11 ta’ Lulju: San Benedittu

“Benedittu ħalla d-dar u l-ġid ta’ missieru, u, bix-xewqa li jgħix għal Alla waħdu, talab il-libsa mqaddsa reliġjuża, u għex waħdu fil-ġabra quddiem l-Għassies tas-sema. Huwa twarrab minn kulħadd u għażel il-bluha tad-dinja biex jikseb l-għerf ta’ Alla”. ~ Responsorju mil-Liturġija tas-Sigħat tal-Festa ta’ San Benedittu.

San-Benedetto-1SAN BENEDITTU
Abbati
480 – 547

Tagħrif: San Benedittu twieled f’Norcia, l-Italja, fis-sena 480, minn familja sinjura ħafna, u aktarx li kien tewmi ma’ oħtu, Santa Skolastika.

Huwa mar jistudja f’Ruma, iżda meta ra l-ħajja ħażina madwaru, ħalla kollox u mar jgħix waħdu fuq l-għoljiet ta’ Sabina, xi 65 km bogħod minn Ruma. Hawn iltaqa’ ma’ Romano, patri, li kien jgħix f’għar f’Subiaco, f’ħajja ta’ ġabra u talb. Biż-żmien xi rġiel u żgħażagħ bdew imorru jingħaqdu miegħu, u n-numru tagħhom baqa’ jikber kontinwament tant li sas-sena 525 kien ġa waqqaf tnax-il monasteru f’dawk l-inħawi.

Fis-sena 529 mar fuq Monte Cassino, bejn Napli u Ruma. Hawhekk ukoll ħafna marru jingħaqdu miegħu.

Fis-sena 530 waqqaf il-magħruf monasteru ta’ Monte Cassino. Ir-regola li kiteb għall-patrijiet tiegħu kienet mibnija fuq talb, studju u xogħol, swiet ta’ ġid enormi mhux biss għall-patrijiet iżda għall-Ewropa kollha. Il-monastiċiżmu ta’ San Benedittu ta patrijiet li għenu bis-sħiħ biex inbniet Ewropa ċċivilizzata u nisranija, billi:

  • bnew uħud mill-isbaħ knejjes fl-Ewropa,
  • fetħu ħafna skejjel,
  • għallmu lill-bdiewa jħaddmu l-art,
  • għallmu s-snajja’,
  • ippreservaw ħafna mill-klassiċi Griegi u Rumani,
  • ġabu progress kbir fix-xjenza, fl-arti u fl-agrikultura.

Fuq kollox l-Ordni tiegħu ta lill-Knisja 24 Papa, 4,600 isqof, u aktar minn 5,000 qaddis.

Miet fl-eta’ ta’ 67 sena f’Monte Cassino u difnuh fil-qabar ma’ oħtu Santa Skolastika li kienet mietet xi 40 jum qabel. Il-Papa Pawlu VI fl-24 ta’ Ottubru 1964 ddikjara lil S Benedittu Patrun prinċipali tal-Ewropa kollha. Diġà Piju XII fl-1947 sejjaħlu missier l-Ewropa.

Aktar dettalji
San Benedittu hu meqjus bħala l-Missier tal-Monastiċiżmu tal-Punent. Ir-regola tiegħu, li hija ta’ influwenza kbira, tiġbor fiha t-tradizzjoni monastika tal-Orjent. Hu addattaha b’għerf u diskrezzjoni għad-dinja latina, u kienet mezz biex tiftaħ triq ġdida għaċ-ċiviltà ewropea wara l-waqfa Rumana. F’din l-iskola ta’ servizz lill-Mulej għandhom rwol determinanti il-qari meditat tal-Kelma t’Alla u t-tifħir liturġiku, alternat b’waqtiet ta’ xogħol fi klima intensa ta’ karità fraterna u ta’ servizz reċiproku.

Din ir-regola hija bbażata fuq l-iskrittura u fuq awturi monastiċi ta’ qablu, San Benedittu saħaq ħafna fuq imħabba personali ħafna għal Kristu u fuq il-għaqal. Biż-żmien nibtu fil-kontinent ewropew u fil-gżejjer ċentri ta’ talb, ta’ kultura, ta’ promozzjoni umana, ta’ ospitalità għall-foqra u l-pellegrini. Żewġ sekli wara mewtu, l-għadd ta’ monasteri mmexxija mir-regola tiegħu, jiskorri l-elf. Dan il-Fundatur tal-Monastiċiżmu tal-Punent jixraqlu dawn it-titoli għax permezz ta’ wliedu l-Benedittini rnexxielu jiċċivilizza u jagħmel nisranija parti mmensa mill-Ewropa, mill-Ingilterra sal-Finlandja, minn Franza sal-Polonja u minn Spanja sal-Iskandinavja. (GGC, Avvenire, eċċ.)

Ħsieb: Qari mir-Regola ta’ San Benedittu, abbati bit-titlu ‘Tqiegħdu xejn qabel Kristu’:

“L-ewwelnett, qabel ma tibda xi ħaġa tajba, itlob b’ħerqa kbira lil Alla biex jagħmilha hu, għax wara li għoġbu jilqagħna fost uliedu, ma għandna qatt innikktuh bl-għemil ħażin tagħna. Hu jagħtina ħafna ġid, u jmissna nuruh li dejjem qegħdin ninqdew bih sewwa. Għalhekk inqisu li hu ma jkunx għalina bħal missier inkurlat li se jħalli lil uliedu barra mill-wirt, anqas bħal sid tal-biża’, imbaqbaq għal ħżunitna li se jixħetna fit-telfien ta’ dejjem bħal qaddejja mill-agħar li ma ridux jimxu warajh sal-glorja.

Mela nqumu sa fl-aħħar, l-Iskrittura tqajjimna u tgħidilna: Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas. Niftħu għajnejna għad-dawl tas-sema, u b’widnejn mistagħġba nisimgħu lil Alla li kuljum iwissina b’leħen għoli u jgħid: M’hux li kontu llum tisimgħu leħnu: La twebbsux qalbkom; u: Min għandu widnejn, ħa jisma’ xi jgħid l-Ispirtu lill-Knejjes.

U xi jgħid? Ejjew, uliedi, isimgħu lili: jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom. Ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dalm biex id-dlam tal-mewt ma jilħaqkomx.

Il-Mulej ifittex il-ħaddiem tiegħu f’nofs poplu kotran u jsejjaħ u jgħid: Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, u jixtieq jara għomru kollu riżq? Jekk int tisimgħu u twieġbu: “Jiena hu”, Alla jgħidlek: “Jekk tassew trid tgħix għal dejjem, ħares ilsienek mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, fittex is-sliem u imxi warajh. Jekk tagħmel dan, għajnejja jkunu lejk, u widnejja miftuħa għall-għajta tiegħek; jekk biss issejjħali, inwieġbek: Hawn jien”.

Ħuti għeżież, x’hemm aktar ħelu għalina minn din l-għajta ta’ l-istedina tal-Mulej? Araw, fit-tjieba tiegħu l-Mulej jurina t-triq tal-ħajja.

Mela nħażżmu ġenbejna bil-fidi u l-għemejjel tajba, u nissuktaw miexja fit-triq tal-Evanġelju, biex jistħoqqilna naraw lil dak li sejjħilkom għas-saltna tiegħu. Jekk irridu nidħlu fl-għamara tas-saltna tiegħu, m’aħniex se naslu jekk ma nħaffux permezz tal-għemejjel tajba.

Bħalma hemm għira ħażina li timla l-qalb bl-imrar, li tifridna minn Alla u twassalna fl-infern, hekk hemm għira tajba li tifridna mill-vizzju u twassalna għand Alla fil-ħajja ta’ dejjem. U l-għira ta’ mħabba l-iżjed imħeġġa li l-irħieb imissu jkollhom hija din: li jżommu wieħed lill-ieħor aqwa minnhom fil-ġieħ; jistabru ħafna b’min hu dgħajjef fil-ġisem u r-ruħ; ifittxu bil-ħerqa li jkunu ubbidjenti; ma jagħmlux kull wieħed li jaqbillu, imma li jaqbel lill-oħrajn; ikollhom imħabba safja bejniethom bħal aħwa; jibżgħu minn Alla bl-imħabba; iħobbu lis-superjur tagħhom b’għożża mill-qalb u umli; u ma jqiegħdu xejn u xejn qabel Kristu, li jwassalna flimkien għall-ħajja ta’ dejjem”.

  • “Itlob u aħdem” kien il-motto ta’ San Benedittu. Int għandek xi motto tiegħek personali? Kemm jekk għandek u kemm jekk m’għandekx, qed tara li t-talb ikollu postu fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum, jiġifieri li jkun hemm ħin matul il-jum li tgħaddieh f’għaqda ma’ Alla?

Talba: Qaddis admirabbli u duttur tal-umiltà, li pprattikajt dak li għallimt u li kont titlob b’ħeġġa u mħabba kbira ’l Alla filwaqt li taħdem għall-ġid tal-bnedmin; inti taf bil-perikli li qed iduru madwarna llum, perikli li ħoloq il-bniedem stess, ħarisna minn kull velenu kemm tal-ġisem, kif ukoll tal-moħħ u tar-ruħ, u kun inti tassew l-imbierek għalina lkoll. Ammen. (Talba lil San Benedittu)

Liturġija tas-Sigħat: Agħfas fuq PDF jew WORD biex tniżżel id-dokument.

English Version: http://www.saintbenedict.org/saint-benedict/

Alternative Reading: https://www.franciscanmedia.org/saint-benedict/

Wikipedia: https://en.wikipedia.org/wiki/Benedict_of_Nursia

 

Nota: It-Tagħrif dwar dan il-qaddis tal-lum huwa meħud mill-ktieb “Qaddisin fil-Liturġija tal-Knisja Universali”, miktub minn Dun Anton Sammut u mill-fuljett Signum Fidei.

Advertisements