekk? Għax xi ftit jew wisq hemm l-idea li wara s-saċerdot imbagħad jasal il-funeral. U dan mhux minnu. Is-saċerdot jiġi biex jgħin lill-marid jew l-anzjan; għalhekk hi tant importanti ż-żjara tas-saċerdoti lill-morda. Hemm bżonn li nsejħu s-saċerdot qrib il-marid u ngħidulu: “Ejja agħtih id-dilka, u bierku”.

Hu Ġesù nnifsu li jiġi biex iserraħ lill-marid, biex isaħħu, biex jagħtih it-tama, biex jgħinu; u anki biex jaħfirlu dnubietu. U din hi xi ħaġa tassew sabiħa! U m’għandniex noqogħdu naħsbu li dan hu xi tabù, għax dejjem hi ħaġa sabiħa nkunu nafu li fil-waqt tat-tbatija u tal-mard aħna m’aħniex waħidna: is-saċerdot u dawk li jkunu preżenti waqt id-Dilka tal-Morda fil-fatt jirrappreżentaw lill-komunità Nisranija kollha li, bħal ġisem wieħed, tinġabar madwar min qed ibati u l-familjari tiegħu, twettaqhom fil-fidi u fit-tama, u tweżinhom bit-talb u bl-imħabba fraterna.

Imma l-akbar faraġ jiġi mill-fatt li f’dan is-sagrament hu preżenti l-Mulej Ġesù nnifsu, li jaqbdilna jdejna, iżiegħel bina kif għamel mal-morda, u jfakkarna li issa aħna tiegħu u li xejn – lanqas id-deni u l-mewt – ma jista’ qatt jifridna minnU. Għandna din id-drawwa li nsejħu lis-saċerdot biex lill-morda tagħna – mhux qed ngħid morda bl-influwenza, ta’ tlitt ijiem, erbgħa, imma meta hemm marda gravi – u anki lill-anzjani tagħna, jiġi u jagħtihom dan is-sagrament, dan il-faraġ, din il-qawwa ta’ Ġesù biex jistgħu jibqgħu mexjin? Inwettquha!”

Talba: Għażiża Santa Alfonsa Muttathupadatu, li b’imħabba lejn Ġesu’ sofferenti u lejn l-umanita’, aċċettajt is-sofferenzi kollha li għaddejt minnhom b’imħabba lejn is-Salvatur u f’għaqda miegħU, nitolbuk tinterċedi għalina biex aħna nfittxu l-fejqan, imma wkoll biex fl-aħħar nilqgħu bil-qalb it-tbatijiet li ngħaddu minnhom tul ħajjitna u nagħtuhom l-istess skop li tajthom int, dak li jgħinu fis-salvazzjoni tal-erwieħ immortali. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2016/07/st-alphonsa.html

Alternative Reading: http://www.missionariesoftheworld.org/2012/07/saint-alphonsa-muttathupadathu.html

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Saint_Alphonsa

 

Nota: It-Tagħrif dwar din il-qaddisa tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

27 ta’ Lulju: Beatu Titu Brandsma

“Tkun magħmula r-rieda tiegħek Mulej u mhux tiegħi”. ~ Il-Beatu Titu Brandsma qal dan meta kien qed jiġi ttorturat, ftit qabel ma qatluh.

TBrandsma_01BEATU TITU BRANDSMA
Presbiteru u Martri
1881 – 1942

Ċempila kbira tal-qanpiena tal-bieb ħasdet il-kunvent kollu tal-Karmelitani ta’ Nejmegen fl-Olanda. Malli fetħu l-bieb, daħlu żewġ pulizija tal-Gestapo. “Irriduh” qalu “lill-Professur Patri Titu Brandsma”. “Hawn jien” weġibhom Patri Titu, li kien għadu kif jasal minn vjaġġ mal-Olanda kollha, li kien għamel bl-ordni tal-Arċisqof ta’ Utrecht. “Trid tiġį magħna minnufih”reġgħu qalulu, “Imma qabel irridu nagħmlu tfittxija sewwa fil-kamra tiegħek”. U kif qalu għamlu.

Fittxew u qallbu ta’ taħt fuq il-kamra, kollha. Imlew bagalja bil-karti u ħadu lil Titu magħhom. Huma u ħerġin mill-kunvent, laħqu nġabru l-patrijiet kollha bid-dmugħ f’għajnejhom. Ħadilhom b’idejhom. Talab għarkubbtejh il-barka tal-Pirjol, u bi tbissima fuq fommu qalilhom: “Ftakru fija”. Kienet il-lejla tad-9 ta’ Jannar 1942, il-bidu ta’ tbatijiet ħorox li kellhom iwasslu għall-martirju.

Patri Titu kien twieled fl-1881 f’Ugokloster, il-kbir fost disat aħwa, li ħamsa minnhom saru reliġjużi. Minn ċkunitu kien marradi, irqiq u tant kien qasir li kienu jgħidulu “It-Tikka”. Missieru kellu bżonnu biex igħinu fir-raba’ li kellu, imma malli kellu tnax-il sena Titu ried ikompli jistudja biex isir saċerdot. Fl-iskola kellu suċċessi sbieħ fl-istorja, l-Latin u l-poeżija.

Ta’ sbatax-il sena daħal Karmelitan f’Boxmeer. Saħħtu dejjem kienet ta’ tfixkil għalih, imma qatt ma ried jerġa’ lura mill-ħsieb qaddis tiegħu li jkun ta’ Alla biss. Meta kellu jibqa’ magħluq fil-kamra għal xi żmien minħabba l-marda li kellu, kiteb ktieb ta’ 300 paġna fuq l-opri ta’ Santa Tereża.

Fl-istudju tal-filosofija ħa interess kbir u kien iħobb jaqra u jisma’ fuq il-Karmelitani li f’dak iż-żmien kienu jagħmlu isem fl-Ordni Karmelitan, fosthom il-Professur Malti Patri Anastas Cuschieri. Għalkemm student fdawlu f’idejh it-tmexxija tar-rivista Karmelitana “Batista Mantovanus” li wara ħadet l-isem ta’ “Vanhederlands Carmel”. Sar saċerdot ta’ erbgħa u għoxrin sena u fil-pront intbagħat Ruma, fejn wara ħafna sagrifiċċji ħa d-Dottorat tat-Teoloġija. Malli reġa’ lura l-Olanda, ta ruħu għall-ġurnaliżmu. Għen fit-twaqqif ta’ gazzetta Kattolika u ta’ rivista oħra Karmelitana “Carmelrozen” fl-istess waqt li kien igħallem l-istudenti Karmelitani.

Patri Titu kellu ħeġġa tal-għaġeb. Fetaħ skola tal-kummerċ, u f’Oldenzaal skola tal-arti. Kiteb ħafna kotba storiċi, filosofiċi, u beda jaqleb għall-Olandiż l-Oprį ta’ Santa Tereża. Kien dejjem iżur il-morda, jilqa’ lil kulħadd, mingħajr qatt ma jitlef it-tbissima minn fommu. Ħadem ferm għall-gazzetta Kattolika “Il-Belt ta’ Oss” u beda t-twaqqif ta’ biblijoteka pubblika li llum iġġib ismu. Kien iħobb ferm il-missjonijiet. Mar il-Brażil u xtaq li jkun missjunarju fl-Indonesja.

Fl-1923 inħatar Professur tal-Filosofija fl-Universita’ Kattolika ta’ Nejmegen, u disa’ snin wara għażluh bħala Rettur tal-istess Universita’, li mexxieha ferm ‘il quddiem; kollox għall-ġieħ ta’ Alla u ta’ pajjiżu li kien iħobb ferm. Waqqaf fl-istess Universita’ istitut fuq il-mistika Olandiża, u kien jagħmel wiċċu jittallab biex ikollu boroż ta’ studju għall-istudenti fqar. Patri Titu kien devot ferm tal-Madonna. Irnexxielu jiftaħ Kunvent tal-Karmelitani f’Nejmegen, minn fejn wara ġie arrestat. Kiseb u irranġa l-Knisja tal-Karmnu f’Magonza. Ħareġ ktieb fuq il-Mistiċiżmu Karmelitan li jsaħħar lil min jaqrah.

Minn żgħożitu kien iħobb il-faqar u kien jistmerr in-nuqqas ta’ ħaqq. Kiteb bl-aħrax kontra n-nażismu li kien jaħqar il-Lhud, u kontra, s-Soċjaliżmu nażista li ma kienx jaf x’inhu ħaqq. Billi fl-Olanda kien hemm ħamsa u għoxrin ġurnal Kattoliku li kienu jilħqu kważi kull familja Kattolika, l-Arċisqof De Jong ħaseb biex ħatar lil Patri Titu bħala l-Konsulent Ekklesjastiku għall-ġurnali kollha Kattoliċi tal-Olanda u bħala ċensur tal-“Gelderenger” ta’ Nejmegen.

Kollox kien miexi sewwa, imma meta n-Nażisti daħlu fl-Olanda, riedu kollox taħt idejhom u kif iridu huma. Ġagħlu lill-gazzetti Kattoliċi jxandru aħbarijiet u dikjarazzjonijiet li l-Arċisqof De Jong u Patri Titu dehrilhom li huma kontra s-sewwa u kontra l-ħaqq. Patri Titu kien igħid: “Il-gazzetta Kattolika hija l-ewwel pulptu, barra mill-knisja”. Għalhekk bil-parir tal-Arċisqof De Jong bagħat ċirkulari lill-gazzetti Kattoliċi kollha biex ma jxandru xejn kontra t-tagħlim tal-Knisja. Patri Titu ġie mwissi mill-pulizija imma għalxejn. Is-sewwa ma jċedi lil ħadd. Ħbiebu ħajruh jistaħba, imma Patri Titu kien jibża’ minn Alla biss. Meta dehrilhom il-pulizija Nażista arrestaw lil Patri Titu, fejn qalulu ċar u tond li l-ħtija tiegħu kienet li ried jobdi lill-Arċisqof u mhux lilhom.

Kien mibgħut l-ewwel fil-ħabs ta’ Skeveningen. Kien f’ċella waħdu jitlob u jikteb fuq il-ħajja ta’ Santa Tereża u għalih kienet ta’ faraġ kbir. Wara xahrejn intbagħat f’ħabs ieħor u fl-aħħar f’Dachau, fejn neħħewlu u ħadulu kulma kellu, kuruna, brevjar u l-ħwejjeġ, u libbsuh ta’ ħabsi bin-numru 30491. Fil-ħabs ma kien jilminta qatt, dejjem ifittex li jfarraġ u jgħin lil kulħadd. F’Dachau fost tant priġunieri oħra, l-aktar qassisin Pollakki, iltaqa’ ma’ Karmelitan, Fra Rafel Tijhuis, li waqaf ħafna ma’ Patri Titu meta dan kien ikun imsawwat bis-saqajn u bil-frosta mill-gwardjani.

Patri Titu kellu ħsiebu dejjem f’Alla. Kien iħobb igħid “Ġesù ftakar li qiegħed waħdi miegħek. Qatt ma kont hekk qrib tiegħek f’ħajti. Ibqa’ dejjem miegħi.” Imma saħħtu ma kinitx tiflaħ għan-nuqqas ta’ ikel, xogħol iebes u swat. Darba f’ġurnata ta’ xita qawwija ġie mixħut b’daqqa ta’ sieq f’għadira tajn. Dam hemm erba’ sigħat, bla ma ħadd seta’ jgħinu. Il-faraġ waħdieni tiegħu kien meta Fra Rafel Tijhuis kien jirnexxielu jġiblu bil-moħbi lil Ġesù Ewkaristija mingħand xi saċerdot Tedesk. L-istess Rafel Tijhuis ma felaħx jara lil Patri Titu jbati bil-mard li kellu. Għamel kuraġġ u mar sab il-Profs. tal-kamp qallu biex iġiblu lil Patri Titu. Kif Patri Titu daħal fil-klinika, it-tabib bagħat lil Fra Rafel ‘il barra, u kif soltu kienu jagħmlu lill-priġunieri lil Patri Titu tawh l-injezzjoni “tal-grazzja”, jiġifieri tal-mewt.

Miet fis-26 ta’ Lulju 1942. Lill-infermiera li tagħtu l-injezzjoni bl-aċidu karboliku tal-kuruna tar-rużarju tiegħu li kien għamel b’xi “imbarazz” li sab fil-ħabs. “Ma nitlobx, ma nafx nitlob” qaltlu l-infermiera meta ta l-kuruna. “Tibżax biżżejjed jekk tgħid biss fuq kull żibġa, itlob għalina midinbin” qallha Titu Brandsma”. “Jiena nibqa nitlob għalik” kompla jgħidilha. Dan ħareġ fix-xhieda l-infermiera tat waqt il-kawża tal-Beatifikazzjoni. L-infermiera tgħid li bis-saħħa ta’ dan hija reġgħet bdiet tipprattika l-fidi Nisranija.

Patri Titu Brandsma kien beatifikat mill-Papa Qaddis Ġwann Pawlu II fit-3 ta’ Novembru 1985. It-tifkira tiegħu issir fis-27 ta’ Lulju. Il-fdalijiet tal-Beatu Titu Brandsma flimkien mal-kitbiet tiegħu kienu maħruqa fil-kamp ta’ konċentrament u taru mar-riħ, imma xhieda tiegħu daqshekk b’saħħita u ħajja tagħmlu l-vera protettur modern tal-ġurnalisti Kattoliċi.

Ħsieb: IT-TRIQ TAS-SALIB – Bi ħsibijiet tal-Beatu Titu Brandsma O.Carm:

1. Ġesù kkundannat għall-mewt ~ O Ġesù, il-poplu li f’nofsu għaddejt tagħmel il-ġid, ħallas l-imħabba tiegħek bl- ingratitudni u bl-inġustizzja, u għajjat: “Sallbu!” Imma int sofrejt aktar meta Pilatu, bl-iskuża li ried jagħmel ħaqq – bħallikieku hu kien innoċenti jew li ma seta’ jagħmel xejn quddiem dik l-għajta – minkejja li ddikjara li ma sab fik ebda ħtija, ikkundannak għall-mewt l-aktar kiefra u ta’ mistħija: dik tas-salib. Imma inti batejt u bqajt sieket. O Marija, dik l-għajta kiefra tal-poplu u dik is-sentenza inġusta ta’ Pilatu nifdulek qalbek bħal sejf ta’ niket. Imma int ukoll, bħal Ibnek Ġesù, bqajt tbati fis-skiet.

2. Ġesù mġiegħel jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’kuraġġ hemm moħbi quddiem it-tbatija u fit-tgħanniqa tiegħek mas- Salib, li b’kefrija qegħdulek fuq spallejk biex fuqu jsammruk u joqtluk! Inti għannaqtu għall-imħabba tiegħek lejja, biex hekk tpatti għal dnubieti u ttaffi t-tbatijiet tiegħi. O Marija, x’għafsa ta’ qalb ħassejt, meta s-salib tqil u tal-biża’ tqiegħed fuq spallejn Ibnek.

3. Ġesù jaqa’ l-ewwel darba taħt is-salib ~ O Ġesù, quddiem id-dgħufija tagħna, u mifnija mid-diżgrazzji li jkidduna, inti ridt tagħtina eżempju ta’ kuraġġ. X’umiljazzjoni kellha tkun għalik, is-Sid tas-sema u l-art, li ma kontx kapaċi ġġorr salibek bi kburija u b’qawwa, imma li taqa’ tul it-triq. O Marija, min jaf xi tbatija ħassejt, meta rajt lil Ibnek hekk umiljat, li jċedi taħt is-salib. Kemm batejt meta rajt li ħadd ma għenu, minflok qajmuh bl-herra u ġagħluh jieħu mill-ġdid fuq spallejh is-salib!

4. Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu Marija Santissima ~ O Ġesù, x’dulur kiefer ieħor ġarrabt meta bla ma ridt, kellek tħalli lill-għażiża Ommok taqsam miegħek it-tbatijiet, li int aċċettajt minħabba fina. Min jaf kemm xtaqt teħlisha minn dawn id-duluri ġodda. Imma dawn kellhom iservu għall-qdusija u l-glorja tagħha: u ridt li jkunu sinjal għal Ġwanni u għalina biex nersqu lejk, l-Imgħallem divin tagħna. O Marija, għalkemm kien diffiċli għalik, imħabbtek ġagħlitek timxi l-istess triq tas-salib li għadda minnha Ibnek, u mħabbtek kaxkret magħha lil Ġwanni wkoll.

5. Xmun minn Ċirene jgħin lil Ġesù jerfa’ s-salib ~ O Ġesù, x’dulur u x’umiljazzjoni, li wieħed barrani kien imġiegħel jgħinek, filwaqt li dawk li jħobbuk, bħalma kien Ġwanni – li żgur, kieku seta’, kien lest li jġorr is-salib tiegħek – ma tħallewx jersqu lejk! Lil min nixbah jien, lil Xmun jew lil Ġwanni? O Marija, kemm tbatija kellek iġġarrab meta s-suldati, bl-għan li jaraw lil Ibnek jasal ħaj sa fuq is-salib, m’aċċettawx l-għajnuna ta’ dixxiplu, iżda ġagħlu jgħinu wieħed barrani.

6. Il-Veronika timsaħ wiċċ Ġesù ~ O Ġesù, x’ġentilezza wrejt tul it-triq tas-salib, meta bħala tifkira ta’ tbatijietek inti stampajt il-Wiċċ divin tiegħek fuq il-velu li bih il-mara twajba naddfet lill-Wiċċ qaddis tiegħek. Jalla din ix-xbieha tibqa’ mnaqqxa f’moħħi, biex dejjem inżomm quddiem għajnejja t-tbatijiet tiegħek bħala eżempju. O Marija, x’teżor kellu jkun għalik dan il-velu mqaddes! B’liema ħniena inti kkontemplajtu, u x’kuraġġ u x’qawwa tatek din it-tifkira tat-tbatijiet ta’ Ibnek.

7. Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib ~ O Ġesù, ma kienx biżżejjed għall-għedewwa tiegħek li taħt it-toqol tas-salib inti taqa’ darba biss, sabiex ikunu jistgħu jħarsu lejk bi tmaqdir fin-nuqqas ta’ ħila tiegħek. O Marija, kemm qsim il-qalb għan-nuqqas ta’ għajnuna murija ma’ Ibnek l-għażiż. Żgur li ħarist madwarek, biex tara jekk xi ħadd riedx jieħu fuq spallejh it-toqol kbir tas-salib, u bħaċ-Ċirinew, titolbu jerfa’ l-piż kollu.

8. Ġesù jitkellem ma’ wlied Ġerusalemm ~ O Ġesù, il-kliem li inti għedt lin-nisa li tħassruk tul it-triq tas-salib, tgħidu lili wkoll: “Mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom, għaliex jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk aħdar, x’sejjer jiġri miz-zokk niexef?” Qed niftakar ukoll il-kliem l-ieħor: “Mhux min jgħid Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-sema, iżda min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri, li huwa fis-sema”. Mhux biżżejjed li jien nitħassar it-tbatijiet tiegħek, jeħtieġ ukoll nieħu sehem miegħek, u b’qalb ġeneruża naċċetta minn idejk in-niket u l-provi li inti tibgħatli, u nġorrhom f’għaqda sħiħa miegħek. Inti d-dielja, aħna l-friegħi: jekk ma nibqgħux magħqudin Miegħek, ninxfu u ma nkunu niswew għal xejn. O Marija, inti mhux biss urejt ħniena, imma mxejt ma’ Ibnek it-triq kollha tas-salib: ħu lili wkoll miegħek.

9. Ġesù jaqa’ għat-tielet darba ~ O Ġesù, bit-tliet waqgħat tiegħek taħt is-salib, inti ridt tpatti għat-tliet ċaħdiet tal-appostlu tiegħek, li kien jaħseb li huwa qawwi, u għall-waqgħat imtennija tagħna fid-dnub. Inti wrejtna wkoll li wżajt il-ftit saħħa li kien baqagħlek biex tasal sal-quċċata tal-għolja tal-martirju. Fis-salib, u fit-tbatijiet li tibgħatilna, int tgħallimna nagħmlu ħilitna kollha ħalli naqdu d-dmirijiet li l-ħniena tiegħek fdatilna f’idejna, u biex kull darba li aħna naqtgħu qalbna u nogħtru, inħarsu lejn il-waqgħat tiegħek taħt is-salib u minnhom nieħdu l-qawwa li jkollna bżonn. O Marija, int kont xhieda ta’ kif Ibnek uża sal-aħħar ħiltu kollha; għinna nħarsu lejh meta t-twettiq tad-dmirijiet ta’ ħajjitna jsiru tqal wisq biex inġorruhom.

10. Ġesù mneżża’ minn ħwejġu ~ O Ġesù, kif irnexxielek tixrob il-kalċi tat-tbatija sal-qiegħ, b’rieda sħiħa li tkun mislub mal-għuda iebsa tas-Salib, imneżża’ minn kollox! Għażilt il-kalċi tal- morr u warrabt ix-xarba li riedu jagħtuk biex itaffulek it-tbatijiet. O Marija, żgur li qalbek kienet mimlija b’qawwa speċjali fit-tbatija tiegħek ma’ Ibnek, filwaqt li rajtu mneżża’ minn ħwejġu kollha, jirrifjuta x-xorb li bih seta’ jnaqqas is-sensibilità tiegħu għall-uġigħ. Kemm kien qawwi għalik dan l-eżempju biex quddiem din il-kefrija kollha inti tibqa’ magħquda miegħu.

11. Ġesù msammar mas-salib ~ O Ġesù, kellha tkun ħaġa tassew tal-biża’ għalik li tkun mislub mal-għuda tas-salib b’imsiemer hekk ħorox, biex imdendel minn dawn il-feriti, tmut bil-mod il-mod. O Marija, is-sejf tad-dulur imħabbar minn Xmun nifidlek qalbek, l-aktar meta smajt id-daqqiet kiefra tal-martell, li bihom il-qattiela nifdu l-idejn u r-riġlejn tal-Iben divin tiegħek u waħħluh mas-salib.

12. Ġesù jmut fuq is-salib ~ O Ġesù, għalina huwa misteru li ma nistgħux nifhmuh, kif inti, fi tmiem il-ħidma tiegħek, ridt tmut għalina u tidħol fis-saltna tal-mewt bħallikieku l-missjoni kollha tiegħek kienet falliment, bħallikieku ħajtek kollha kienet bla fejda, hekk li fid-deher kienet rebħa għall-għedewwa tiegħek. O Marija, min jaf x’ħassejt meta rajt it-tmiem tal-missjoni ta’ Ibnek, li tarah imut quddiem għajnejk bl-aktar mewta kiefra u ta’ mistħija, ukoll jekk il-fidi tiegħek kienet tgħidlek il-kuntrarju: li Huwa kellu jirbħilna l-ħajja mill-ġdid proprju permezz ta’ din it-triq.

13. Ġesù mniżżel minn fuq is-salib ~ O Ġesù, x’eżempju tajt lil Ommok wara mewtek, meta ħallejt il-ġisem mejjet tiegħek jitqiegħed fi ħdanha. Dan kellu jżidilha d-dulur tagħha u wkoll jagħmilha ħaġa waħda mad-dulur u t-tbatijiet tiegħek, imma fl-istess ħin Inti mlejtha bil-qawwa tiegħek biex imbagħad tkun tista’ tagħmilha ‘Sultana tal-Martri’. O Marija, Omm tad-duluri, meta l-Knisja tikkontemplak bil-ġisem ta’ Ġesù fi ħdanek, tpoġġi fuq fommok dawn il-kelmiet: “O intom, li għaddejjin minn hawn, araw jekk hemmx dulur bħal tiegħi!” Għallimni nikkontempla miegħek il-Ġisem ta’ Ibnek divin, biex magħkom inġorr it-tbatijiet tiegħi.

14. Ġesù mqiegħed fil-qabar * ~ Ġesù, kull meta nħares lejk inħoss li tħobbni, li tqisni l-egħżeż fost il-ħbieb, u nħoss li nħobbok bħala l-akbar ġid li għandi. Jien naf, Mulej, li mħabbtek titlob kuraġġ u tbatija, iżda t-tbatija hi t-triq waħdanija li twassal fid-dija tal-glorja tiegħek. Mulej, jekk f’qalbi niket jiżdied ma’ niket inqisu rigal sabiħ tiegħek, għaliex jagħmilni nixbhek u jgħaqqadni miegħek. Ħallini waħdi f’din iċ-ċella kiesħa; m’għandi bżonn ħadd ħliefek, ma nibżax noqgħod waħdi għaliex, Int, ħdejja. Ibqa’ hawn, Ġesù, tħallinix waħdi; kull fejn tgħix Int, Mulej, kollox ħafif … kollox sabiħ!

* Il-Beatu Titu Brandsma kien maqtul qabel temm jikteb din il-Via Sagra. Minflok ħsieb bħal fl-istazzjonijiet l-oħrajn, għandna t-talba “Quddiem xbieha ta’ Ġesù fiċ-ċella tiegħi” li huwa stess kiteb fil-ħabs ta’ Scheveningen nhar it- 12 ta’ Frar 1942.

Talba: O Alla ħanin li tista’ kollox, int li fdejtna bil-passjoni mqaddsa ta’ Ibnek Ġesù Kristu, għoġbok li tgħaqqad mas-sofferenzi tiegħu, is-sofferenzi tal-Beatu Titu Brandsma; żomm sħiħa fina l-opra tal-ħniena tiegħek biex ngħixu dejjem fidili lejk u aħna wkoll ngħaqqdu s-sofferenzi tagħna ma ta’ Ibnek lill-Għażiż għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://ocarm.org/en/content/liturgy/bl-titus-brandsma-priest-and-martyr-m

Alternative Reading: http://carmelnet.org/brandsma/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Titus_Brandsma

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mis-sit: fleurdelysmalta.parish

26 ta’ Lulju: San Ġwakkin u Sant’Anna

“Lejl u nhar kienu jaqdu lill-Mulej fis-sawm u t-talb, u kienu jistennew il-fidwa ta’ Iżrael. Kienu jitolbu biex Alla jżur lill-poplu tiegħu”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna (Luqa 2:37, 38; 7:16).

SOW-Joachim-AnneSAN ĠWAKKIN U SANT’ANNA
Ġenituri tal-Verġni Mqaddsa Marija
L-ewwel Seklu qabel Kristu

Tagħrif: L-ismijiet ta’ missier u omm il-Verġni Mqaddsa Marija kienu Ġwakkin u Anna. (Anna tfisser grazzja). It-tnejn kienu mit-tribù ta’ Ġuda mid-dar tas-Sultan David. Fi xjuħithom marru joqogħdu f’Ġerusalemm mill-Galilija u hemm kellhom tarbija li semmewha Marija li probabbilment kienet l-unika tarbija tagħhom. Fir-raba’ seklu nbiet knisja, aktarx minn Santa Elena, fuq il-post fejn jingħad li kien hemm id-dar li fiha kienu jgħixu. Dan nafuh minn tradizzjoni antika, għax mill-Iskrittura ma nafu xejn dwarhom.

Fil-Vanġelu nsibu ’l waħda mara jisimha Marija u hi msejħa oħt Marija Omm Ġesù (Ġwanni 19:25). Din x’aktarx li kienet il-kuġina tagħha għax f’dak iż-żmien fil-lvant hekk kienet id-drawwa li jsejħu l-qraba ta’ xulxin.

San Ġwakkin u Sant’ Anna kienu n-nanniet ta’ Ġesù.

Aktar dettalji
It-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien, imma ulied ma kellhomx. Għalhekk huma għamlu wegħda li jekk ikollhom tarbija joffruha lil Alla. Il-ġrajja ta’ ġenituri anzjani li kellhom ulied fi xjuħithom insibuhom diversi drabi fit-Testment il-Qadim, kif ukoll fit-Testment il-Ġdid fil-każ tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista. Dan ifisser l-indħil speċjali ta’ Alla fit-tnissil ta’ dik it-tarbija billi jkun irid minnha missjoni speċjali.

Fil-każ tal-Madonna, it-tnissil tagħha kien verament wieħed speċjali mhux biss għax kienet Immakulata, imma wkoll għax minnha kellu jitwieled il-mixtieq Messija.

Id-devozzjoni lejn Santa Anna hi qadima fil-knisja. Fis-seklu sitta Ġustinjanu ddedika knisja lil Sant’Anna f’Kostantinopli. Il-qima lejn San Ġwakkin bdiet fil-Lvant madwar żewġ sekli wara.

Il-fundatur tal-MUSEUM San Ġorġ Preca kien devot ħafna ta’ Santa Anna, li ġenjalment kien iħobb isejħilha n-nanna ta’ Ġesù. Kien bil-pariri tiegħu li l-knisja ġdida tagħha ta’ Wied il-Għajn, l-unika parroċċa fil-gżejjer tagħna tibqa’ ddedikata lil din qaddisa, omm il-Verġni Mbierka. Hu xerred id-devozzjoni lejha u kellu jmut proprju fil-festa tagħha, fis-26 ta’ Lulju 1962.

Ġewwa l-gżira ta’ Għawdex insibu kappella ċkejkna fil-bajja tad-Dwejra li wkoll hi ddedikata lil Sant’Anna u ħafna jmorru jinvistaw din il-kappella, speċjalment dawk li jkunu ser isiru ommijiet jew l-koppja b’ringrazzjament għall-wild tagħhom.

Ħsieb: Qari mid-Diskorsi ta’ l-isqof San Ġwann Damaxxenu bit-titlu ‘Mill-frott tagħhom tagħrfuhom’:

“Anna kienet se ġġib fid-dinja lill-Verġni Omm Alla; għalhekk in-natura ma ssugratx tibda taħdem qabel il-grazzja, iżda ċċaħħdet mill-frott sa ma l-grazzja tkun tat il-frott tagħha. Għax kien meħtieġ li l-ewwel titwieled il-bint il-kbira, li minnha kien għad irid jitwieled il-kbir fost il-ħlejjaq kollha, li kollox fih qiegħed iżomm.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka! Il-ħolqien kollu huwa obbligat lejkom, għax permezz tagħkom seta’ joffri l-aqwa don lill-Ħallieq tiegħu, jiġifieri l-omm safja li hi weħidha kienet tixraq lill-Ħallieq.

Ifraħ, Anna, mara bla tfal li ma wlidtx, infexx f’għajat ta’ ferħ u għana, int li ma ġarrabtx l-uġigħ tal-ħlas. Imtela bl-hena, Ġwakkin, għax minn bintek twildilna tifel, ingħatalna iben, u jsemmuh Kunsillier tal-għaġeb li jħabbar is-salvazzjoni lid-dinja kollha, Alla setgħan. Dan it-tifel hu Alla.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin imbierka u l-iżjed safja! Intom tingħarfu mill-frott tagħkom, kif jgħid il-Mulej: Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Intom għextu kif jogħġob lil Alla u kif kien jixraq lil dik li twieldet minnkom. Għax bil-ħajja safja u qaddisa tagħkom tajtu ġawhra lid-dinja, dik li kienet verġni qabel it-twelid, verġni fit-twelid, u verġni wara t-twelid, dik li weħidha baqgħet dejjem verġni fir-ruħ, fil-qalb u fil-ġisem.

O Ġwakkin u Anna, bnedmin l-iżjed safja! Intom ħaristu s-safa skont ma titlob il-liġi naturali, u ksibtu mingħand Alla ħaġa li tisboq il-qawwa tan-natura, għax ġibtu fid-dinja lil omm Alla li ma għarfitx raġel. Bil-ħajja tagħkom ta’ bnedmin tajba u qaddisa, wlidtu bint aqwa mill-anġli u li issa hi sidt l-anġli. O tfajla ta’ ġmiel u ħlewwa tal-għaġeb, bint Adam u omm Alla! Hienja l-ġnub u l-ġuf li minnhom tnissilt! Hienja d-dirgħajn li ħaddnuk u x-xufftejn tal-ġenituri tiegħek li tawk kemm-il bewsa safja biex iħarsuk bi mħabbithom u tibqa’ dejjem u f’kollox verġni! Għajjtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha, infexxu fl-hena, ifirħu u għannu! Għajjtu bil-ferħ, għajjtu, la tibżgħux!”

Ilum hija l-“festa tan-nanniet”. Din il-festa għandha tfakkar lin-nanniet dwar ir-responsabbiltà tagħhom li jistabbilixxu ton għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin: Huma għandhom jagħtu ħajja lit-tradizzjonijiet qaddisa u jgħallmuhom lin-neputijiet tagħhom. Iżda l-festa għandha wkoll messaġġ għall-ġenerazzjoni żagħżugħa. Tfakkar liż-żgħażagħ fil-perspettiva ikbar tal-anzjani, fil-profondità tal-esperjenza tagħhom u fl-apprezzament tar-ritmi profondi tal-ħajja. Dawn huma kollha parti minn għerf li m’għandux jittieħed bħal donnu mhux importanti u jiġi injorat.

“Il-familja hija l-fundazzjoni tas-soċjetà. Fiha diversi ġenerazzjonijiet jiltaqgħu flimkien u jgħinu ’l xulxin biex jikbru fl-għerf u jarmonizzaw id-drittijiet personali mal-bżonnijiet tal-ħajja soċjali.” ~ Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja f’dinja Moderna: Nru. 52.

Talba: Mulej, Alla ta’ missirijietna, inti ħtart lil San Ġwakkin u ‘l Sant’Anna u tajthom il-grazzja li minnhom titwieled Omm Ibnek magħmul bniedem; bit-talb tagħhom, agħmel li aħna niksbu s-salvazzjoni li int wegħedt lill-poplu tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholicnewsagency.com/saint/sts-anne-and-joachim-313

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saints-joachim-and-anne/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Joachim

 

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

25 ta’ Lulju: San Ġakbu l-Kbir

“Dawn, meta kienu fostna, ħawwlu l-Knisja u saqqewha b’demmhom. Huma xorbu l-kalċi tal-Mulej u saru ħbieb ta’ Alla. Mal-art kollha jasal leħinhom, mad-dinja kollha jinxtered kliemhom”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Ġakbu l-Kbir (Salm 18 (19):5).

jamesSAN ĠAKBU L-KBIR
Appostlu
L-ewwel Seklu

Tagħrif: San Ġakbu, li jiġi ħu San Ġwann l-Appostlu, kien magħruf bħala Ġakbu l-Kbir biex jingħaraf mill-Appostlu Ġakbu l-ieħor li x’aktarx kien iżgħar fl-eta’.

Kien sajjied minn Betsajda, fil-Galilija. Ġurnata waħda, hu u ħuħ Ġwanni kienu qed jistadu flimkien ma’ missierhom Żebedew meta Ġesù kien għaddej mill-inħawi u sejħilhom biex ikunu dixxipli tiegħu. It-tnejn ħallew lil missierhom, ix-xbiek u kollox, u marru miegħu.

Lil dawn iż-żewġ aħwa, Ġesù tahom l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad” (Mark 3:17) x’aktarx għax kienu fuq tagħhom, bħal meta darba qalu lil Ġesù: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna” (Mark 10: 35-41). Darb’oħra meta s-Sammaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” (Luqa 9:54).

San Ġakbu kien ma’ San Pietru u San Ġwann meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru mill-mewt; kien magħhom ukoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; u wkoll fl-agunija ta’ Ġesù fil-ġnien taż-Żebbuġ.

Tradizzjoni tgħid li wara t-tlugħ tal-Mulej Ġesù fis-sema, San Ġakbu mar Spanja jippriedka l-Vanġelu. F’Compostella hemm knisja famuża ddedikata f’ismu, u hemm jingħatalu ġieħ mill-ikbar.

Kien l-ewwel wieħed fost l-appostli li miet għal Ġesù, bil-qtugħ ir-ras, fil-Palestina, fis-sena 43, fi żmien is-Sultan Agrippa I. Sa mis-seklu 9 Spanja tiftaħar li l-fdal tal-qaddis (li huma jsejħulu Sant Jago) jinsabu f’Compostella, u l-pellegrinaġġi lejn Santjago ta’ Compostella kienu saru famużi ħafna fiż-żminijiet tan-nofs.

Fil-gżejjer tagħna għandna diversi knejjes iddedikati lil dan l-appostlu, fosthom dik tal-belt Valletta, dik ta’ Ħaż-Żabbar, u dik tar-Rabat Għawdex.

Ħsieb: Qari mill-Omiliji tal-isqof San Ġwann Kriżostmu fuq l-Evanġelju ta’ San Mattew bit-titlu ‘Issieħbu ma’ Kristu fit-tbatijiet’:

“Ulied Żebedew talbu bil-ħerqa lil Kristu u qalulu: Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fix-xellug fil-glorja tiegħek. Ġesù ried jurihom li ma kienu qegħdin jitolbu xejn spiritwali, u li dik it-talba qatt ma kienu jissugraw jagħmluhielu kieku kienu jafu x’inhuma jgħidu. Għalhekk qalilhom: Ma tafux x’intom titolbu; jiġifieri, kemm hi ħaġa kbira u tal-għaġeb li tisboq saħansitra l-istess qawwiet tas-sema. U żied jgħidilhom: Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien? Qalilhom: “Intom ġejtu tkellmuni fuq ġieħ u glorja, u jien qed inkellimkom fuq taqbid u għaraq. Għax issa għadu m’hux żmien il-premju, u dik il-glorja tiegħi m’hijiex se tidher issa; il-ħajja ta’ issa hi ħajja ta’ taqtigħat, ta’ gwerer u perikli”.

Iżda araw kif staqsiehom biex iwissihom u jħajjarhom. Ma qalilhomx: “Għandkom ħila tidħlu għat-taqtigħa? Għandkom ħila xxerdu demmkom?” Mela kif staqsiehom? Għandkom ħila tixorbu l-kalċi? Mbagħad, biex jagħtihielhom aktar bil-ħlewwa, żied jgħidilhom: Li se nixrob jien, biex jekk jissieħbu miegħu jitħejjew aħjar. Il-kalċi sejjaħlu magħmudija, biex jurihom x’tindif kbir kien se jsir fid-dinja. Imbagħad qalulu: Għandna ħila. Qalbhom tħeġġet u minnufih wegħduh, mhux għax kienu jafu x’inhuma jgħidu, iżda għax stennew li se jaqilgħu dak li talbu.

U x’weġibhom Ġesù? Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien. Ħabbrilhom ġid kbir, fi kliem ieħor qalilhom: “Il-martirju jkun jistħoqqilkom, u għad issofru t-tbatijiet li se nbati jien, għax ittemmu ħajjitkom b’mewt qalila, u f’dan tissieħbu miegħi. Imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija minn Missieri”. L-ewwel refgħalhom qlubhom ‘il fuq, u mbagħad kompla jgħollihom, wettaqhom biex jegħlbu d-dwejjaq kollha, sakemm fl-aħħar wissiehom fuq it-talba tagħhom.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa. Qegħdin taraw? Kollha kienu għadhom imperfetti, kemm dawk it-tnejn li riedu jaqbżu l-għaxra l-oħra, kemm l-għaxra li ġiethom l-għira għal dawk it-tnejn. Imma, kif diġa’ għedtilkom, ħarsu lejhom wara li għaddew dawn il-ġrajja, u taraw kif warrbu għalkollox dawn il-frugħat minnhom. Dan l-istess Ġwanni, li issa xtaq post minn ta’ quddiem, aktar tard jibda jħalli dan il-post dejjem lil Pietru biex dan jitkellem u jagħmel il-mirakli, kif naqraw fl-Atti tal-Appostli. U Ġakbu ma damx wisq jgħix, għax minnufih imtela b’ħeġġa kbira, warrab minnu kull ma hu tal-art, u ssieħeb ma’ Kristu hekk mill-qrib li malajr ħa l-mewt għalih”.

Mhux minnu li wieħed ikun qaddis irid jitwieled qaddis jew irid ikun mingħajr nuqqasijiet. L-Appostlu San Ġakbu huwa eżempju l-iktar ċar ta’ dan. Kien ta’ karattru li malajr jixgħel; kellu demmu spont. Minkejja dan, meta Ġesù sejjaħlu ħalla kollox u mar warajh; inbidel u sar Qaddis.

  • U int, qed tħalli lill-Mulej jagħmlek qaddis/a?
  • Qiegħed/qiegħda tgħin fil-ħidma tal-evanġelizazzjoni?
  • Titlob biex aktar qlub jinfetħu biex jilqgħu l-Kelma tal-ħajja bil-ferħ?

Talba: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int qaddist l-ewwel ħidmiet ta’ l-Appostli tiegħek bil-martirju ta’ San Ġakbu; wettaq u għin lill-Knisja tiegħek bl-istqarrija u l-ħarsien tiegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen. (Talba mil-Liturġija tas-Sigħat)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: https://www.catholic.org/saints/saint.php?saint_id=59

Alternative Reading: http://saintsresource.com/james-the-greater

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/James,_son_of_Zebedee

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.