9 ta’ Lulju: San Ġwann minn Kolonja u sħabu

“Ifirħu wkoll jekk issa, għal ftit żmien ieħor, jeħtieġ tgħaddu min-niket ta’ ħafna provi. Hekk is-sinċerità tal-fidi tagħkom – li tiswa wisq aktar mid-deheb ippruvat bin-nar u li jintemm – tgħaddi mill-prova u fl-aħħar ikun jistħoqqilha t-tifħir u l-glorja u l-ġieħ meta jidher Ġesù Kristu”. ~ 1 Pietru 1: 6-7.

DAS-MARTYRIUM-DER-MOeNCHE-VON-GORKUM_74-IV_69231.jpgSAN ĠWANN MINN KOLONJA U SĦABU
Martri ta’ Gorcum
? – 1572

Tagħrif: Ftit il-bogħod minn Gorcum, kien hemm post jissejjaħ Hooraer.

Il-kappillan ta’ din il-paroċċa kien Ġwann Heer (Ġwann ta’ Kolonja) li kien twieled fil-Ġermanja fil-bidu tas-seklu sittax u daħal fl-Ordni Dumnikana fil-kunvent ta’ Kolonja.

Fil-ħeġġa għall-fidi kattolika u l-ħerqa tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, huwa mar jaħdem l-Olanda bħala kappillan ta’ Hoornaer. Kien ilu jaħdem hemmhekk għal madwar għoxrin sena.

Meta waslet l-aħbar li saċerdoti u reliġjużi f’Gorcum ġew arrestati, imqanqal minn imħabba ta’ qalb kbira mar jagħti l-għajnuna tiegħu. F’Gorcum hu kien jamministra s-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija.

Iżda l-movimenti ta’ Ġwanni bdew jiġu nnotati u darba minnhom waqt li kien sejjer jgħammed tarbija, ġie arrestat. Ġie akkużat li fil-visti tiegħu kien qed jispjuna għar-Re ta’ Spanja.

Fid-9 ta’ Lulju 1572, dsatax, bejn reliġjużi u saċerdoti, ġew mogħtija t-tgħalliq f’Brielle (Olanda). Ġew maqtulin mill-Kalvanisti għax kienu jiddefendu l-awtorità tal-Knisja ta’ Ruma u l-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.

Ħdax minnhom kienu Franġiskani tal-kunvent ta’ Gorcum, fosthom il-Patri Gwardjan Nikola Pick u l-vigarju Ġirolmu Werden; wieħed Dumnikan (Ġwann ta’ Kolonja), tnejn Norbertjani, wieħed kanonku regulari ta’ Santu Wistin u erba’ qassisin.

Dawn kienu magħduda mal-qaddisin tal-Knisja mill-Papa Piju IX. Il-fdal tagħhom jinsab f’Santwarju għad unur tagħhom ġewwa Brielle, l-Olanda.

Ħsieb: Kien fix-xahar ta’ Ġunju tal-1572, li l-Kalvinisti ħakmu f’idejhom il-belt ta’ Gorcum fl-Olanda. Qabdu lil dawn l-insara li semmejna li kienu joqgħodu f’dik il-belt, u bdew jeħduhom minn raħal għal ieħor u jwaqqgħuhom għaż-żufjett quddiem in-nies kollha tal-pajjiż. Qafluhom imbagħad fil-ħabs ta’ Brielle u hemm tawhom kull għamla ta’ tortura biex iġagħluhom jiċħdu l-fidi Kattolika fl-Ewkaristija u fil-primat tal-Papa. Damu mis-26 ta’ Ġunju sas-6 ta’ Lulju. Għalxejn ipprova jaqbeż għalihom William of Orange, għaliex xorta l-kmandant Watergerzen ħareġ il-mandatt li wara torturi mill-aktar ħarxa jmorru għall-forka. Huma baqgħu sħaħ fi twemminhom u għażlu li jieħdu l-martirju. Fost dawn il-martri tal-Olanda, insibu lid-Daniż San Wilhad ta’ 90 sena, l-ixjaħ wieħed fosthom.

It-Tnejn 30 ta’ Jannar 2017, fl-omelija tiegħu mid-Dar Santa Marta, il-Papa Franġisku qal hekk:

“Il-Knisja hi magħmula minn poplu t’Alla, midneb imma doċli, li jagħmel tant affarijiet kbar u jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu, sal-martirju. Il-martri huma dawk li jmexxu l-Knisja ‘l quddiem, sal-ġurnata tal-lum.

Illum hawn aktar martri mill-ewwel sekli. Il-midja dan ma tgħidux għax ma jitqiesx aħbar, imma llum bosta Nsara huma beati għax ippersegwitati, insultati, mitfugħin il-ħabs, imqar għax sempliċement kellhom salib fuqhom, jew għax iddikjaraw li jistqarru lil Ġesù Kristu. Din hi l-glorja tal-Knisja, hija s-sapport tagħna u l-umiljazzjoni tagħna. Aħna li għandna kollox, ingergru meta tonqosna xi ħaġa… imma ftit naħsbu dwar dawn ħutna, li llum, aktar mill-ewwel sekli, għadhom isofru l-martirju.

L-akbar forza tal-Knisja llum tinsab fil-Knejjes żgħar, bi ftit membri, li huma ppersegwitati u mitfugħin il-ħabs flimkien mal-isqfijiet tagħhom. Nazzarda ngħid, li Knisja mingħajr martri hi Knisja mingħajr Ġesù. Għalhekk nistedinkom biex titolbu għall-martri li jsofru bla qies u titolbu għal dawk il-Knejjes li m’għandhomx il-libertà li jesprimu ruħhom, li jsofru ħafna, għax it-tama tagħna tinsab fihom.

Kittieb tal-ewwel sekli tal-Knisja kien qal li d-demm tal-martri hu ż-żerriegħa tal-Insara. Bil-martirju u x-xhieda tagħhom, bit-tbatija tagħhom, bl-offerta ta’ ħajjithom, qed jiżirgħu l-futur. Jien nitlobkom biex toffru quddies għall-Knejjes li jsofru u li m’għandhomx libertà. U niżżu ħajr lill-Mulej, li aħna preżenti bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu f’dawn ħutna li llum jagħtu xhieda tiegħu”.

  • U int, titlob għall-insara ppersegwitati madwar id-dinja li lanqas jissemmew fl-aħbarijiet?
  • Lest/a li jwaqqgħuk għaż-żufjett filwaqt li inti tibqa’ tistqarr il-fidi tiegħek fi Kristu u fil-Knisja li hu waqqaf?

Talba: O Alla, int ħlaqt il-bnedmin kollha u tajthom is-salvazzjoni, b’mod tal-għaġeb sejjaħt għall-fidi kattolika l-popli tal-Olanda u wassalt il-qaddisin martri San Ġwann minn Kolonja u sħabu għall-istqarrija glorjuża tal-fidi; agħtina li, bl-eżempju u t-talb tagħhom, aħna wkoll iseħħilna nibqgħu sħaħ sal-mewt fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek u tat-tagħlim tal-Knisja Kattolika. Bi Kristu Sidna. Ammen.

English Version: https://saintscatholic.blogspot.com/2014/03/martyrs-of-gorkum.html

Alternative Reading: https://catholicexchange.com/the-19-martyrs-of-gorkum

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Martyrs_of_Gorkum

 

Nota: It-Tagħrif dwar dawn il-qaddisin tal-lum huwa meħud mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements